MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji
25.5.2018 - (2018/2714(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0241/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u l-emenda sussegwenti tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017[2],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 106a u 171 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar "Tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni"[7],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (COM(2017)0358),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE[8],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),
– wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2016[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[10],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2017 dwar "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE" (COM(2017)0623),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2017)0547),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 bit-titolu "Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem"[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[15],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020[16],
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Future financing of the EU – Final report and recommendations of the High Level Group on Own Resources" (Il-finanzjament futur tal-UE – rapport u rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0041/2018),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għas-Sajd, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0048/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u soċjali li laqtet lill-Istati Membri fl-2007/2008 għadhom qed jinħassu, u billi għad hemm inugwaljanzi u differenzi soċjali, ekonomiċi u territorjali bejn l-Istati Membri; billi li l-baġit tal-UE għandu jippromwovi l-investiment pubbliku billi jappoġġa s-setturi produttivi u strateġiċi (inklużi l-modernizzazzjoni u s-sostenibilità tagħhom), is-servizzi pubbliċi, il-ħolqien ta' impjiegi li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi, il-ħarsien tal-ambjent u l-użu sħiħ tal-potenzjal ta' kull pajjiż u reġjun, kif ukoll il-kisba ta' relazzjonijiet esterni bbażati fuq is-solidarjetà, il-kooperazzjoni, ir-rispett reċiproku u l-paċi;
B. billi l-QFP 2014-2020 malajr wera l-inadegwatezza tiegħu fl-indirizzar tal-ħtiġijiet stabbiliti, b'mod partikolari dawk li joriġinaw mill-piż tad-dejn estremament sproporzjonat, li huwa konsegwenza tal-politiki asimmetriċi u tan-natura tal-proċess ta' integrazzjoni u li kompla jikber minħabba fihom, u b'hekk ċerti pajjiżi jibbenefikaw filwaqt li oħrajn spiċċaw f'depressjoni ekonomika serja; billi l-piż tad-dejn intuża bħala pretest għall-impożizzjoni tal-awsterità, li aggravat ir-riċessjoni u pperikolat il-funzjoni soċjali tal-istat, kif ukoll id-drittijiet tal-popli u tal-ħaddiema, u sussegwentement wassal għal żieda fil-qgħad, faqar, tnaqqis kbir fil-pagi, età ogħla tal-pensjoni u anqas nfiq pubbliku f'oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa; billi l-QFP 2014-2020 ġie elaborat biex jindirizza sensiela ta' kriżijiet u sfidi emerġenti f'oqsma li kinux tqiesu, bħad-disparitajiet estremament kbar f'termini tal-iżvilupp ekonomiku u tal-piż tad-dejn, il-livelli għoljin ta' qgħad, it-tnaqqis fid-drittijiet soċjali u tax-xogħol u ż-żieda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, u ma wassalx għal bidla fil-politiki mwettqa attwalment mill-UE lejn politiki – kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE – li jsaħħu l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu prosperità għal kulħadd, distribuzzjoni ġusta tal-ġid, tkabbir ekonomiku sostenibbli, impjieg sħiħ, sigurtà tal-impjieg u protezzjoni soċjali, l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità, universali u b'xejn, benessri ambjentali permezz ta' ambjent naturali san, investiment fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura, ħajja ta' dinjità għall-anzjani, u housing, enerġija u komunikazzjonijiet għall-but ta' kulħadd; billi, biex jintlaħqu tali objettivi, politiki olistiċi għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fid-dħul, partikolarment permezz ta' politiki ridistributtivi u investiment pubbliku li joħloq l-impjiegi, ikunu vitali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri;
C. billi l-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni jirrifletti l-politiki neoliberali u orjentati lejn l-awsterità li ġew imposti permezz tal-qafas ta' governanza ekonomika, wessa' l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, u żdied l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi d-deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' tassazzjoni rigressiva kkontribwew għat-trasferiment tal-ġid mill-ħaddiema lejn il-kapitalisti l-kbar u aggravaw id-distakk fid-dħul u l-ġid; billi l-qafas ta' governanza neħħa l-għażliet politiċi min idejn il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali eletti b'mod demokratiku, u ma ħalliex lill-popli tal-Ewropa jeżerċitaw kontroll demokratiku, u wassal għal awsterità istituzzjonalizzata; billi l-oppożizzjoni li qed tikber għal dan it-tip ta' integrazzjoni Ewropea tirrifletti l-ħtieġa urġenti ta' proċess ta' integrazzjoni differenti, wieħed li jservi l-progress soċjali u demokratiku fl-UE, soluzzjonijiet ġusti u paċifiċi għall-isfidi internazzjonali, u djalogu kulturali mad-dinja kollha, u li jkun ibbażat sew fuq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi b'kundizzjonijiet ugwali;
D. billi r-regola tal-unanimità għandha tibqa' bħala garanzija ta' QFP pożittiv għall-Istati Membri kollha u mhux biss għal uħud; huwa favur żieda tal-kapaċità ta' ġestjoni awtonoma u flessibbli tal-QFP il-ġdid għal kull Stat Membru billi jiġu rrifjutati ċentralizzazzjoni akbar u burokrazija żejda rigward ir-regoli komuni tal-applikazzjoni tiegħu;
E. billi l-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett ta' proposti tagħha dwar Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tawtonomizza u Tiddefendi: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi r-riżorsi proprji futuri, fit-2 ta' Mejju 2018, filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 stipula li l-proposti kellhom jiġu ppreżentati qabel l-1 ta' Jannar 2018; billi l-valuri ddikjarati bħala l-bażi għas-solidarjetà, it-tkabbir sostenibbli u l-integrazzjoni tal-UE – jiġifieri d-demokrazija u l-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, u r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem – huma mdgħajfa f'din il-proposta; billi l-għażliet baġitarji proposti mill-Kummissjoni ma jirriflettux il-prijoritajiet meħtieġa biex jiġi stimulat tkabbir sostenibbli, kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat, u lanqas ma jqisu l-ħtieġa ta' solidarjetà u koeżjoni ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri;
F. billi l-proposti tal-Kummissjoni dwar Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tawtonomizza u Tiddefendi: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi r-riżorsi proprji futuri, ma jindirizzawx l-iżvilupp ekonomiku u l-piż tad-dejn estremament inugwali tal-Unjoni, il-livell għoli ta' qgħad, it-tnaqqis tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u ż-żeda fl-inugwaljanzi soċjoekonomiċi; billi huwa essenzjali li jkun hemm bidla fil-politiki mwettqa attwalment mill-UE lejn politiki – kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE – li jsaħħu l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu prosperità għal kulħadd, distribuzzjoni ġusta tal-ġid, tkabbir ekonomiku sostenibbli, impjieg sħiħ, sigurtà tal-impjieg u protezzjoni soċjali, l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità, universali u b'xejn, benessri ambjentali permezz ta' ambjent naturali san, investiment fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura, ħajja ta' dinjità għall-anzjani, u housing, enerġija u komunikazzjonijiet għall-but ta' kulħadd;
G. billi l-pakkett ta' proposti tal-Kummissjoni dwar Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tawtonomizza u Tiddefendi: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi r-riżorsi proprji futuri jinsisti fuq iż-żamma u l-appoġġ tal-istrutturi tat-taxxa attwali, li jiffavorixxu lill-kapitalisti kbar pjuttost milli l-klassi tal-ħaddiema u l-poplu; billi miżuri ta' dixxiplina fiskali ħarxa u telf kbir ħafna fid-dħul tal-gvern minħabba l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jqiegħdu pressjoni ulterjuri fuq il-baġits tal-Istati Membri u jikkompromettu l-interessi tal-poplu u tal-ħaddiema;
H. billi l-kriżi klimatika, kif ukoll it-telf tal-bijodiversità, għadhom theddida għall-istabilità, is-saħħa u l-għajxien tas-soċjetajiet fid-dinja kollha, kif ukoll għall-benessri tal-annimali; billi l-impenji li saru waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima COP 21, għalkemm jidhru ambizzjużi, għandhom jiġu msaħħa b'mod estensiv fid-direzzjoni t-tajba;
I. billi l-politiki Ewropej dwar il-migrazzjoni, minflok jinkoraġġixxu s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi dinjija tar-rifuġjati, i.e. l-ifqar pajjżi fid-dinja, joħolqu standards doppji għall-migrazzjoni bejn iċ-ċittadini tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar, u dan jippeġġora s-sitwazzjoni fl-ifqar pajjiżi, u huma kkaratterizzati dejjem aktar minn kriterji razzisti u ksenofobiċi;
Għal Ewropa tassew progressiva, soċjali, paċifika, inklużiva, ekoloġika u femminista
1. Ifakkar li l-QFP tal-UE li jmiss għandu jiġi inkorporat fi strateġija ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u appoġġ għal agrikoltura sostenibbli sabiex ikun ta' benefiċċju għall-poplu kollu tagħha; iqis li l-QFP li jmiss għandu jikkontribwixxi għal Ewropa ambjentalment soda u soċjalment aktar ġusta; jiċħad f'dan ir-rigward il-proposta mressqa mill-Kummissjoni fit-2 ta' Mejju 2018 għal QFP ġdid li ġġib magħha d-deklin tal-politika ta' koeżjoni u tħaddan Ewropa Fortizza distakkata mit-tħassib taċ-ċittadini tagħha;
2. Jenfasizza li l-għanijiet u l-politiki tal-QFP għandhom jiġu miftiehma qabel ma jiġu assenjati lilhom iċ-ċifri, u jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jagħmlu negozjati veri u proprji dwar l-aspetti kollha relatati mal-QFP qabel ma jassenjaw iċ-ċifri u qabel ma jagħmlu l-aġġustamenti finali tal-pakkett tal-QFP kollu kemm hu; ifakkar li, skont l-Artikoli 312(5) u 324 tat-TFUE, il-Parlament irid ikun involut kif xieraq fil-proċess ta' negozjar tal-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex imexxu negozjati trasparenti miegħu in bona fide; jenfasizza li huwa l-uniku parlament li huwa involut f'deċiżjonijiet dwar l-infiq iżda mhux dwar id-dħul u jtenni t-talba tiegħu biex tiġi kkoreġuta din l-anomalija demokratika;
3. Jirrifjuta t-tnaqqis fil-politika ta' koeżjoni u fil-politika agrikola komuni (PAK); jitlob, għalhekk, li jkun hemm appoġġ kontinwu u miżjud għall-objettiv tar-rimedju tad-disparità fil-ġid bejn ir-reġjuni l-għonja u l-foqra, kif ukoll id-disparitajiet fid-dħul bejn il-gruppi soċjali varji fil-kuntest tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
4. Jopponi kwalunkwe tnaqqis nominali jew relattiv fil-volum tal-baġit tal-UE għall-QFP li jmiss; jemmen li hija meħtieġa żieda sostanzjali fil-baġit tal-UE, bl-għan li jissaħħaħ ir-rwol ridistributtiv tiegħu u b'hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; iqis li dan it-tisħiħ għandu jinkiseb billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom billi jissaħħaħ, permezz tar-ridistribuzzjoni, il-prinċipju ewlieni li l-Istati Membri bl-ogħla ING għandhom jikkontribwixxu proporzjonalment aktar, u b'hekk jikkontribwixxu għal koeżjoni ekonomika u soċjali effikaċi, u mhux għal żieda fid-disparitajiet fl-Unjoni Ewropea;
5. Jiddefendi l-ħtieġa għal ridistribuzzjoni adegwata tar-riżorsi baġitarji tal-UE fost l-Istati Membri, waqt li jqis il-livelli rispettivi tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u soċjali; jirrifjuta ż-żieda fiċ-ċentralizzazzjoni tal-infiq tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni u jappoġġa ż-żieda tar-riżorsi ġestiti fil-livell nazzjonali, skont il-ħtiġijiet ta' kull pajjiż;
6. Jappella għal pjan ta' investiment pubbliku soċjoekoloġiku b'saħħtu u ġdid fil-livell tal-UE, sabiex jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta f'termini soċjali u ambjentali; iqis li l-fondi strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), fost l-oħrajn, għandhom jiġu inklużi f'dan il-pjan ta' investiment ġdid, li programmi bħall-Orizzont 2020 għandhom ikunu orjentati lejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bidla teknoloġika sabiex il-mudell ta' produzzjoni jsir aktar sostenibbli u l-COSME għandu jiggarantixxi li l-għajnuna tilħaq lill-ekonomija soċjali, li hija indipendenti mill-kumpaniji l-kbar minħabba li, fil-qafas ta' kumpaniji interkonnessi, ħafna SMEs huma għodod tal-kumpaniji ewlenin (bħala sussidjarji, sottokuntratturi, franchises jew kumpaniji awżiljarji), jappella li kwalunkwe riżorsa tal-UE użata bħala garanzija jew bħala kontribuzzjoni pubblika parzjali tiġi identifikata bħala tali, inkluż fil-każ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità, li għandu jiġi rieżaminat fis-sens li jsir strument finanzjarju ewlieni għal dan il-pjan ta' investiment pubbliku soċjoekoloġiku, bl-għan li jsaħħaħ l-investiment pubbliku dirett;
Investimenti strateġiċi Ewropej
7. Iqis li wħud mil-limiti massimi speċifiċi tal-QFP għandhom jiżdiedu b'mod sinifikanti, jiġifieri dawk li għandhom il-potenzjal li jibdlu l-QFP f'sistema flessibbli u organizzata ta' programmi tal-UE mfassla biex jindirizzaw b'mod speċifiku n-nuqqas ta' konverġenza ekonomika reali, inaqqsu l-inugwaljanza, jinkoraġġixxu l-investiment għall-bidla fil-mudell tal-produzzjoni, jindirizzaw l-isfida tal-klima, u jtejbu l-kooperazzjoni fost il-popli tal-Ewropa;
8. Jemmen li ż-żieda fil-baġit Komunitarju għandha tirriżulta f'investiment pubbliku aktar b'saħħtu u żieda fl-appoġġ għas-setturi ta' produzzjoni, it-tnaqqis tad-dipendenzi fuq strutturi multipli tal-pajjiżi, il-ħolqien ta' impjiegi li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, servizzi pubbliċi ta' kwalità u l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-pajjiżi; jenfasizza li kwalunkwe kundizzjonalità fl-applikazzjoni tal-fondi Komunitarji għandha tiġi miċħuda;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-impatt detrimentali tal-Brexit fuq id-drittijiet u s-sigurtà ekonomika taċ-ċittadini, u biex tuża l-opportunità tal-QFP 2021-2027 biex tindirizza l-effett ta' ħsara potenzjali billi tistabbilixxi riżorsi biex jittaffa l-impatt fuq l-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar milquta;
10. Iqis li għandhom jiġu allokati r-riżorsi neċessarji fil-QFP li jmiss sabiex ikun hemm koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, kif ukoll li jiġu implimentati l-miżuri speċifiċi għal dawk ir-reġjuni stabbiliti fl-Artikolu 349 tat-TFUE (u li qatt ma ġew implimentati b'mod sħiħ), f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Lulju 2017 dwar "il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE"[17], kif ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE"; jinsisti li l-ebda fond jew programm li jibbenefika lir-reġjuni ultraperiferiċi ma jkun soġġett għal tnaqqis fil-QFP li jmiss, iżda li kuntrarjament, għandu jissaħħaħ;
11. Iqis li l-importanza tal-politika ta' koeżjoni fil-baġit totali tal-UE għandha tissaħħaħ b'mod konsiderevoli fil-perjodu wara l-2020, peress li l-Fond ta' Koeżjoni u l-fondi strutturali għandu jkollhom rwol effettiv fil-ġlieda kontra l-asimetriji bejn l-Istati Membri u ġo fihom;
12. Jilqa' l-impenn fil-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP, li jitkomplew il-Fondi Ewropej essenzjali għall-Iżvilupp Reġjonali għall-Irlanda, kemm tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar, wara l-Brexit; jirrikonoxxi li dan jirrappreżenta turija sostanzjali tal-impenn tal-Unjoni Ewropea għall-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;
Kwistjonijiet ekonomiċi u monetarji
13. Jemmen li hemm konsensus li jaċċetta li l-QFP ingħeleb mill-fatti; jifhem li l-QFP kellu rwol ċar fil-limitazzjoni u t-trażżin tal-infiq, meta wieħed jikkunsidra l-volum u r-restrizzjoni tiegħu fl-intestaturi tal-baġit tal-UE għas-seba' snin tat-tul tiegħu, bi ftit li xejn spazju għall-immanuvrar; jemmen li limiti massimi ta' nfiq, marġni ta' flessibilità żgħar bejn l-intestaturi tal-baġit u l-projbizzjoni tad-defiċit jikkontribwixxu biex il-QFP isir mekkaniżmu ekonomiku proċikliku, minflok ma jkun wieħed kontroċikliku, li jfisser li f'każ ta' riċessjoni, il-baġit tal-UE jkun jista' jattiva mill-ġdid l-ekonomija tal-UE u jiggwadanja kumpens fiċ-ċiklu tal-prosperità; huwa tal-fehma li minn issa 'l quddiem il-QFP irid ikollu rwol kontroċikliku;
14. Jikkritika bil-qawwa d-direzzjoni ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP 2021-2027; josserva li l-prijoritajiet il-ġodda ġew ċarament mogħtija preċedenza fuq programmi ta' benefiċċju soċjali tradizzjonali minkejja n-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata fir-rigward tar-ristrutturar tal-baġit Ewropew u taċ-ċifri direttament komparabbli; jiddeplora bil-qawwa x-xejra kontinwa lejn użu dejjem akbar ta' strumenti finanzjarji għad-detriment ta' għotjiet minkejja n-nuqqas ta' responsabilità u trasparenza inerenti fl-użu tagħhom li huwa rikonoxxut b'mod mifrux;
15. Jirrifjuta l-prijorità mogħtija lill-istrumenti finanzjarji u lill-investiment fi sħubijiet pubbliċi-privati; iqis li l-QFP futur minflok għandu jippromwovi t-tisħiħ tal-investiment pubbliku billi jappoġġa lis-setturi produttivi strateġiċi u lill-modernizzazzjoni u lis-sostenibilità tagħhom, lill-ħolqien tal-impjiegi li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, lill-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi, lill-ħarsien tal-ambjent u lill-ilħuq tal-potenzjal sħiħ ta' kull pajjiż u reġjun;
16. Jirrifjuta bil-qawwa s-subordinazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għar-riformi strutturali imposti taħt il-governanza ekonomika tal-UE, peress li l-politika ta' koeżjoni ma għandhiex tintuża bħala strument ta' piena finanzjarja għal Stati Membri jew reġjuni li jirrifjutaw politiki ta' deregolamentazzjoni u ta' privatizzazzjoni;
17. Jappella biex jinħolqu programmi ta' appoġġ għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ jinnegozjaw ħruġ mill-euro minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun saret insostenibbli u insopportabbli; iqis li dawn il-programmi għandhom jipprovdu kumpens adegwat għad-danni soċjali u ekonomiċi mġarrba minħabba l-adeżjoni mal-munita unika;
Il-poplu, il-koeżjoni soċjali u l-valuri
18. Jemmen li l-Ewropa għandha r-responsabilità li toffri l-prospett ta' futur aħjar għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li se tbati l-impatt diżastruż tal-politiki ekonomiċi adottati fl-aħħar deċennji fl-Unjoni; jinsab determinat li jlaħħam sostanzjalment il-programm emblematiku tiegħu Erasmus+, li għandu jkun ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ Ewropej kollha u mhux biss għal dawk l-istudenti li għandhom il-mezzi għal soġġorn barra l-pajjiż, billi dan il-programm attwalment ma jistax ilaħħaq mad-domanda għolja ħafna minn applikanti ta' kwalità għolja minħabba l-livell baxx ħafna ta' finanzjament taħt il-baġit attwali; jipproponi li l-baġit għal Erasmus+ għandu jkun tal-inqas tripplat fil-QFP li jmiss u li tal-inqas nofs dan il-finanzjament għandu jkun allokat għal żgħażagħ li ġejjin mill-ifqar klassijiet soċjali;
19. Jirrifjuta bil-qawwa kull tip ta' kundizzjonalità makroekonomika fl-applikazzjoni tal-fondi tal-UE; jissottolinja r-riskji assoċjati mal-ħolqien ta' forom ta' kundizzjonalità politika u jirrifjutahom ukoll;
20. Jappella għal aktar finanzjament għall-programmi li jippromwovu l-impjieg bi drittijiet u għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jikkontribwixxux għall-ħolqien ta' apprendistati mhux imħallsa, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji jew għas-sostituzzjoni ta' impjiegi permanenti b'impjiegi temporanji jew b'apprendistati mhux imħallsa;
Ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent
21. Jitlob bil-qawwa li l-politika tal-agrikoltura u tas-sajd tiżdied f'termini finanzjarji, u b'hekk jinbidel il-mudell ta' għotjiet favur il-proprjetarji; jenfasizza li dan jinvolvi l-iżvilupp ta' politika ġdida li tippromwovi s-sovranità tal-ikel, l-agrikoltura u l-kooperattivi lokali, u bidla lejn mudell agrikolu aktar sostenibbli, li jiggarantixxi l-provvista tal-ikel lill-konsumaturi permezz ta' kumpaniji pubbliċi u l-evitar tas-subordinazzjoni tal-bdiewa żgħar lis-settur tad-distribuzzjoni l-kbir; jemmen li l-politika tas-sajd għandha tqis l-eżawriment tal-oċeani u tinkorpora l-awtokonteniment fl-isfruttament tal-ibħra;
L-agrikoltura
22. Jenfasizza l-ħtieġa għal PAK pubblika li tipprijoritizza s-suq intern, li tqiegħed prezzijiet remunerattivi fil-qalba tal-politika agrikola u li tistabbilixxi strumenti għar-regolamentazzjoni tas-swieq u tal-produzzjonijiet; jirrifjuta kwalunkwe tentattiv li l-kostijiet tal-PAK jiġu rinazzjonalizzati; jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi għar-regolamentazzjoni pubblika tal-produzzjoni u tas-swieq sabiex jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-produtturi u introjtu stabbli u ġust għall-bdiewa;
23. Jitlob li jkun hemm konċentrazzjoni mġedda fuq wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-PAK, "li jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għall-bdiewa", sabiex tiġi miġġielda l-konċentrazzjoni akbar tal-produzzjoni, it-tnaqqis tal-biedja fuq skala żgħira u ż-żieda tal-asimetriji reġjonali u d-dipendenza fuq il-prodotti barranin, li tiffavorixxi l-akbar ekonomiji tal-UE u n-negozji agrikoli l-kbar; jiddispjaċih li dan il-fenomenu qed ipoġġi fir-riskju patrimonju agrikolu u rurali ta' importanza globali, filwaqt li n-negozji agrikoli kbar qed jespandu l-marġini tagħhom u jimponu l-mudell tagħhom ta' sistema tal-ikel globali, b'konsegwenzi ambjentali distruttivi; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-bdiewa fil-politika agrikola u tal-ikel;
24. Huwa tal-fehma li sa mill-bidu tal-politika tal-PAK, il-politika ma pprovdietx riżultati b'rabta ma' wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha: "biex jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għal dawk li jaħdmu l-art"; jemmen li fir-riforma li jmiss għandu jkun hemm fokus imġedded fuq dan il-prinċipju ewlieni sabiex tiġi miġġielda konċentrazzjoni akbar ta' produzzjoni u t-tnaqqis ta' biedja fuq skala żgħira, li jiggrava d-depopolazzjoni tal-kampanja; jopponi bil-qawwa d-dominanza tas-suq u l-iffissar tal-prezzijiet inġusti minn negozji agroalimentari kbar għad-detriment tas-sikurezza, tal-kwalità u tas-sovranità tal-ikel, is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u l-ambjent; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-inugwaljanza f'ekonomiji rurali u tal-iffaċilitar tat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu; jistieden lill-Kummissjoni biex, lejlet ir-riforma tal-PAK futura, iċċaqlaq l-enfasi tal-PAK attwali, li hija ddominata minn biedja intensiva u monokulturi estensivi, lejn agrikoltura sostenibbli u politika dwar l-ikel, billi tqis il-varji kwistjonijiet u sfidi ekonomiċi, soċjali, ambjentali, nutrizzjonali u ta' saħħa; jiddispjaċih, għalhekk, dwar it-tnaqqis tal-baġit tal-agrikoltura; jiddispjaċih ħafna li t-tnaqqis huwa ffukat fuq l-iżvilupp rurali u l-infiq fuq l-agroambjent, aktar milli fuq pagamenti diretti inqas immirati, u jemmen li dan it-tnaqqis sproporzjonat u t-tneħħija ta' flus delimitati (l-hekk imsejħa "ekoloġizzazzjoni") għall-ambjent fil-Pilastru 1 juru li minkejja r-retorika, hemm ċaqliqa ġenerali 'l bogħod mill-innovazzjoni agroambjentali u lejn l-integrazzjoni ta' aġir fit-tul li jikkawża problemi agroambjentali; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ miżuri biex tiżdied il-viżibilità u biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fis-settur agrikolu; jikkundanna bil-qawwa l-ħtif tal-art u jitlob azzjoni rapida mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri; jafferma mill-ġdid li l-ilma huwa dritt universali li għandu jiġi garantit lil kull bniedem, u ma għandux ikun soġġett għall-privatizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi kull forma ta' għoti ta' privattivi ta' żrieragħ sabiex tipproteġi lill-bdiewa mill-pressjonijiet tal-kompetizzjoni dovuti għal kumpaniji multinazzjonali li jipproduċu ż-żrieragħ, u biex tipproteġi l-varjetajiet lokali u l-wirt kulturali u ġenetiku tagħna; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni, il-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' OĠMs u tinkludi l-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara (IPM) bħala kondizzjonalità fil-PAK il-ġdida biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi;
Politika marittima
25. Jiddeplora t-tnaqqis fil-finanzjament għall-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) fil-proposta QFP 2021-2027 tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika ċifri iktar dettaljati u komparabbli biex ikunu jistgħu jseħħu evalwazzjoni aktar preċiża tal-appoġġ ipprovdut u l-immirar aħjar ta' azzjonijiet futuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħraf l-importanza tal-FEMS u tiżgura li jkun mgħammar tajjeb finanzjarjament biex jilħaq l-aspettattivi ta' komunitajiet kostali u n-nies milquta, itejjeb is-sostenibilità ambjentali u jegħleb l-isfidi li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-istokkijiet u t-telf tal-bijodiversità;
26. Jitlob għal tisħiħ tal-FEMS, li huwa primarjament immirat lejn: appoġġ għas-sajd kostali u artiġjanali fuq skala żgħira; titjib tas-sigurtà tal-flotta, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u l-iġjene abbord; żgurar tal-istokkijiet tal-ħut futuri; titjib fl-għarfien tal-istat tar-riżorsi; u kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet xjentifiċi u tekniċi tal-istituzzjonijiet R&D tal-Istati Membri; jiddefendi l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' kumpens u appoġġ għad-dħul tas-sajjieda minħabba l-instabilità assoċjata mal-attivitajiet ta' sajd; huwa favur il-ħolqien ta' programm immirat għall-bżonnijiet u d-diffikultajiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-irkupru ta' POSEI-Sajd u l-ħolqien ta' konnessjonijiet tat-trasport POSEI ġodda;
Migrazzjoni
27. Iqis li, fid-dawl tal-emerġenza umanitarja marbuta mal-isfidi b'rabta mal-akkoljenza ta' migranti u rifuġjati, hija meħtieġa politika oħra, iffokata fuq il-protezzjoni tal-individwi, l-aċċess għal drittijiet u servizzi bażiċi, assistenza umanitarja u operazzjonijiet ta' salvataġġ; huwa mħasseb ħafna, minn din il-perspettiva, dwar it-trasferiment ta' fondi allokati għall-integrazzjoni tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), fil-Fond Soċjali Ewropew (FSE);
28. Huwa kontra kwalunkwe żieda ta' fondi għall-Frontex, speċjalment fid-dawl tal-involviment ta' din l-aġenzija f'politiki ta' ritorn, kontroll tal-fruntieri u miżuri ta' sigurtà; jipproponi, minflok, ir-riallokazzjoni ta' dawn il-fondi lil aġenzija b'mandat uniku ta' appoġġ umanitarju u operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ;
29. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-finanzjament tal-UE għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u dawk li jfittxu l-asil għandu jiżdied b'mod sostanzjali, b'bidla mill-prijoritajiet tal-lum ta' kontroll tal-fruntieri u miżuri ta' sigurtà għaljin oħra, bħad-detenzjoni amministrattiva u sistemi kbar tal-IT għall-kontroll fuq il-fruntiera, li ma tawx prova tal-effikaċja tagħhom u li ta' spiss jiksru d-drittijiet tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi addizzjonali allokati għal azzjonijiet speċifiċi primarjament lil Stati Membri li jivvolontarjaw għal azzjonijiet immirati lejn l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil, kif propost fl-opinjoni tal-Kumitat LIBE għall-baġit 2016;
30. Jemmen li l-impatt pożittiv tal-fondi tal-UE għall-migrazzjoni jiddependi minn proċessi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE li jiżguraw it-trasparenza, il-monitoraġġ effettiv u r-responsabilità; jenfasizza li huwa importanti ħafna li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, matul il-proċess u mhux biss ex post, biex tkun żgurata nefqa effikaċi u jiġi evalwat jekk l-UE hijiex tikseb l-objettivi ta' politika tagħha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li l-indikaturi tar-riżultati u miri miżurabbli bbażati fuq l-attivitajiet li jsiru jiġu definiti fil-livelli tal-politika u tal-proġett; jappella għall-istabbiliment ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, li għandhom ikunu komparabbli u jibqgħu stabbli matul iż-żmien, sabiex jitkejjel l-impatt tal-fondi tal-UE u l-kisba tal-objettivi tagħhom; jenfasizza li data kwantifikata għandha tinġabar b'mod sistematiku; jemmen li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha timmonitorja l-proġetti tul iċ-ċiklu baġitarju u mhux biss fit-tmiem;
31. Jemmen li l-awtoritajiet responsabbli għandhom jiżguraw aktar trasparenza tul il-proċess kollu tal-applikazzjoni u li s-sejħiet għal offerti għandhom ikunu mxerrda b'mod wiesa' u jkunu aċċessibbli faċilment; jissuġġerixxi li, fil-livell tal-Istati Membri, korpi tekniċi lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol attiv f'dan it-tixrid, kif ukoll li jipprovdu appoġġ fil-proċess ta' applikazzjoni; jenfasizza li kull sena, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi magħmula pubblika mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti u programmi magħżula: l-ismijiet u n-natura tal-proġetti kollha appoġġati (għandhom jiġu evitati titli ġeneriċi li ma jirriflettux il-kontenut reali, bħal "bini tal-kapaċitajiet"); is-sena ta' finanzjament; id-durata tal-proġett; l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-UE u l-prijorità tal-politika li jindirizza; l-għadd totali ta' applikanti għas-sejħa; il-kriterji ta' evalwazzjoni; u l-ammont li jifdal tal-kontribuzzjoni tal-UE li ma jkunx għadu ġie allokat;
32. Jitlob li l-fondi ta' żvilupp tal-UE u l-għajnuna umanitarja ma jintrabtux mal-kapaċità u/jew mar-rieda tal-pajjiżi sħab li jikkollaboraw fil-kontroll tal-migrazzjoni, pereżempju permezz ta' klawsoli ta' riammissjoni; jinsisti li proġetti li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tal-migranti u li jagħtu leġittimità lil reġimi dittatorjali m'għandhomx jiġu appoġġati;
33. Jemmen li s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), taqdi rwol sinifikanti fil-ħarsien, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-migranti; jenfasizza li dawk l-NGOs għandhom jiġu appoġġati fir-rwol tagħhom bħala għassiesa u promoturi tad-drittijiet fundamentali, bħala fornituri diretti ta' servizzi u innovaturi fl-iżvilupp ta' għodod ġodda u bini tal-kapaċitajiet ta' diversi partijiet interessati; jitlob għalhekk li jiġu stabbiliti prinċipji ta' sħubija effettivi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jiżguraw il-konsultazzjoni tagħhom fil-preparazzjoni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-finanzjament kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jenfasizza li prinċipji bħal dawn għandhom ikunu mandatorji;
34. Jemmen li l-fondi użati għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil għandhom ikunu eżentati minn regoli ta' defiċit tal-UE, kif stipulat fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir tal-UE;
Is-sigurtà u d-difiża
35. Jirrifjuta l-ħolqien ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża u l-attivazzjoni ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), li tagħmel ħsara lill-prinċipju ta' kunsens tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), u dan iwassal għal armata tal-UE u direttament għal aktar kunflitti u inqas paċi; jopponi, għaldaqstant, kwalunkwe żieda tal-baġits tal-Istati Membri għas-sigurtà u d-difiża; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu għall-paċi, għar-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, inkluż permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni, u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) u d-diżarm nukleari;
36. Jirrifjuta bil-qawwa l-istabbiliment ta' Fond Ewropew għad-Difiża u Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), kif ukoll il-ħolqien tal-intestatura V ġdida "Is-Sigurtà u d-Difiża", li minnhom il-Fond Ewropew għad-Difiża se jiġi ffinanzjat wara l-2020; ifakkar li, skont l-Artikolu 41(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, nefqa li tirriżulta minn azzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża ma titħallasx mill-baġit tal-Unjoni; jiddenunzja u jiddeplora bil-qawwa l-ħeffa bħal qatt qabel li biha l-UE qed tiġi militarizzata; iħeġġeġ id-diżarm, inkluż id-diżarm nukleari, id-demobilizzazzjoni ta' truppi u t-tmiem tal-interventi militari esterni; jitlob ix-xoljiment tan-NATO; ifakkar li l-aħjar mod biex tiġi promossa l-paċi huwa billi jiġu appoġġati miżuri dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, l-għajnuna umanitarja, u żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u ġust; jiddikjara li l-kooperazzjoni esterna għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà internazzjonali u r-rispett sħiħ għax-xewqa ta' kull pajjiż għall-iżvilupp u l-pass ta' dan l-iżvilupp;
Rispons għal kriżijiet
37. Jenfasizza l-importanza tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex jirrispondi għal diżastri naturali kbar, u jieħu nota taż-żieda proposta f'impenji u f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-FSUE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja żieda ulterjuri f'dan il-fond, u biex tadatta r-regoli biex tagħmel il-mobilizzazzjoni tiegħu aktar flessibbli u fil-ħin, sabiex tkun koperta firxa wiesgħa ta' diżastri b'impatti sinjifikanti u jitnaqqas iż-żmien bejn id-diżastru u d-disponibilità ta' fondi;
Azzjoni Esterna
38. Joġġezzjona għall-proposta tal-Kummissjoni li tgħaqqad l-istrumenti eżistenti kważi kollha fi strument wieħed (l-hekk imsejjaħ "Strument ta' Kooperazzjoni tal-Viċinat, tal-Iżvilupp u Internazzjonali" (NDICI)), peress li dan ser jirrestrinġi ulterjorment jipperikola s-sorveljanza demokratika, it-traċċabilità tal-fondi u tan-nefqa kif ukoll l-iskrutinju parlamentari;
39. Jemmen li l-fondi attwali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu strumenti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u s-solidarjetà bejn il-popli, u mhux għall-promozzjoni u d-difiża tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji ta' korporazzjonijiet transnazzjonali jew għall-interessi politiċi tas-setgħat tal-UE;
Amministrazzjoni
40. Huwa mħasseb dwar il-politika tar-riżorsi umani attwali tagħha, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-isfidi u l-ammont ta' xogħol qed jiżdiedu għall-istituzzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm nuqqas ta' interpreti u ta' tradutturi, li huwa problema għall-preservazzjoni u d-difiża tal-prinċipju tal-multilingwiżmu u għax-xogħol tad-delegazzjonijiet minn pajjiżi differenti; jiċħad tnaqqis ulterjuri fir-riżorsi umani;
Kwistjonijiet oħra
41. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li sinkronizzazzjoni tal-programmazzjoni finanzjarja mal-mandat tal-Parlament u tal-Kummissjoni żżid ir-responsabilità demokratika, ir-rendikont u l-leġittimità; jilqa' b'sodisfazzjon il-mudell ta' 5+5, bi proċess ta' reviżjoni f'nofs it-terminu, jekk huwa allinjat maċ-ċiklu ekonomiku; jinnota li l-QFP s'issa kien mibni f'ċikli ta' seba' snin, u li mudell ġdid ta' 5+5 jista' jiżgura skrutinju politiku mill-Parlament f'kull leġiżlatura; jenfasizza li dan jista' wkoll jagħti aktar flessibilità għal bidla fil-ġestjoni ta' programmi, meta jitqies li ċ-ċikli ekonomiċi huma iqsar illum il-ġurnata milli kienu fil-passat, u dan joħloq l-opportunità li jiġi adottat QFP espansiv f'perjodi ta' riċessjoni, u approċċ aktar moderat f'perjodi ta' tkabbir ekonomiku, mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-istabilità ta' programmi fit-tul, li jistgħu jkomplu għall-perjodu sħiħ ta' 10 snin;
Riżorsi Proprji
42. Huwa tal-fehma li l-ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa pprattikati mill-kumpaniji multinazzjonali u dawk l-aktar sinjuri, għandha tpoġġi lura fil-baġits nazzjonali tal-Istati Membri somma ta' madwar elf biljun Euro fis-sena, skont il-Kummissjoni Ewropea, u li f'dan il-każ kien hemm nuqqas reali ta' azzjoni mill-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita Awtorità Ewropea responsabbli għall-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa;
43. Jemmen li tista' biss tinkiseb Ewropa aktar ġusta u aktar progressiva jekk l-Ue terġa' tibni lilha nnifisha sabiex twieġeb b'mod iktar komplut għall-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tas-solidarjetà, il-koeżjoni, l-asil, il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u l-produzzjoni tal-enerġija u appoġġ lir-riċerka, l-edukazzjoni u l-progress soċjali; jaħseb li hija biss sistema tad-dħul ibbażata fuq riżorsi proprji ġenwini minn tassazzjoni tal-iktar għanja, tranżazzjonijiet finanzjarji u l-industriji li jniġġsu l-aktar li tista' tippermetti finanzjament adegwat tal-azzjoni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma;
44. Jitlob, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni ta' taxxi fuq is-settur finanzjarju u korporazzjonijiet multinazzjonali diġitali kbar, l-introduzzjoni ta' bażi komuni ta' taxxa korporattiva, kif ukoll taxxa fuq il-karbonju fil-fruntiera, sabiex tinkiseb sistema finanzjarja awtonoma, aktar ġusta, aktar trasparenti, aktar sempliċi u aktar ġusta li tkun tista' tinftiehem aħjar miċ-ċittadini u turi aktar biċ-ċar il-kontribut tagħha għall-baġit tal-UE;
45. Ifakkar il-possibilità li jiġu implimentati miżuri koordinati ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri differenti, diretti lejn il-kapital kbir u għall-benefiċċju tal-popli, il-ħaddiema u l-pajjiżi; jirrifjuta l-iżvilupp ta' "politika Ewropea tat-taxxa";
°
° °
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [2] ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1.
- [3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [4] ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
- [5] ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29.
- [6] ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2017)0401.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2016)0363.
- [10] Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
- [11] ĠU C 27E, 31.1.2008, p. 214.
- [12] ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 89.
- [13] Testi adottati, P7_TA(2014)0378.
- [14] Testi adottati, P7_TA(2014)0432.
- [15] Testi adottati, P8_TA(2014)0097.
- [16] Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
- [17] Testi adottati, P8_TA(2017)0316.