Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0274/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0274/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

6.6.2018 - (2018/2634(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0025/2018 u B8-0026/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Linda McAvan f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp


Proċedura : 2018/2634(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0274/2018
Testi mressqa :
B8-0274/2018
Testi adottati :

B8-0274/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

(2018/2634(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[4],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2017 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (COM(2017)0763),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Novembru 2016 dwar "Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku" (JOIN(2016)0052),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titlu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020" (JOIN(2015)0033),

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titlu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Ġunju 2017 tal-Parlament, tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u tal-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Diċembru 2017 dwar sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Grupp ta' pajjiżi AKP,

–  wara li kkunsidra s-seba' u t-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-pajjiżi AKP li saru f'Malabo (13-14 ta' Diċembru 2012) u f'Port Moresby (4 ta' Mejju 2016) rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-103 u l-105 laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Konġunt AKP-UE li saru f'Dakar (26-27 ta' April 2016) u fi Brussell (3-4 ta' Mejju 2017) rispettivament,

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-Unjoni Afrikana, li sar f'Abidjan mid-29 sat-30 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Persuni Eminenti tal-AKP ta' Marzu 2016 dwar il-futur tal-AKP wara l-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[5],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Grupp ta' Stati AKP tal-1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE[6] u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-21 ta' Diċembru dwar id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet AKP-UE ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou[7],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE[8],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (O-000043/2018 – B8-0025/2018 u O-000044/2018 – B8-0026/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-saħħa u l-acquis tal-Ftehim ta' Cotonou huma bbażati fuq għadd ta' karatteristiċi uniċi, bħan-natura ġuridikament vinkolanti tiegħu, il-kompletezza tat-tliet pilastri tiegħu: il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni politika u l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, u l-baġit kbir tiegħu fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

B.  billi s-sħubija AKP-UE kellha rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), minkejja li l-UE ma rnexxilhiex tilħaq l-objettiv li talloka 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħha għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

C.  billi s-sħubija AKP-UE tat kontribut sinifikanti għall-qerda tal-faqar, għall-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija globali, u bħala attur globali aktar effikaċi fil-kummerċ multilaterali u fin-negozjati dwar il-klima;

D.  billi s-sħubija AKP-UE tejbet l-aċċess għas-suq għall-Istati AKP u għall-Istati Membri tal-UE u ppromoviet fehim reċiproku akbar tal-pożizzjonijiet, il-valuri u n-normi permezz ta' djalogu politiku bejniethom;

E.  billi, għalkemm is-sħubija AKP-UE tat kontribut kbir għall-avvanz tal-MDGs, s'issa l-progress lejn l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija għadu insuffiċjenti, minħabba li nofs l-Istati AKP għadhom fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati u peress li flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;

F.  billi l-ħolqien tal-Unjoni Afrikana, l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, l-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew u l-Istrateġija UE-Paċifiku huma eżempju tal-approċċ dejjem aktar reġjonali tal-UE biex tindirizza kwistjonijiet ta' interess u tħassib komuni, bħall-paċi u s-sigurtà, it-terroriżmu u l-migrazzjoni;

G.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà politika huma prerekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli;

H.  billi l-bażi komuni u l-patti reġjonali jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali u kontinentali, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u komplementarjetà;

I.  billi l-Istati AKP identifikaw tliet pilastri għan-negozjati, jiġifieri:

–  il-kummerċ, l-investiment u s-servizzi,

–  il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ix-xjenza u t-teknoloġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni,

–  id-djalogu u s-sostenn politiku;

J.  billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u ġuridiku li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;

K.  billi hemm bżonn ċar li tinżamm il-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;

L.  billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, fosthom fil-programmazzjoni, is-segwitu u l-valutazzjoni, kienet limitata;

M.  billi d-djalogu politiku sar l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;

N.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw leġiżlazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;

O.  billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-iżborżi li diġà jkunu saru, u lanqas m'għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;

P.  billi r-rinforz tad-dimensjoni parlamentari tas-sħubija AKP-UE kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol konsultattiv tiegħu għandhom ikunu element fundamentali tas-sħubija l-ġdida;

Q.  billi l-frekwenza u d-diversità tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ppermettew li jsir djalogu konsistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-Membri AKP, u b'hekk ġiet ikkonsolidata l-leġittimità tagħha u ssaħħet id-diplomazija parlamentari; billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta serviet bħala mudell ta' diplomazija parlamentari f'diversi fora politiċi;

1.  Jilqa' pożittivament l-aspetti ewlenin u l-arkitettura ġenerali tal-kooperazzjoni futura bejn il-Grupp ta' Stati AKP u l-Unjoni Ewropea proposta mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija futur;

2.  Jinsisti li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp iridu jkunu fil-qalba tas-sħubija AKP-UE mġedda;

3.  Jilqa' l-fatt li l-ilħuq tal-SDGs jitqies bħala objettiv ewlieni, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri konkreti ta' implimentazzjoni fil-patti proposti; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet trasversali bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet dwar il-ġeneru u l-ġustizzja soċjali fil-politiki kollha, il-pjanijiet u l-interventi tal-ftehim futur;

4.  Jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim ta' sħubija ġdid hija miftuħa għas-sħab esterni;

5.  Ifakkar li l-ewwel l-SDG huwa l-qerda tal-faqar, li tibqa' problema ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-Istati AKP; jisħaq fuq il-fatt, għalhekk, li l-ġlieda kontra l-faqar trid tibqa' element ċentrali tal-ftehim futur;

6.  Josserva li l-Kummissjoni qieset, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-pożizzjoni tal-Parlament u li l-bażi komuni u l-patti reġjonali se jkunu ġuridikament vinkolanti b'mod indaqs, kif mitlub mill-Parlament;

7.  Ifakkar li l-ftehim ta' sħubija futur se jinkludi l-prinċipji ta' ekwità, ir-rispett reċiproku u l-interess reċiproku;

8.  Jinsisti li l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou, jiġifieri r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt u l-governanza tajba jinżammu bħala bażi għall-kooperazzjoni ta' wara l-2020 u jkunu parti integrali mill-ftehim kostituttiv u mill-patti u l-protokolli reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu b'mod espliċitu, fil-parti tal-mandat li tirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, orjentazzjoni jew identità sesswali, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif previsti mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza abbażi tal-istrumenti ġuridiċi, il-liġijiet, il-prinċipji u l-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti stabbiliti mill-korpi ta' governanza reġjonali u pan-Afrikani, bil-għan li jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza;

10.  Ifakkar li s-sħubija futura bejn l-Istati AKP u l-Istati Membri tal-UE trid tinkorpora l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha fil-livelli kollha;

11.  Jistieden lin-negozjaturi tal-UE u tal-AKP jinkludu dispożizzjoni ċara dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali min-naħa tal-partijiet kollha fil-bażi kostituttiva komuni tal-ftehim;

12.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn il-prinċipji stabbiliti fil-parti kostituttiva komuni u fil-prijoritajiet reġjonali ddefiniti fil-patti, u jenfasizza li l-parti kostituttiva għandha tinkludi referenza espliċita għall-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, rieżami u responsabbiltà f'każ ta' nonkonformità; jenfasizza li għandha tiġi żgurata wkoll ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-konfront taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u li l-istituzzjonijiet konġunti għandhom jipprevedu mekkaniżmi li jippermettu lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini jirrapurtaw każijiet ta' ksur tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn;

13.  Itenni lill-partijiet kollha fin-negozjati li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali mill-Ftehim ta' Cotonou u li dan irid jibqa' pilastru ċentrali u ġuridiku fil-qafas ġenerali u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid;

14.  Jissottolinja li d-djalogu politiku huwa parti integrali mis-sħubija u bażi siewja għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli fil-pajjiżi sħab; jappella, għaldaqstant, għal titjib fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv, trasparenti u parteċipattiv; jenfasizza l-importanza tal-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tad-djalogu;

15.  Ifakkar li d-djalogu politiku jrid ikun bilanċjat u msejjes fuq ir-rispett reċiproku;

16.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni AKP-UE għandha tipprevedi mekkaniżmu ta' rieżami bejn il-pari rigward il-progress u l-lakuni fl-implimentazzjoni tal-SDGs fuq bażi regolari, bl-involviment tal-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, kif ukoll evalwazzjoni regolari u rappurtar pubbliku dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn; jemmen li, biex tkun effikaċi, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs teħtieġ leġittimità, prossimità, sussidjarjetà u livell għoli ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali; jappella għal komunikazzjoni u djalogu aħjar sabiex ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi AKP u l-pajjiżi tal-UE tkun aktar profonda;

17.  Jitlob li tissaħħaħ l-influwenza politika tas-sħubija AKP-UE fix-xena globali, b'tali mod li s-sħab ikollhom rwol aktar effikaċi globalment;

18.  Jitlob li l-ftehim futur ikun fih dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw ir-rwol u r-responsabbiltajiet tas-settur privat; jenfasizza l-ħtieġa, b'mod partikolari, li l-intrapriżi involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti, inkluż billi jirrispettaw il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li kemm l-Istati tal-UE kif ukoll l-Istati tal-AKP jfasslu pjanijiet nazzjonali biex jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta;

19.  Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni hija żbilanċjata ħafna, b'enfasi qawwija fuq ir-rimpatriju u r-riammissjoni u b'dispożizzjonijiet limitati ħafna dwar il-migrazzjoni legali; jitlob li fil-ftehim il-ġdid jiddaħħal lingwaġġ ambizzjuż dwar il-mezzi ta' migrazzjoni legali;

20.  Jiddispjaċih li l-abbozz tal-mandat ta' negozjar ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni li tiżgura dimensjoni ta' żvilupp sostenibbli għall-agrikoltura, minkejja l-isfidi enormi li jiffaċċjaw il-bdiewa fil-pajjiżi AKP minħabba t-tibdil fil-klima; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jinkludu skemi ta' appoġġ għal prattiki agrikoli sostenibbli fil-ftehim il-ġdid;

21.  Jitlob li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar fid-djalogu politiku, il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, u li tingħata aktar appoġġ għall-bini tal-kapaċità; jissottolinja li l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu politiku huwa importanti, partikolarment fil-każ tal-gruppi lokali affettwati direttament mill-politiki; jissottolinja, f'dan ir-rigward, it-theddida ta' spazju dejjem iżgħar għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi gruppi bħall-minoranzi, iż-żgħażagħ u n-nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;

22.  Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jinbena fuq ir-rikonoxximent tar-rwoli differenti li tiżvolġi, u li r-rwol tagħha bħala protagonista fil-ftehim għandu jiżdied; jinsisti li l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili għandha tkun stabbilita bħala element vinkolanti tal-ftehim permezz ta' artikolu speċifiku;

23.  Jissottolinja li l-prinċipji ta' kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp iridu jkunu inkorporati bis-sħiħ fil-ftehim ta' sħubija AKP-UE l-ġdid u li jridu jkunu previsti dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-sjieda tal-pajjiżi, l-enfasi fuq ir-riżultati, l-inklużività tal-proċess ta' żvilupp, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka jkunu l-pedamenti tal-ftehim u tal-protokolli reġjonali; jissottolinja li hemm bżonn jiġi żgurat approċċ ġeografiku bilanċjat għall-allokazzjoni tal-għajnuna b'enfasi sostanzjali fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati fraġli; iqis li l-allokazzjoni tal-għajnuna m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

24.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni/s-sħubija l-ġdida bejn l-UE u l-AKP għandha tiżgura azzjoni konġunta aktar effikaċi biex jiġu indirizzati l-isfidi differenti li tiffaċċja d-dinja llum, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

25.  Itenni li l-ftehim futur irid joffri opportunità biex jitjiebu l-impenji u r-rispett fir-rigward tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) u għandu jinkludi mekkaniżmi għall-monitoraġġ sistematiku tal-PCD; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-PCD u jenfasizza li hemm bżonn jidħlu fi djalogu fuq bażi regolari fil-livell tal-pajjiżi;

26.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment mis-settur privat, li jiffaċilita l-iżvilupp fit-tul tas-swieq tal-kapital lokali u joħloq effett ta' lieva fuq il-baġits limitati tal-ODA sabiex jiġi massimizzat l-impatt u jiġu ffinanzjati l-SDGs;

27.  Itenni l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-ftehim futur, u b'hekk ikun garantit poter konsultattiv reali għall-Assemblea Parlamentari Konġunta ġenerali futura u jiġi żgurat li jitħalla lok għal djalogu parlamentari miftuħ, demokratiku u komprensiv; jitlob li l-awtonomija ġuridika u operattiva tagħha tkun garantita; jesiġi li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun assoċjata mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-ftehim u li tiġi kkonsultata regolarment f'kull kwistjoni ta' importanza għas-sħubija; jemmen li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandha tkun involuta bis-sħiħ fin-negozjati dwar is-sħubija futura;

28.  Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jittejjeb l-iskrutinju tal-programmazzjoni tal-iżvilupp min-naħa tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

29.  Jinsab konvint li hemm bżonn ta' laqgħat regolari fil-livell tal-AKP-UE, tal-inqas darba fis-sena, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tas-sħubija u jingħata lok għal rappurtar regolari u evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-progress fit-twettiq tal-SDGs u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħra tal-ftehim, kif mitlub mill-Parlament;

30.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, filwaqt li l-attenzjoni tibqa' fuq il-ħidma fil-fora reġjonali bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; iqis li l-Kunsill AKP-UE u l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandhom jiltaqgħu regolarment, iżda inqas ta' spiss mil-lum, f'sessjoni plenarja, daqqa fl-UE u daqqa fi Stat tal-AKP, iżda li s-sessjoni m'għandhiex tiddependi fuq jissejjaħx jew le l-Kunsill; jistieden lill-Istat Membru tal-UE li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE jinvolvi ruħu b'mod aktar profond f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħejjija, l-organizzazzjoni u fejn isiru s-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

31.  Jitlob li mill-inqas darba fis-sena jiġu organizzati f'kull reġjun laqgħat bejn Membri Parlamentari mill-UE u mill-AKP fil-livell ta' patti reġjonali, li jkunu akkumpanjati minn forum multilaterali li jinvolvi atturi mhux statali, inklużi s-soċjetà ċivili, iż-żgħażagħ u s-settur privat;

32.  Jinsab konvint li l-Parlament Pan-Afrikan jeħtieġ isir pilastru sod fil-kuntest tal-patt UE-Afrika li ġej, partikolarment fil-konfront tal-kunsill UE-Afrika u pari passu miegħu; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-kontropartijiet tal-AKP tagħha jippubblikaw proposti testwali dwar id-dimensjoni parlamentari u r-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan fil-fażijiet inizjali tan-negozjati u jikkonsultaw mal-Parlament Pan-Afrikan u mal-Parlament Ewropew rispettivament f'dan is-sens;

33.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew jeħtieġ jinżamm infurmat bis-sħiħ u minnufih fil-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jtenni l-bżonn ta' qbil dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, barra minn hekk, jinfurmaw lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bis-sħiħ u fil-pront fir-rigward tan-negozjati;

34.  Jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jippubblika l-mandat kif adottat mill-Kunsill; jistieden lill-Grupp ta' Stati AKP jagħmlu l-istess għall-mandat tagħhom.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza