Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0285/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0285/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa

11.6.2018 - (2018/2741(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Victor Boştinaru, Clare Moody f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0275/2018

Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0285/2018
Testi mressqa :
B8-0285/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0285/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa

(2018/2741(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia u s-sitwazzjoni fil-viċinat tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa li ntlaħaq permezz ta' medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) fil-Georgia li ntbagħtet fil-15 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni[2],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 bit-titlu "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

B.  billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

C.  billi, għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa kontra l-Georgia u l-invażjoni tagħha matul il-gwerra ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha tokkupa illegalment u qed tieħu passi lejn annessjoni de facto tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk qed tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli;

D.  billi għaxar snin wara l-gwerra bejn ir-Russja u l-Georgia, il-Federazzjoni Russa għadha qed tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 li ntlaħaq permezz ta' medjazzjoni tal-UE;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli ssaħħaħ il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia u tintensifika t-tkattir u l-eżerċizzji militari tagħha, u b'hekk qed tiddestabilizza b'mod serju s-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post;

F.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiżola lit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi għalqet l-hekk imsejħa punti ta' qsim u installat ħitan tal-barbed wire u ostakoli artifiċjali oħrajn tul il-linja ta' okkupazzjoni jew "linja ta' demarkazzjoni amministrattiva";

G.  billi din il-linja qed tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni" u, f'xi postijiet, qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħalma huma l-awtostradi u l-pipelines tal-gass;

H.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – b'riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;

I.  billi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għal-libertà ta' moviment u ta' residenza, tal-proprjetà u ta' aċċess għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva, u detenzjonijiet illegali u ħtif ta' persuni, għadu jseħħ fir-reġjuni okkupati tal-Georgia;

J.  billi l-popolazzjoni Georgjana li tirrisjedi fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar għadha soġġetta għal diskriminazzjoni qawwija fuq bażi etnika;

K.  billi l-persuni spostati internament Georgjani Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, inqatlu illegalment b'konsegwenza ta' azzjonijiet brutali mwettqa mir-reġimi Russi ta' okkupazzjoni f'Sokhumi u Tskhinvali;

L.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, għandha responsabilità sħiħa għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja inkwetanti immens fil-post;

M.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-osservaturi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 li ntlaħaq permezz ta' medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

N.  billi r-"Riżoluzzjoni dwar Ksur Kbir tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Federazzjoni Russa fl-Abkażja u r-Reġjun Tskhinvali okkupati" u l-"Otkhozoria-Tatunashvili Act" ġew adottati mill-Parlament tal-Georgia fil-21 ta' Marzu 2018 b'appoġġ miż-żewġ partiti, u b'hekk ingħata mandat għall-adozzjoni ta' "lista Otkhozoria-Tatunashvili" li tipprevedi sanzjonijiet kontra persuni akkużati u kkundannati għal qtil, ħtif, tortura u trattament inuman ta' ċittadini Georgjani, kif ukoll li jipprovdu kenn lil dawk li jwettqu atti bħal dawn fir-reġjuni okkupati;

1.  Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà Ewropew; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabilità tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi Ewropej kollha;

2.  Ikompli jappoġġja bil-qawwa l-prinċipju tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment; jirrikonoxxi li l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għall-paċi fil-kontinent Ewropew;

3.  Jappoġġja l-politika tal-Gvern tal-Georgia li taħdem favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt, inkluż billi tħares il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, il-wegħda unilaterali li ma tintużax il-forza, l-impenn fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, u impenn fi sforzi favur ir-rikonċiljazzjoni u l-bini ta' fiduċja fost il-komunitajiet mifruda;

4.  Jitlob li l-imblokk attwali jiġi żblukkat u li jsir progress lejn il-kisba ta' riżultati tanġibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet ċentrali tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, fosthom l-affermazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenn li ma tintużax forza, l-istabbiliment tal-mekkaniżmi ta' siġurtá internazzjonali fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u r-ritorn tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati, bl-għan li jinkisbu sigurtà u paċi sostenibbli fuq il-post;

5.  Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar" immirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll li il-kuntatti bejn il-persuni u t-tkattir tal-fiduċja fost il-komunitajiet mifruda,filwaqt li jikkundanna inizjattivi li jiffavorixxu l-firda u li jmorru kontra dawn l-għanijiet, bħall-hekk imsejjaħ referendum tal-2017 li japprova bidla fl-isem tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar ;

6.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha u treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-hekk imsejħa indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fit-territorju doganali uniku tar-Russja;

7.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Federazzjoni Russa tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha, timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 li ntlaħaq permezz ta' medjazzjoni tal-UE billi tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju tal-Georgia, u tippermetti l-aċċess tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, f'konformità mal-mandat tagħha;

8.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf l-installazzjoni ta' ħitan tal-barbed wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn tul il-linja ta' okkupazzjoni, billi dan qed ifixkel b'mod intenzjonali l-kuntatt bejn il-persuni u jiżola l-popolazzjonijiet taż-żewġ reġjuni okkupati;

9.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex, bħala l-potenza li teżerċita kontroll effettiv, ittemm l-impunità u r-reati b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u tneħħi kwalunkwe ostakolu għall-iżgurar li l-awturi tal-qtil illegali tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

10.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex, bħala l-potenza li teżerċita kontroll effettiv, twaqqaf il-ksur tagħha tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjoni tagħha tal-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni tagħha fuq bażi etnika u l-ksur tagħha tad-dritt għall-proprjetà u għal edukazzjoni bil-lingwa nattiva fit-territorji okkupati tal-Georgia;

11.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż ta' persuni spostati f'pajjiżhom u rifuġjati lejn darhom, u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għal mekkaniżmi internazzjonali ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jikkonferma l-impenn sod tal-UE li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tagħha għan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-Kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia u l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn, u jappella biex tingħata kunsiderazzjoni għal tisħiħ ulterjuri tar-rwol tal-UE billi tassisti lill-awtoritajiet Georgjani fl-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet kriminali kontra l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati;

13.  Jenfasizza li pożizzjoni konsistenti u soda min-naħa tal-komunità internazzjonali kontra l-politika Russa ta' okkupazzjoni u annessjoni hija l-uniku mezz biex tkun żgurata r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u għall-prevenzjoni ta' kunflitti simili fil-viċinat; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-pressjoni kollettiva fuq ir-Russja biex timplimenta l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 li ntlaħaq permezz ta' medjazzjoni tal-UE, b'mod partikolari rigward l-irtirar tal-forzi ta' okkupazzjoni Russi u r-ritorn tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati;

14.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ konsistenti ma' dak tal-Parlament Ewropew u l-politiki tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri billi jużaw termini aktar ċari u preċiżi huma u jiddefinixxu l-aggressjoni tar-Russja fil-Georgja bħala okkupazzjoni mill-Federazzjoni Russa tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

15.  Jappoġġja bil-qawwa l-għajnuna tal-UE lill-Georgia għall-bini tal-kapaċità u t-trawwim tar-reżiljenza, inkluż fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, iċ-ċiberdifiża u r-riforma tas-settur tas-sigurtà; jitlob li n-negozjati li jmiss dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE għal wara l-2020 ikunu ddedikati għall-Politika Ewropea tal-Viċinat biex jitqiesu debitament il-ħtiġijiet f'dan ir-rigward;

16.  Itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-politiki sovversivi ta' propaganda, diżinformazzjoni u infiltrazzjoni tal-midja soċjali maħsuba biex idgħajfu d-demokrazija u s-soċjetà fil-Georgia billi jiskreditaw l-istituzzjonijiet, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika, ixerrdu narrattivi foloz, ikebbsu t-tensjonijiet soċjali u jrawmu sfiduċja ġenerali fil-midja; jikkundanna, f'dan il-kuntest, il-gwerra tal-informazzjoni li qed twettaq ir-Russja, li qed tuża l-istabbilimenti tal-midja kkontrollati mill-istat tagħha biex deliberatament ixxandar aħbarijiet foloz bil-għan li tinfluwenza l-politika lokali u timmina l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza