MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-reġjuni separatisti Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa
11.6.2018 - (2018/2741(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Paloma López Bermejo, Javier Couso Permuy, Barbara Spinelli, Sabine Lösing, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0278/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reġjuni separatisti Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn il-Georgia u r-Russja ilhom mijiet ta' snin b'perjodi ta' kooperazzjoni u perjodi ta' kunflitt jew tensjoni; billi x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika rriżulta f'kunflitti multidimensjonali, f'dawk li qabel kienu repubbliki Sovjetiċi, li għad iridu jiġu solvuti u qed ikomplu jikkawżaw tensjonijiet bejn ir-Russja u l-ġirien tagħha; billi għal bosta snin il-kunflitti fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fl-Abkażja rriżultaw f'kunflitti vjolenti, f'tindif etniku u f'tensjonijiet qawwija fir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Georgia;
B. billi l-Ossezja tan-Nofsinhar iddikjarat l-indipendenza tagħha mir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Georgia fl-1991; billi l-Gvern Georgjan wieġeb billi abolixxa l-awtonomija tal-Ossezja tan-Nofsinhar billi pprova jerġa' jistabbilixxi l-kontroll tiegħu fuq ir-reġjun bil-forza; billi l-kriżi li kienet qed teskala wasslet għall-gwerra tal-Ossezja bejn l-1991 u l-1992 u għal ġlied fl-2004 u fl-2008; billi l-Abkażja gawdiet l-awtonomija fi ħdan ir-Repubblika Sovjetika tal-Georgia; billi t-tensjonijiet etniċi laħqu l-quċċata tagħhom bil-gwerra bejn l-1992 u l-1993 f'Abkażja u l-indipendenza de facto tal-Abkażja; billi, minkejja l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-1994 u snin ta' negozjati, it-tilwim għadu mhux solvut;
C. billi saru tentattivi biex terġa' tinkiteb l-istorja tal-gwerra tal-2008 bejn il-Georgia u r-Russja fid-dawl tal-kriżi fl-Ukrajna; billi t-titolu mogħti lid-dibattitu parlamentari biex jikkommemora dawn l-avvenimenti traġiċi jikkontribwixxi għal dan l-iżvilupp problematiku; billi r-Rapport Tagliavini tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Georgia jibqa' l-bażi ta' fatti fir-rigward ta' dak li ġara; billi r-rapport iċċara li l-Gvern tal-Georgia ta' Mikheil Saakashvili kien beda l-gwerra fis-7 ta' Awwissu 2008 filgħaxija meta l-forzi Georgjani attakkaw il-belt ta' Tskhinvali u ħakmu partijiet tal-Ossezja tan-Nofsinhar, iżda nnota li "kien diġà għaddej kunflitt vjolenti qabel l-Ossezja tan-Nofsinhar" u li l-offensiva Georgjana "ma kinitx xierqa" bħala tweġiba għall-attakki ta' qabel il-gwerra;
D. billi l-istatus tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja għadu kwistjoni ta' tilwim; billi n-Nazzjonijiet Uniti u l-maġġoranza tal-gvernijiet tad-dinja jikkunsidraw lit-territorju bħala parti mill-Georgia, filwaqt li r-Russja u erba' Stati Membri oħra tan-NU jirrikonoxxu lir-Repubbliki tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja; billi ż-żewġ repubbliki huma dipendenti ħafna fuq ir-Russja f'termini ekonomiċi, politiċi u militari; billi soluzzjoni għall-kunflitti f'dan ir-reġjun tista' tkun sostenibbli biss jekk jiġi garantit id-dritt tal-poplu tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li jiddetermina l-ġejjieni tiegħu u jiddefendi l-identità nazzjonali tiegħu;
E. billi d-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra – il-forum multilaterali ta' medjazzjoni li jindirizza l-konsegwenzi umanitarji u ta' sigurtà tal-gwerra bejn il-Georgia u r-Russja ta' Awwissu 2008 – għad iridu jsarrfu f'riżultati tanġibbli;
F. billi fl-2017 ir-Russja u l-Georgia stabbilixxew kumitat konġunt immexxi mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja u mir-Rappreżentant Speċjali għar-Relazzjonijiet mar-Russja tal-Prim Ministru Georgjan; billi r-relazzjonijiet ekonomiċi għamlu progress u l-kuntatt bejn il-persuni ġie intensifikat fl-2017; billi r-Russja saret it-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-Georgia, ġew stabbiliti konnessjonijiet tat-trasport u aktar minn miljun persuna Russi żaru l-Georgia; billi r-Russja u l-Georgia qablu li jpoġġu l-kwistjonijiet tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar fuq l-aġenda tal-kumitat konġunt fl-2018;
G. billi l-kooperazzjoni militari li qed tikber bejn il-Georgia u l-Istati Uniti u n-NATO, l-eżerċizzji u t-taħriġ militari konġunti regolari tal-armata Georgjana minn uffiċjali militari tan-NATO u t-tagħmir mill-ġdid tal-armata Georgjana b'armi tan-NATO jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju għar-Russja;
1. Jinsab imħasseb li r-reġjuni tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja għadhom reġjuni ta' kunflitt u tensjonijiet mhux solvuti; jappella għal djalogu u negozjati bejn il-partijiet ikkonċernati kollha bil-għan li tinstab soluzzjoni li tissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-poplu kollu fir-reġjun u tagħtihom is-setgħa li jiddeterminaw il-ġejjieni tagħhom;
2. Jilqa' l-isforzi tal-gvernijiet tar-Russja u tal-Georgia biex jiżviluppaw relazzjonijiet vantaġġużi b'mod reċiproku f'oqsma differenti; jittama li dawn l-isforzi se jirriżultaw f'soluzzjoni għad-differenzi bejn iż-żewġ pajjiżi u fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jikkritika l-fatt li xi forzi politiċi fl-UE u fil-Georgia qed idgħajfu dawn l-isforzi billi jerġgħu jiktbu l-istorja u unilateralment jitfgħu t-tort fuq ir-Russja għall-avvenimenti traġiċi tal-2008;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward it-tkattir militari kontinwu fir-reġjun u jħeġġeġ lin-naħat kollha biex itemmuh; jitlob li kwalunkwe attività tan-NATO fir-reġjun tintemm u jirrifjuta bis-sħiħ l-adeżjoni tal-Georgia man-NATO;
4. Jinsisti fuq ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati Membri kollha tan-NU, inkluża l-Georgia;
5. Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe soluzzjoni politika għall-kunflitti fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fl-Abkażja trid tissodisfa l-aspettattivi tal-popli kollha li jgħixu fir-reġjun; jitlob li jkun hemm format għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jagħmilha possibbli għar-rappreżentanti tal-popli kkonċernati kollha biex jipparteċipaw;
6. Jiddeplora l-fatt li l-isforzi fi ħdan il-qafas tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra biex jintlaħaq ftehim fuq dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' użu tal-forza ma rnexxewx; jissottolinja l-fatt li tali dikjarazzjoni tkun pass importanti fit-triq lejn il-garanzija tas-sigurtà fir-reġjun; jistieden lill-Istati Uniti tiżvolġi rwol aktar kostruttiv f'dawn id-diskussjonijiet;
7. Jesprimi tħassib serju dwar il-mewt traġika taċ-ċittadin Georgjan Archil Tatunashvili; jappella għal investigazzjoni bir-reqqa dwar il-każ u għal kooperazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti; jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-Georgjani etniċi li jgħixu fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fl-Abkażja;
8. Jinsisti fuq id-dritt tal-persuni spostati li jirritornaw f'kundizzjonijiet dinjitużi, bil-ħsieb li titnaqqas il-karatteristika tal-Purtiera tal-Ħadid tal-fruntieri de facto u li atturi internazzjonali jkunu jistgħu jgħinu lill-persuni fiż-żewġ reġjuni;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Presidenti u l-parlamenti tal-Georgia u tar-Russja, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u lill-Kunsill tal-Ewropa.