Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0277/2018

Testi mressqa :

B8-0277/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0266

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 47k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0275/2018
11.6.2018
PE621.675v01-00
 
B8-0277/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))


Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))  
B8‑0277/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia u s-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Georgia u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia (EUMM Georgia) li ntbagħtet fil-15 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016, u d-dħul fis-seħħ fit-28 ta' Marzu 2017 tar-reġim mingħajr viżi bejn l-UE u l-Georgia,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Implimentazzjoni ta' Assoċjazzjoni dwar il-Georgia tad-9 ta' Novembru 2017 (SWD(2017)0371),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-iżviluppi fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Frar 2018 mill-President tad-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta' Koperazzjoni UE-Ażerbajġan u għall-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia, Sajjad Karim, dwar il-mewt ta' ċittadin Georgjan fl-Ossezja tan-Nofsinhar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija finali u r-rakkomandazzjonijiet tas-26 ta' April 2018 mill-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia fi Brussell skont l-Artikolu 411(3) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tal-Georgia kompla jagħmel progress lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u joħloq rabtiet aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea; billi, b'riżultat tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA) bejn l-UE u l-Georgia, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016, iż-żewġ partijiet ibbenefikaw minn assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib u minn skambji ekonomiċi u kulturali msaħħa; billi l-Georgia qed tikkonforma mal-kalendarji miftiehma rigward l-implimentazzjoni tal-impenji li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

B.  billi l-ivjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Georgia daħal fis-seħħ fit-28 ta' Marzu 2017 u wassal għal żieda fil-mobilità u għal kuntatti msaħħa bejn il-persuni; billi d-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Georgia wera li huwa għodda effettiva biex jitwettqu riformi komprensivi;

C.  billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia qed jiddgħajfu minħabba l-kunflitti reġjonali mhux solvuti fir-reġjuni Georgjani okkupati tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; billi 10 snin wara il-kunflitt militari bejn ir-Russja u l-Georgia, il-Federazzjoni Russa għadha qiegħda tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u mhijiex tirrispetta l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

D.  billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur l-isforzi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u tappoġġjahom b'mod attiv permezz tal-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM, u permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tieħu passi lejn l-annessjoni de facto tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk qed iddgħajjef id-dritt internazzjonali; billi l-hekk imsejħa trattati ta' integrazzjoni u ta' alleanza ffirmati bejn ir-Russja u l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2014 u fl-2015 kienu ksur ċar tal-liġi internazzjonali, tal-prinċipji tal-OSKE u tal-impenji internazzjonali tar-Russja; billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix il-qafas tal-hekk imsejħa elezzjonijiet u ta' referendum organizzat minn separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2016 u l-2017;

F.  billi l-forzi armati Russi qed ikomplu jiżolaw ir-reġjuni tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi għalqu punti ta' qsim, billi installaw ħitan tal-barbwire u ostakoli artifiċjali oħrajn, u billi estendew aktar il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva; billi l-aċċess tal-EUMM għall-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar jinsab imblukkat, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

G.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar iddeterjorat matul dawn l-aħħar ftit snin, fejn kien hemm ripressjoni u intimidazzjoni ta' ċittadini Georgjani, relatati ma' diskriminazzjoni etnika u tibdil demografiku bil-forza, u restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment, fuq id-drittijiet tal-proprjetà u fuq it-tagħlim tal-lingwa materna;

H.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fetħet investigazzjoni dwar delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu minn kull naħa fil-kunflitt;

I.  billi matul l-evidenza tal-għeluq quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-23 ta' Mejju 2018, il-Georgia akkużat lill-Federazzjoni Russa b'delitti tal-gwerra u bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-kunflitt tal-2008, inkluż li l-forzi Russi wettqu attakki bla distinzjoni kontra ċ-ċivili u l-proprjetà tagħhom f'partijiet differenti fil-Georgia, inkluż fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar; billi l-Federazzjoni Russa tiċħad l-allegazzjonijiet kollha;

1.  Jilqa' l-impenn u l-isforzi intensi mill-Georgia sabiex tapprofondixxi r-relazzjonijiet mal-UE abbażi tal-impenji fil-qafas tal-AA/DCFTA u tal-aspirazzjonijiet għall-integrazzjoni Ewropea; iqis li huwa ta' importanza kbira li l-awtoritajiet Georgjani jkomplu jiddefendu d-demokrazija u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

2.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment; jibqa' impenjat bis-sħiħ favur is-soluzzjoni tal-kunflitt u l-politika tiegħu tan-nonrikonoxximent u ta' impenn fil-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, bħala parti minn approċċ komprensiv;

3.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni tagħha tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, li tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia, u tirrispetta l-impenji vinkolanti tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, speċjalment fir-rigward tal-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar iċ-ċaħda tal-aċċess għall-osservaturi internazzjonali u reġjonali; jinsisti dwar l-importanza ta' aċċess bla xkiel għall-mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż min-Nazzjonijiet Uniti u l-EUMM, għar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar;

5.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha tar-rikonoxximent tal-hekk imsejħa indipendenza tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar;

6.  Jikkundanna l-qerda intenzjonata ta' għexieren ta' rħula u knejjes Georgjani fir-reġjuni okkupati tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, u t-tentattiv intenzjonat li jitħassru t-traċċi Georgjani fir-reġjuni okkupati;

7.  Jiddispjaċih li d-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, fil-biċċa l-kbira tagħhom spiċċaw fi mblokk totali; jistieden lill-UE tieħu rwol aktar proattiv sabiex tiggwida d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, bil-għan li jintlaħaq ftehim, fiċ-ċikli ta' diskussjonijiet li ġejjin, dwar dikjarazzjoni konġunta li ma tintużax forza minn ebda naħa; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali mill-Georgia li ma tużax il-forza, kif iddikjarat mill-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;

8.  Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida ta' paċi tal-Gvern tal-Georgia bit-titolu "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", li tista' tkun ta' benefiċċju għall-popolazzjonijiet li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva billi tiffaċilita l-kummerċ, l-edukazzjoni u l-mobilità, u trawwem kuntatti bejn il-persuni u l-bini tal-fiduċja bejn il-komunitajiet mifruda;

9.  Jinsab ferm imħasseb dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-diskriminazzjoni etnika, il-libertà tal-moviment, id-drittijiet tal-proprjetà u l-edukazzjoni tal-lingwa materna, u dwar l-ostakoli persistenti għad-drittijiet tal-persuni spostati f'pajjiżhom u tar-rifuġjati għal ritorn sikur u dinjituż lejn djarhom;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewt waqt li kien taħt arrest taċ-ċittadin Georgjan Archil Tatunashvili f'Tskhinvali fi Frar 2018 u l-qtil f'Mejju 2018 taċ-ċittadin Georgjan Giga Otkhzoria qrib il-linja tal-okkupazzjoni viċin l-Abkażja; jenfasizza l-ħtieġa li dan il-każ u każijiet simili jiġu indirizzati kif suppost sabiex jiġi evitat li jirrepetu ruħhom u li jinħolqu tensjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi evitata l-impunità u jappella għal investigazzjoni bir-reqqa ta' dawn il-każijiet, biex dawk responsabbli għar-reati msemmija hawn fuq jitressqu quddiem il-ġustizzja, u għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha, inkluż fil-qafas tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti;

11.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-proċess li bih il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva qed tinbidel fi fruntiera, bl-installazzjoni ta' ħajt tal-barbwire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn; jitlob ukoll li jintemmu l-indħil fit-territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u l-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li intenzjonalment qed jostakolaw il-kuntatti bejn il-persuni u qed jiżolaw il-popolazzjoni tar-reġjuni tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar;

12.  Ifakkar li l-EUMM hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post, u tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż wara l-14 ta' Diċembru 2018;

13.  Itenni li dawk responsabbli għall-ksur tal-liġi internazzjonali, fuq kull naħa tal-kunflitt, għandhom jinżammu responsabbli; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ qawwi tiegħu għall-investigazzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li għaddejja u l-każ li għaddej quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li hija mistenni aktar tard din is-sena;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, lill-OSKE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza