MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
28.5.2018 - (2018/2711(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, Sofia Sakorafa, Marie-Pierre Vieu, Merja Kyllönen, Paloma López Bermejo, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tal-Kapitolu 1 tal-Karta tan-NU tal-1945, li l-għan iddikjarat tagħha huwa "li tiżviluppa relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn in-nazzjonijiet fuq il-bażi tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza ta' drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, u li tieħu miżuri oħra xierqa sabiex issaħħaħ il-paċi universali",
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' nonintervenzjoni stabbilit fil-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw b'mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu b'mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Amerka Ċentrali u l-UE tal-2003,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012, li ilu fis-seħħ provviżorjament minn Awissu 2013 iżda li għad mhuwiex ratifikat kompletament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-President kurrenti tar-Repubblika tan-Nikaragwa, José Daniel Ortega Saavedra, ġie elett demokratikament f'Novembru 2106 b'72,4 % tal-voti totali;
B. billi l-partit politiku "Frente Sandinista de Liberación Nacional" (FSLN), li jappoġġja lill-Gvern kurrenti tan-Nikaragwa, rebaħ l-elezzjonijiet muniċipali – l-aktar elezzjonijiet reċenti fil-pajjiż – f'Novembru 2017, bi 68,54 % tal-voti totali;
C. billi l-għan tar-riforma tal-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tan-Nikaragwa (INSS) proposta mill-Gvern kien li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tas-sistema tas-sigurtà soċjali tan-Nikaragwa, filwaqt li tevita li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet neoliberali proposti mill-FMI;
D. billi, fid-19 ta' April 2018, bdiet mewġa ta' protesti kontra r-riforma, u billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, inqatlu aktar minn 76 ruħ u ndarbu aktar minn 800 ruħ, skont il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR);
E. billi l-Gvern tan-Nikaragwa rtira r-riforma proposta tiegħu wara l-protesti, u fil-preżent qed jaħdem flimkien mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat fuq riforma li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tal-INSS bla ma tipperikola l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-popolazzjoni tan-Nikaragwa;
F. billi l-protesti kontra r-riformi tal-INSS intużaw minn atturi interni u esterni biex ixerrdu d-destabilizzazzjoni politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiż;
G. billi r-Repubblika tan-Nikaragwa tirreġistra fost l-aktar livelli baxxi ta' vjolenza u omiċidji fir-reġjun – wisq anqas minn pajjiżi ġirien bħall-Honduras, il-Gwatemala jew El Salvador – kif ukoll wieħed mill-ogħla perċentwali ta' aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni;
H. billi r-rata medja ta' tkabbir tal-PDG għan-Nikaragwa ilha dik ta' 5,2 % f'dawn l-aħħar ħames snin;
I. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, laqa' l-bidu ta' djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa bejn il-gruppi ċiviċi u l-Gvern;
1. Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajjiet u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li sfaw vittmi tal-vjolenza fil-pajjiż;
2. Jitlob li dawk responsabbli mit-twettiq ta' dawn id-delitti jew mill-inċitament għalihom jinżammu responsabbli għal għemilhom; jesprimi r-rispett tiegħu għas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika tan-Nikaragwa;
3. Jikkundanna l-atti ta' vjolenza kollha li għarrqu l-pajjiż fis-sitwazzjoni kurrenti, u jħeġġeġ lill-atturi kollha involuti biex joqogħdu lura milli jużaw il-vjolenza fl-eżerċizzju tad-dritt leġittimu tagħhom għall-għaqda u għall-protesta fil-paċi u/jew għaż-żamma tal-ordni pubbliku;
4. Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jirrifjutaw u jinvestigaw kwalunkwe użu sproporzjonat tal-forza fit-twettiq tal-impenn tagħhom favur il-libertajiet u d-drittijiet demokratiċi tal-popolazzjoni tan-Nikaragwa;
5. Jilqa' l-varar ta' djalogu nazzjonali u n-negozjati fi ħdan il-Kummissjoni ta' Medjazzjoni u Xhieda tad-djalogu nazzjonali, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-istudenti, tan-negozji, tas-soċjetà ċivili u tal-Gvern;
6. Jiddispjaċih għas-sospensjoni tan-negozjati u jilqa' l-varar tal-kumitat imħallat bil-għan li d-djalogu nazzjonali jerġa' jissokta;
7. Jieħu nota li, fil-qafas tad-djalogu nazzjonali, il-partijiet kollha approvaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), b'mod partikolari l-varar ta' mekkaniżmu ta' investigazzjoni internazzjonali u l-ħolqien ta' kumitat speċjali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li jikkostitwixxu passi importanti 'l quddiem lejn riżoluzzjoni paċifika tal-isfidi kurrenti fin-Nikaragwa;
8. Jikkundanna kwalunkwe ndħil barrani fl-affarijiet interni tan-Nikaragwa maħsub biex jiddestabilizza l-pajjiż, u jirrifjuta kwalunkwe tentattiv ta' twaqqigħ tal-gvern demokratikament elett kurrenti tan-Nikaragwa;
9. Jirrifjuta kwalunkwe utilizzazzjoni falza tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa min-naħa tal-Unjoni Ewropea għal finijiet politiċi;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tan-Nikaragwa, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-korpi reġjonali tal-Amerka Latina, lill-Alleanza Bolivarjana għall-popli tal-Amerka Tagħna (ALBA) u lill-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC).