Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0275/2018

Testi mressqa :

B8-0275/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0266

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 422kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0275/2018
11.6.2018
PE621.673v01-00
 
B8-0275/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))


Jaromír Štětina, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Dubravka Šuica, Sandra Kalniete, Laima Liucija Andrikienė, Michał Boni, Elmar Brok, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Julia Pitera, Fernando Ruas, Michaela Šojdrová, Željana Zovko f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))  
B8‑0275/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Eastern Partnership – 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results" (SWD(2017)0300) (Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 bit-titlu "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

B.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ lejn ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

C.  billi, wara għaxar snin ta' aggressjoni militari, u sa mill-invażjoni tagħha tal-Georgia matul il-gwerra ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha tokkupa illegalment u qed tieħu passi lejn l-annessjoni de facto tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk qed iddgħajjef id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli;

D.  billi għaxar snin wara l-gwerra bejn ir-Russja u l-Georgia, il-Federazzjoni Russa għadha qiegħda tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli ssaħħaħ il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia u qed tintensifika t-tkattir u l-eżerċizzji tal-militar tagħha, b'hekk tiddestabbilizza b'mod serju s-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post;

F.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiżola lill-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi għalqet punti ta' qsim, installat ħitan tal-barbed wire u ostakoli artifiċjali oħrajn, u billi estendiet aktar il-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi (ABL);

G.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spustati f'pajjiżhom (IDP) u rifuġjati mkeċċija bil-forza għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal ritorn sikur u dinjituż lejn djarhom;

H.  billi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma d-drittijiet għal-libertà ta' moviment u ta' residenza, tal-proprjetà u ta' aċċess għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva, detenzjonijiet illegali u ħtif ta' persuni, għadu jseħħ fir-reġjuni okkupati tal-Georgia;

I.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, tassumi responsabbiltà sħiħa għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sitwazzjoni umanitarja fil-post;

1.  Ikompli jappoġġja bil-qawwa l-prinċipju tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

2.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment kif previst mid-dritt internazzjonali, mill-Karta tan-NU, mill-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, mill-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 għal Ewropa Ġdida, u mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

3.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha tar-rikonoxximent tal-hekk imsejħa indipendenza tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha, u tiggarantixxi lill-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) aċċess sħiħ u bla limitu għat-territorji okkupati;

5.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali mill-Georgia li ma tużax il-forza, kif iddikjarat mill-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;

6.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-frunterizzazzjoni ulterjuri tal-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi, billi toqgħod lura milli tinstalla ħitan tal-barbed wire u ostakoli artifiċjali oħra, u tieqaf tinterferixxi f'territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u fl-estensjoni ulterjuri tal-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi, passi mfassla biex ifixklu l-kuntatti bejn il-persuni u jiżolaw lill-popolazzjonijiet taż-żewġ reġjuni okkupati;

7.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv, biex twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet etniċi, u l-ksur tad-dritt għal proprjetà u l-aċċess għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva fit-territorji okkupati tal-Georgia;

8.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż ta' persuni spustati f'pajjiżhom (IDP) u r-rifuġjati lejn darhom, u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għal organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jikkonferma l-impenn b'saħħtu tal-UE biex tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia, u l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li hija biss pożizzjoni koerenti u soda mill-komunità internazzjonali kontra l-politika tar-Russja għall-okkupazzjoni u l-annessjoni li tista' twassal għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u ta' kunflitti oħrajn fit-tul li għaddejjin f'dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika;

11.  Jesprimi gratitudni profonda lejn l-irġiel u n-nisa li servew fil-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE; ifakkar li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post u tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

 

 

 

(1)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza