Proċedura : 2018/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0315/2018

Testi mressqa :

B8-0315/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0313

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 432kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0315/2018
2.7.2018
PE621.741v01-00
 
B8-0315/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha (2018/2770(RSP))


Agustín Díaz de Mera García Consuegra, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Luis de Grandes Pascual, José Inácio Faria, Verónica Lope Fontagné, Gabriel Mato, David McAllister, Dubravka Šuica, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Fernando Ruas, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Julia Pitera, Ivan Štefanec, Jaromír Štětina, Esteban González Pons f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha (2018/2770(RSP))  
B8-0315/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6) u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sinjura Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) intitolat "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, tal-14 ta' Frar 2018, tal-21 ta' Mejju 2018 u tal-15 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja teħżien fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u tal-bord ta' esperti internazzjonali indipendenti dwar it-twettiq possibbli ta' delitti kontra l-umanità fil-Venezwela tad-29 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tat-12 ta' Frar 2018 intitolat "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (L-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April 2018 u tat-22 ta' Mejju 2018 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017, tat-22 ta' Jannar 2018, tat-28 ta' Mejju 2018 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-missjoni uffiċjali fil-Kolombja f'Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent li qed tikkaġuna għadd dejjem jikber ta' mwiet, migranti u rifuġjati;

B.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu minn malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma; billi, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan sfortunatament jibqa' determinat li jiċħad l-eżistenza tal-problema u li jirrifjuta li b'mod miftuħ jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;

C.  billi s-sitwazzjoni ekonomika marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi li l-iperinflazzjoni fil-Venezwela se tispara sa 13 000 % fl-2018, mil-livell stmat ta' 2 400 % fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;

D.  billi rapport tal-OHCHR ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018 jirrileva li l-awtoritajiet tal-Venezwela naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, maltrattament u tortura; billi l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà suspettati li wettqu qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti wkoll tidher li hija rampanti; billi tali konstatazzjonijiet huma evidenza tal-fatt li s-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż qed tkompli tiħrax;

E.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu jikkonformaw mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi dan iqiegħed restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika; billi l-UE, flimkien ma' korpi demokratiċi oħra, ma tirrikonoxxi la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet stabbiliti b'dan il-proċess illeġittimu;

F.  billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi, skont il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż kiber b'mod drammatiku, minn 437 000 ruħ fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun ruħ fl-2017; billi madwar 945 000 persuna Venezwelana ħallew il-pajjiż bejn l-2015 u l-2017; billi fl-2018 l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż mill-2014 sal-lum qabeż iż-2 miljun ruħ; billi kien hemm żieda ta' 2 000 % fl-għadd ta' ċittadini Venezwelani li talbu l-asil madwar id-dinja mill-2014 sal-lum, u billi sa nofs Ġunju 2018 l-għadd tagħhom kien qabeż il-280 000 ruħ;

G.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA), il-Kolombja qed tospita l-akbar sehem ta' persuni spostati, peress li aktar minn 820 000 persuna Venezwelana qed jgħixu fit-territorju tagħha; billi Cúcuta u Boa Vista, li jinsabu fuq il-fruntiera mal-Venezwela, qed jaraw influss maġġuri ta' nies, li spiss ikunu f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi l-Perù, iċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Panama, il-Brażil, l-Ekwador, il-Messiku, ir-Repubblika Dominicana, il-Costa Rica, l-Urugwaj, il-Bolivja u l-Paragwaj ukoll qed iħabbtu wiċċhom ma' influssi ta' għadd kbir ta' migranti u rifuġjati; billi r-rotot marittimi qed isiru dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari lejn gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire u Trinidad u Tobago; billi pajjiżi Ewropej, b'mod partikolari Spanja, ukoll qed jiġu affettwati dejjem aktar; billi l-pajjiżi ospitanti qed iġarrbu pressjoni dejjem akbar f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' assistenza lil dawk li jkunu għadhom kemm waslu fil-pajjiż;

H.  billi, fis-17 ta' Marzu 2018, l-UE allokat pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 31 miljun lill-Amerka Latina u lill-Karibew, fosthom l-ammont ta' EUR 6 miljun allokat lill-Kolombja u l-ammont ta' EUR 2 miljun addizzjonali allokat lill-persuni milquta mill-kriżi fil-Venezwela; billi, fis-7 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' EUR 30,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u f'assistenza għall-iżvilupp fuq perjodu medju biex tappoġġja lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien milquta minn din il-kriżi; billi, fl-2018, l-ammont ta' EUR 5 miljun ġie allokat, permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), għal attivitajiet tal-prevenzjoni tal-kunflitti fuq il-fruntieri tal-Brażil u l-Kolombja;

1.  Jinsab profondament allarmat u mkexkex bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela, li wasslet għal ħafna mwiet u għal influss bla preċedent ta' rifuġjati u ta' migranti fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li nġiegħlu jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien ferm bażiċi, bħall-aċċess għal ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa, ma jħalluhiex tkompli teħżien u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;

3.  Jesiġi li l-awtoritajiet Venezwelani b'urġenza jħallu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bla xkiel biex jimpedixxu d-deterjorament tal-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika, u b'mod partikolari l-feġġ mill-ġdid ta' mard bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u li jagħtu aċċess mhux ostakolat lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi kollha affettwati tas-soċjetà; jappella biex tiġi implimentata bil-ħeffa miżura fuq perjodu qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda;

4.  Ifaħħar lill-Gvern Kolumbjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li qed jagħti lill-Venezwelani kollha li jidħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Perù, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna u s-solidarjetà li wrew b'mod attiv mal-migranti u r-rifuġjati Venezwelani;

5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tistabbilixxi risposta koordinata, komprensiva u reġjonali għall-kriżi u tintensifika l-għajnuna finanzjarja u materjali tagħha lill-pajjiżi benefiċjarji billi tonora l-impenji tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna umanitarja tal-UE allokata sal-lum u jappella biex sostenn umanitarju addizzjonali jiġi rilaxxat b'urġenza permezz tal-fondi ta' emerġenza, sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet, li qed jikbru b'rata mgħaġġla, tan-nies milquta mill-kriżi Venezwelana fil-pajjiżi ġirien;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu minnufih kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur kontra l-persuni ċivili, u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet Venezwelani jreġġgħu l-ordni demokratiku, billi dan huwa kundizzjoni indispensabbli biex tintemm kriżi li kulma jmur qed tiħrax;

7.  Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda bi qbil ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u mal-ordni kostituzzjonali Venezwelan; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet ikun jeħtieġlu jindirizza b'urġenza l-kriżi ekonomika u soċjali kurrenti fil-Venezwela u jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

8.  Jilqa' l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u revokabbli, li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, imposti għaż-żamma tal-elezzjonijiet illeġittimi tal-20 ta' Mejju 2018, li ma ngħataw l-ebda rikonoxximent internazzjonali u li saru mingħajr qbil la dwar id-data u lanqas dwar il-kundizzjonijiet u f'ċirkustanzi li ma ppermettewx li l-partiti politiċi kollha jieħdu sehem indaqs; ifakkar fil-possibbiltà li sanzjonijiet ġodda jiġu imposti fuq dawk responsabbli għall-intensifikazzjoni tal-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari fuq il-President Nicolás Maduro;

9.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan u jappella biex l-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward; jappoġġja t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u li jiġi approfondit l-involviment tal-QKI;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

 

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0269.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0200.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza