MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar reazzjoni għall-petizzjonijiet dwar l-indirizzar tal-prekarjetà u l-użu abbużiv tal-kuntratti b'terminu fiss
25.5.2018 - (2018/2600(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Cecilia Wikström, President f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet
B8-0238/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar reazzjoni għall-petizzjonijiet dwar l-indirizzar tal-prekarjetà u l-użu abbużiv tal-kuntratti b'terminu fiss
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 153(1)(a) u (b), 155(1) u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 30 tal-Karta Soċjali Ewropea u l-Artikoli 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-miżuri antidiskriminazzjoni u kontra l-abbuż tad-Direttiva tal-Kunsill 1997/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC – Anness: Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time (id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time)[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (id-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss)[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol)[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura f'impriżi ta' skala Komunitarja u fi gruppi ta' skala Komunitarja ta' impriżi għall-iskopijiet ta' tagħrif u konsultazzjoni tal-impjegati (id-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħol)[5],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 98 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, u l-Konvenzjoni 175 dwar Xogħol Part-time,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju[6],
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Kuntratti temporanji, impjieg prekarju, id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u tal-liġi dwar l-impjieg tal-UE", ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Novembru 2017[7],
– wara li kkunsidra l-bosta petizzjonijiet dwar il-ksur tad-Direttiva dwar ix-Xogħol għal Żmien Fiss fis-settur pubbliku[8], dwar il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol ta' ħaddiema impjegati fuq kuntratti ta' żero sigħat fis-settur privat[9], dwar ir-rappreżentazzjoni trejdjunjonistika u dwar id-diskrepanzi fis-sistemi tas-sigurtà soċjali[10] u li jopponi l-użu li qed jiżdied ta' kuntratti temporanji[11];
– wara li kkunsidra l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol (COM(2018)0131) u għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (COM(2018)0132),
– wara li kkunsidra l-eżitu tas-seduta ta' smigħ organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-22 ta' Novembru 2017 dwar "Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema f'impjiegi temporanji jew prekarji, abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti",
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg[12],
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 (COM(2017)0797),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar "Risposti għal petizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-prekarjetà u l-użu abbużiv ta' kuntratti għal żmien determinat" (O-000054/2018 – B8-0022/2018),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti b'terminu fiss jew part-time żdied fl-UE matul l-aħħar 15-il sena, bħala riżultat tal-politiki ta' awsterità u tnaqqis tad-drittijiet tax-xogħol li ġew implimentati, li wasslu għal żieda fil-prekarjetà u l-instabbiltà tax-xogħol; billi hemm bżonn ta' politiki effiċjenti li jkopru d-diversi forom ta' impjieg u jħarsu b'mod adegwat lill-ħaddiema;
B. billi l-kundizzjonijiet ta' xogħol prekarji huma mnissla mill-eżistenza ta' nuqqasijiet kbar fil-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-ħaddiema f'livelli differenti ta' regolamentazzjoni, inklużi l-liġi primarja u sekondarja tal-UE u l-liġi tal-Istati Membri; billi l-petizzjonijiet li jikkonċernaw tipi differenti ta' impjieg għandhom jiġu kkunsidrati f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv minn fejn joriġinaw u mil-liġi rilevanti tal-UE; billi l-politika soċjali u tax-xogħol tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
C. billi hemm bżonn li r-reazzjonijiet ta' politika jiġu adattati biex jirriflettu l-fatt li l-prekarjetà hija aspett dinamiku li jaffettwa r-relazzjonijiet kollha ta' impjieg personali; billi l-ġlieda kontra l-impjieg prekarju jeħtieġ li titwettaq permezz ta' pakkett ta' politika f'diversi livelli integrat li jippromwovi standards tax-xogħol inklużivi u effikaċi flimkien ma' miżuri effikaċi biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza;
D. billi l-għan li jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-prattiki inġusti tal-impjieg li jwasslu għall-prekarjetà għandu wkoll jiġi segwit fuq il-bażi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li tħares lejn il-ħolqien tax-xogħol, id-drittijiet fuq il-post ix-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, bl-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv trasversali;
E. billi d-data tal-Eurostat u tal-Eurofound dwar l-impjieg temporanju involontarju, dwar id-diskrepanzi fis-sessi u fl-età fl-impjieg temporanju u dwar is-sottoimpjieg ta' proporzjon notevoli ta' ħaddiema part-time turi emerġenza dejjem tikber ta' forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg; billi d-data dwar is-sottoimpjieg skont is-sessi u l-età turi li r-rati tiegħu huma fl-aktar livell baxx mill-2009;
F. billi diversi Stati Membri, matul is-snin, esperjenzaw żieda sinifikanti f'kuntratti ta' impjieg atipiċi u temporanji kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati, f'qafas legali fejn għadd kbir ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss ma setgħu jiġu la adegwatament evitati u lanqas issanzjonati minħabba n-nuqqas ta' rimedji effikaċi u proporzjonati; billi dan dgħajjef l-integrità tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-impjiegi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
G. billi hemm qafas komprensiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskju tal-prekarjetà ta' ċerti tipi ta' relazzjonijiet tal-impjieg, bħad-Direttiva dwar Kuntratti b'Terminu Fiss, id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time, id-Direttiva dwar Xogħol Temporanju, id-Direttiva dwr il-Ħin tax-Xogħol, id-Direttiva dwar Ugwaljanza fit-Trattament fl-Impjieg u fix-Xogħol, id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali bejn Persuni u d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali u l-Opportunitajiet Indaqs;
H. billi l-Kummissjoni akkumulat dewmien twil fl-immaniġġjar ta' proċedimenti ta' ksur dwar il-ksur tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-UE minn xi Stati Membri, li ppermetta l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss u l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema għal snin sħaħ;
I. billi informazzjoni reċenti relatata ma' petizzjonijiet dwar l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss fis-settur pubbliku enfasizzat is-sitwazzjoni ta' xi ħaddiema temporanji li tkeċċew mill-korp pubbliku fejn kienu qed jaħdmu wara deċiżjonijiet li ddikjaraw li dawk il-ħaddiema kienu sofrew minn użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol b'terminu fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP[13];
J. billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, peress li kull wieħed minnhom għandu l-leġiżlazzjoni speċifika tiegħu relatata mal-kuntratti ta' impjieg;
K. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet sema' evidenza qawwija dwar it-tkabbir tal-użu abbużiv ta' xogħol prekarju;
L. billi għal għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet ġodda, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ma rċeviex risposta mill-Kummissjoni, peress li ġew sottomessi fl-2017;
M. billi l-ħaddiema fuq kuntratti ta' żero sigħat jeħtiġilhom jitqiesu bħala ħaddiema skont il-liġi tal-UE, minħabba li huma jaħdmu taħt id-direzzjoni ta' ħaddieħor u jirċievu remunerazzjoni għal dak ix-xogħol, u għalhekk trid tapplika l-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE;
N. billi l-impjieg prekarju, inklużi kuntratti ta' żero sigħat, jirriżulta f'aċċess mhux adegwat għal protezzjoni soċjali u jdgħajjef id-dritt għal negozjar kollettiv, b'mod partikolari f'termini ta' benefiċċji u protezzjoni minn tkeċċija inġusta, filwaqt li jħalli effett fuq l-iżvilupp tal-karriera u t-taħriġ; billi l-impjieg prekarju jwassal għall-prekarjetà tal-ħajja b'mod ġenerali;
O. billi huwa aktar probabbli li n-nisa jaħdmu part-time jew b'kuntratti ta' żmien limitat jew b'pagi baxxi u għalhekk huma f'riskju akbar ta' prekarjetà bħala riżultat ta' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, u dan qed inaqqas il-pass tal-progress fil-ġlieda kontra u l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;
1. Jifhem li l-impjieg prekarju jfisser impjieg li jirriżulta minn, fost affarijiet oħra, l-użu abbużiv ta' kuntratti ta' impjieg temporanju bi ksur tal-istandards internazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tax-xogħol u l-liġi tal-UE; jissottolinja li l-impjieg prekarju jimplika esponiment akbar għal vulnerabbiltà soċjoekonomika, nuqqas ta' riżorsi għal ħajja deċenti u protezzjoni soċjali mhux adegwata;
2. Jenfasizza li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn ix-xogħol atipiku u l-eżistenza ta' impjieg prekarju; jenfasizza li t-termini "atipiċi" u "xogħol prekarju" ma jistgħux jintużaw b'mod sinonimu;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-impjieg prekarju, bħal kuntratti ta' żero sigħat, billi jiżguraw l-iżvilupp ta' strumenti ġodda u r-rispett koerenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-infurzar konkret tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fil-livell nazzjonali bil-ħsieb li jissolva d-defiċit għal xogħol deċenti u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mas-sħab soċjali – b'mod partikolari t-trejdjunjins – u l-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li jippromwovu impjiegi kwalitattivi, siguri u mħallsin tajjeb, sabiex, fost l-oħrajn, isaħħu l-ispettorati tax-xogħol;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata fil-leġiżlazzjoni tagħha biex tindirizza b'mod effikaċi l-prattiki ta' impjieg li jwasslu għall-prekarjetà;
5. Huwa konxju tal-proposta tal-Kummissjoni għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) u jitlob li tali awtorità tirċievi baġit suffiċjenti tagħha stess mingħajr ma jiġu mċaqalqa riżorsi minn korpi oħra importanti; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex ittemm termini inġusti fil-kuntratti ta' impjieg billi tindirizza l-abbużi u l-lakuni kollha; jirrikonoxxi l-proposta l-ġdida għal direttiva dwar Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli, li għandha l-għan li tistabbilixxi drittijiet ġodda għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema f'forom ġodda ta' impjiegi u impjiegi mhux standard, filwaqt li tnaqqas il-piżijiet fuq min iħaddem u żżomm l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol;
6. Jilqa' speċifikament id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt li wieħed ifittex impjieg addizzjonali, bi projbizzjoni fuq il-klawsoli ta' esklużività u l-klawsoli dwar il-limiti fuq l-inkompatibbiltà, u d-dritt li wieħed jiġi infurmat dwar id-data tal-bidu tax-xogħol fi żmien raġonevoli qabel dik id-data;
7. Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tista' u trid tiġi applikata għall-ħaddiema fuq kuntratti ta' żero sigħat u li għalhekk dawn huma koperti mir-regoli dwar perjodi minimi ta' mistrieħ u ħinijiet massimi ta' xogħol;
8. Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-indikaturi tal-ILO huma u jiddeterminaw l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg bħala mezz ta' kif jista' jiġi indirizzat in-nuqqas ta' protezzjoni offruta minn impjieg prekarju;
9. Jinnota li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa kruċjali għas-sikurezza ekonomika u soċjali tal-forza tax-xogħol u t-tħaddim kif jixraq tas-swieq tax-xogħol li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;
10. Jissottolinja li l-ispezzjonijiet iridu jiġu żgurati sabiex ħaddiema soġġetti għal ftehimiet kuntrattwali temporanji jew flessibbli jibbenefikaw, tal-inqas, mill-istess protezzjoni bħall-ħaddiema l-oħra kollha; jinnota li huwa meħtieġ sforz immirat biex jintużaw l-istrumenti eżistenti tal-ILO f'kampanja speċifika kontra l-impjieg prekarju, u li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja dwar il-ħtieġa ta' strumenti vinkolanti u miżuri legali ġodda li jillimitaw u jnaqqsu l-impjieg prekarju u jagħmlu kuntratti ta' impjieg prekarju inqas attraenti lil min iħaddem;
11. Jemmen bil-qawwa li trid issir valutazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tat-tiġdid tal-kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss, peress li s-servizzi mitluba mill-ħaddiem ma kinux kapaċi jissodisfaw ħtiġijiet ta' natura sempliċement temporanja, b'tali mod li nkixef abbuż bi ksur tal-Klawsola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70/KE;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol;
13. Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol prekarju fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-sessi; iqis li huwa meħtieġ li jkun hemm enfasi fuq miżuri eżistenti differenti li jikkonċernaw il-ħtiġijiet tan-nisa f'impjieg prekarju, bħala grupp li diġà jinsab irrappreżentat iżżejjed u li se jkompli jiġi affettwat b'mod eċċessiv;
14. Ifakkar li l-premessa li fuqha hija msejsa d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim Qafas għal kuntratti b'terminu fiss hija l-fatt li l-kuntratti ta' impjieg ta' żmien indeterminat huma l-forma ġenerali tar-relazzjoni ta' impjieg, filwaqt li l-kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss huma biss forma ta' impjieg speċifika għal ċerti setturi jew għal ċerti okkupazzjonijiet u attivitajiet;
15. Jiddenunzja t-tiġdid ta' kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss bil-għan li jiġu koperti l-ħtiġijiet li mhumiex ta' natura temporanja iżda li huma fissi u permanenti, peress li dan jirrappreżenta ksur tad-Direttiva 1999/70/KE;
16. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat tikkostitwixxi miżura li hija konsistenti mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-liġi tal-UE billi tipprevjeni l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss u twassal għall-eliminazzjoni definittiva tal-konsegwenzi ta' użu abbużiv[14];
17. Jenfasizza li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat trid titqies bħala miżura biex b'mod effikaċi jiġi pprevenut u sanzjonat l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, u trid tkun inkluża b'mod ċar u konsistenti mill-Istati Membri kollha fl-oqfsa legali rilevanti tagħhom dwar il-liġi tax-xogħol;
18. Jenfasizza li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat għal ħaddiem li jkun sofra minn abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE, ma teżonerax Stat Membru mill-obbligu li jippenalizza dak l-abbuż, inkluża, barra minn hekk, il-possibbiltà li l-ħaddiem affettwat jikseb kumpens għal kwalunkwe ħsara mġarrba fil-passat;
19. Jissottolinja li jekk Stat Membru jagħżel li jippenalizza diskriminazzjoni jew abbuż kontra ħaddiem temporanju bi ksur tal-liġi tal-UE billi joffri kumpens lill-ħaddiem affettwat, dak il-kumpens irid, fi kwalunkwe każ, ikun adegwat u effikaċi u jrid jikkumpensa bis-sħiħ id-danni kollha mġarrba;
20. Jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet baġitarji li fuqhom hija msejsa l-għażla ta' Stat Membru rigward il-politika soċjali ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta' miżuri effikaċi bil-għan li jiġi pprevenut u ppenalizzat l-użu abbużiv ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg b'terminu fiss; jenfasizza, fil-fatt, li l-adozzjoni ta' tali miżuri effikaċi, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-UE, hija meħtieġa biex tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema;
21. Jikkundanna l-fatt li l-ħaddiema li kienu ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti bħala vittmi ta' użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE, ingħataw is-sensja; jemmen bis-sħiħ li fejn twettqu abbużi ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg b'terminu fiss, tista' tiġi applikata miżura li toffri garanzija effikaċi u ekwivalenti għall-protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tippenalizza b'mod dovut l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tal-liġi tal-UE, kif ukoll tissalvagwarda l-pożizzjoni tal-impjieg tal-ħaddiema affettwati;
22. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istandards tal-impjiegi fl-impjiegi mhux konvenzjonali billi jipprovdu, tal-inqas, sett ta' standards minimi għall-protezzjoni soċjali, livell minimu tal-pagi u aċċess għat-taħriġ u l-iżvilupp;
23. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jirrispettaw, jippromwovu u jikkonkretizzaw il-prinċipji fundamentali u drittijiet fuq il-post tax-xogħol li jikkonċernaw lil dawk li jaħdmu fl-ekonomija informali, u biex joħolqu mekkaniżmi xierqa jew jirrieżaminaw dawk li diġà jeżistu bil-għan li jiżguraw il-konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti nazzjonali u jirrikonoxxu u jinfurzaw ir-relazzjonijiet tal-impjieg b'tali mod li jiffaċiltaw it-tranżizzjoni tal-ħaddiema lejn l-ekonomija formali.
- [1] ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9
- [2] ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
- [3] ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9
- [4] ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9
- [5] ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2017)0290.
- [7] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596823/IPOL_STU(2017)596823_EN.pdf
- [8] 0389/2015, 1328/2015, 0044/2016, 0988/2016, 1108/2016, 1202/2016, 1310/2016, 0188/2017, 0268/2017, 0283/2017, 0640/2017, 0701/2017
- [9] 0019/2016, 0020/2016, 0021/2016, 0099/2017, 1162/2017
- [10] 0019/2016, 0442/2017
- [11] 1043/2017
- [12] ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.
- [13] ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
- [14] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014, Mascolo, C-22/13, ECLI:EU:C:2014:2401, paragrafu 55, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=160109&doclang=MT