Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0279/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0279/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa

11.6.2018 - (2018/2741(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Heidi Hautala, Rebecca Harms, Jordi Solé, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0275/2018

Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0279/2018
Testi mressqa :
B8-0279/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0279/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa

(2018/2741(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Georgia tal-2009, taħt it-tmexxija ta' Heidi Tagliavini,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni[2],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 intitolat "Eastern Partnership – 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results" (SWD(2017)0300) (Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

B.  billi l-UE kellha rwol ewlieni fil-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied ta' Awwissu u Settembru 2008 u għadha impenjata bis-sħiħ favur ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

C.  billi, għaxar snin minn meta beda l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia u l-invażjoni Russa sussegwenti tal-Georgia, il-Federazzjoni Russa qed tissokta bl-okkupazzjoni illegali tagħha u qed tieħu passi lejn l-annessjoni de facto tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk qed iddgħajjef id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli;

D.  billi għaxar snin wara l-gwerra bejn ir-Russja u l-Georgia, il-Federazzjoni Russa għadha qiegħda tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u qiegħda tirrifjuta li timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta' Awwissu 2008;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli ssaħħaħ il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati Georgjani u qed tintensifika t-tkattir u l-eżerċizzji militari tagħha, u b'hekk qed ikolllha effett destabilizzanti serju fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post;

F.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiżola t-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-abitant tagħhom mill-bqija tal-pajjiż bl-għeluq tal-hekk imsejħa punti ta' qsim, u bl-installazzjoni ta' ċnut tal-barbed-wire u ostakoli artifiċjali oħrajn, u bl-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva;

G.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u refuġjati espulsi bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar b'riżultat ta' diversi mewġ ta' tindif etniku, għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali ta' tar-ritorn sikur u dinjituż lejn djarhom;

H.  billi għadhom qed iseħħu kemm ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva, kif ukoll detenzjonijiet illegali u ħtif ta' persuni, fir-reġjuni okkupati Georgjani;

I.  billi l-popolazzjoni Georgjana li tirrisjedi fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar għadha qed tkun soġġetta għal diskriminazzjoni intensa fuq bażi etnika;

J.  billi Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, Georgjani li ġew spostati internament, ġew imċaħħad illegalment minn ħajjithom b'konsegwenza tal-azzjonijiet brutali mwettqa mill-forzi ta' okkupazzjoni tar-Russja f'Sokhumi u Tskhinvali;

K.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija kompletament responsabbiltà għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;

1.  Jenfasizza li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà tal-Ewropa; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi kollha fl-Ewropa;

2.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu kemm għall-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha kif ukoll għad-dritt sovran ta' kull pajjiż li jiddetermina b'mod liberu l-ġejjieni tiegħu; jirrikonoxxi li l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

3.  Jappoġġja l-politika tal-Georgia li taħdem favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt, inkluż billi tħares il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, il-wegħda unilaterali li ma tintużax il-forza, l-impenn fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, u l-isforzi favur ir-rikonċiljazzjoni u l-bini ta' fiduċja fost il-komunitajiet mifruda;

4.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja, kif ukoll l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

5.  Jitlob riżultati tanġibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet ċentrali tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, fosthom l-affermazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenn li ma tintużax forza, l-istabbiliment tal-mekkaniżmi ta' siġurtá internazzjonali fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u r-ritorn tal-persuni spostati internament u r-refuġjati, bl-għan li jinkisbu sigurtà u paċi sostenibbli fuq il-post;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) billi jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, kif ukoll billi jiżgura li Reġistru tal-QKI jista' jwettaq il-mandat tiegħu f'termini ta' sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-vittmi;

7.  Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", kif ukoll kwalunkwe inizjattiva oħra mmirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u t-trawwim tal-kuntatt bejn il-persuni u t-tkattir tal-fiduċja bejn il-komunitajiet maqsumin;

8.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Federazzjoni Russa biex taderixxi mal-obbligi internazzjonali tagħha, timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied medjat mill-UE tat-12 ta' Awwissu 2008, u tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju Georgjan;

9.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf l-istallazzjoni ta' ċnut tal-barbed-wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn tul il-linja ta' okkupazzjoni, peressli dan qed ifixkel b'mod intenzjonat il-kuntatt bejn il-persuni u qed jiżola l-popolazzjonijiet taż-żewġ reġjuni okkupati;

10.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv, sabiex ittemm l-impunità u r-reati b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u tneħħi kull ostaklu sabiex jiġi żgurat li l-awturi tal-privazzjoni illegali tal-ħajja tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

11.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv, biex twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħha, ir-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment u ta' residenza tagħha, id-diskriminazzjoni fuq bażi etnika tagħha, u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva fit-territorji okkupati Georgjani;

12.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati lejn darhom, u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għall-organizzazzjonijiet nongovernattivi tad-drittijiet tal-bniedem u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;

13.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tħalli lill-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) taċċessa t-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, skont il-mandat tagħha;

14.  Jikkonferma l-impenn b'saħħtu tal-UE favur it-tisħiħ ulterjuri tar-rwol tagħha fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kariga ta' kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia, u l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jirriflettu, b'mod konġunt mal-awtoritajiet Georgjani, dwar il-prospett ta' tisħiħ ulterjuri tar-rwol tal-UE fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u fil-bini tal-kapaċitajiet u t-trawwim tar-reżiljenza, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, id-difiża ċibernetika u r-riforma tas-settur tas-sigurtà; jitlob li n-negozjati li jmiss dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE għal wara l-2020 ikunu ddedikati għall-Politika Ewropea tal-Viċinat biex jitqiesu debitament il-ħtiġijiet f'dan ir-rigward;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE u lill-Kummissjoni, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukrajna u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza