Proċedura : 2018/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0226/2018

Testi mressqa :

B8-0226/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0199

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 407kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0225/2018
2.5.2018
PE621.600v01-00
 
B8-0226/2018

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela (2018/2695(RSP))


Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela (2018/2695(RSP))  
B8-0226/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina(6) u l-aħħar riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' April 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, u l-istqarrija għall-istampa li ħarġet wara l-laqgħa tagħha mal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela flimkien ma' rappreżentanti tal-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni fis-26 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sa Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Frar 2018 ta' "El Grupo de Lima", 

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-aħħar riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, adottata fi Frar 2018, ġew stabbiliti sett ta' kundizzjonijiet sabiex jiġu rikonoxxuti r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss, jiġifieri: kalendarju elettorali vijabbli, miftiehem fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, u li jirrispetta kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti, inkluża t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, u mingħajr priġunieri politiċi, u li jiżgura li l-Kunsill Elettorali Nazzjonali jkun ibbilanċjat fil-kompożizzjoni u imparzjali, u bl-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti, inkluż il-monitoraġġ minn osservaturi internazzjonali indipendenti;

B.  billi dawn il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi ma ġewx issodisfati, kif muri matul it-taħditiet f'Santo Domingo li fihom il-Gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela ma waslux għal ftehim; billi l-entitajiet demokratiċi internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, irrifjutaw l-istedina biex josservaw tali proċess elettorali illeġittimu;

C.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent li qed tirriżulta f'ħafna mwiet; billi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti bil-garanziji xierqa kollha, u li jingħata żmien adegwat biex issir tħejjija għalihom, huma prerekwiżiti fundamentali biex jiġu solvuti l-ħafna problemi li l-Venezwela qed tħabbat wiċċha magħhom; billi kważi 2 miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż; billi l-pajjiżi ospitanti qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjoni li dejjem qed tiżdied sabiex joffru assistenza u servizzi lil dawk li jaslu għandhom;

D.  billi l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela qed jikkawżaw aktar polarizzazzjoni u deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent u li qed tirriżulta f'ħafna mwiet;

1.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-elezzjonijiet skedati li jsiru fl-20 ta' Mejju 2018 ma jissodisfawx il-kriterji meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn jitwettqu b'mod ġust u kredibbli, bħalma huma l-pluraliżmu politiku, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jenfasizza li dawn issejħu bi ksur tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, li huwa korp mhux rikonoxxut mill-UE; ifakkar li, fiċ-ċirkustanzi attwali, il-Parlament Ewropew ma jistax jirrikonoxxi l-elezzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-proċess illeġittimu;

2.  Jenfasizza li l-ilħuq ta' ftehim bejn il-gvern u l-oppożizzjoni huwa l-uniku mod biex jinbena proċess ta' normalizzazzjoni politika, u biex jingħelbu l-qasma soċjali enormi u l-kriżi politika severa li l-Veneżwela ilha ssofri dawn l-aħħar ftit snin; iqis li l-aħjar għażla tkun li l-elezzjonijiet skedati għall-20 ta' Mejju jiġu posposti u li minnufih il-partijiet jiltaqgħu madwar il-mejda tan-negozjati sabiex jilħqu ftehim dwar il-proċedura elettorali bil-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi kollha, dwar id-data tal-elezzjonijiet, u dwar garanziji li, fil-Venezwela, jitwettaq proċess elettorali ġdid, ħieles, trasparenti u ekwu;

3.  Jistieden kemm lill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni jadottaw mingħajr aktar dewmien pjan ta' stabilizzazzjoni makroekonomika flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom, bħalma huma l-kriżi umanitarja kkawżata bl-iperinflazzjoni u l-iskarsezza tal-komoditajiet bażiċi u tal-mediċini; Itenni s-sejħa tiegħu lill-Gvern tal-Venezwela biex iħalli li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0200.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0345.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza