Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0317/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0317/2018

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha

    2.7.2018 - (2018/2770(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Charles Tannock, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki, Geoffrey Van Orden, Pirkko Ruohonen‑Lerner, Jana Žitňanská, Jan Zahradil, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0315/2018

    Proċedura : 2018/2770(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0317/2018
    Testi mressqa :
    B8-0317/2018
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B8‑0317/2018

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha

    (2018/2770(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6] u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[7],

    –  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    –  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

    –  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Marzu 2017,

    –  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titlu "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" tat-22 ta' Ġunju 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, tar-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

    –  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, tal-14 ta' Frar 2018, tal-21 ta' Mejju 2018 u tal-15 ta' Ġunju 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja teħżien fil-Venezwela,

    –  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS u tal-bord ta' esperti internazzjonali indipendenti dwar it-twettiq possibbli ta' delitti kontra l-umanità fil-Venezwela tad-29 ta' Mejju 2018,

    –  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tat-12 ta' Frar 2018 bit-titlu "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela", kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-26 ta' Jannar, tad-19 ta' April u tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

    –  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-13 ta' Novembru 2017, tat-22 ta' Jannar 2018 tat-28 ta' Mejju 2018 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-missjoni uffiċjali għall-Kolombja f'Marzu 2018,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela għadha sejra lura; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent li qed tikkaġuna għadd dejjem jikber ta' mwiet, migranti u refuġjati;

    B.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu minn malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma; billi, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan sfortunatament jibqa' jiċħad l-eżistenza tal-problema u jirrifjuta li b'mod miftuħ jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;

    C.  billi s-sitwazzjoni ekonomika marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi li l-iperinflazzjoni fil-Venezwela se tispara sa 13 000 % fl-2018, mil-livell stmat ta' 2 400 % fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;

    D.  billi Rapport tal-OHCHR ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018 jirrileva li l-awtoritajiet tal-Venezwela naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, maltrattament u tortura; billi l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà suspettati li wettqu qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti wkoll tidher li hija rampanti; billi dawn il-konstatazzjonijiet huma evidenza oħra tas-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż;

    E.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu jikkonformaw mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli u ma rrispettawx il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi dan joħloq diffikultajiet addizzjonali għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika; billi l-UE, flimkien ma' korpi demokratiċi oħra, la tirrikonoxxi l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet stabbiliti b'dan il-proċess illeġittimu;

    F.  billi l-kriżi tal-lum fil-Venezwela, bl-aspetti kotrana kollha tagħha, qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi, skont il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż kiber b'mod drammatiku, minn 437 000 ruħ fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun ruħ fl-2017; billi madwar 945 000 persuna Venezwelana ħallew il-pajjiż bejn l-2015 u l-2017; billi fl-2018 l-għadd totali li telqu mill-pajjiż mill-2014 sal-lum qabeż 2 miljun ruħ; billi kien hemm żieda ta' 2 000 % fl-għadd ta' ċittadini tal-Venezwela li talbu l-asil madwar id-dinja mill-2014 sal-lum, u billi sa nofs Ġunju 2018 l-għadd tagħhom kien qabeż 280 000 ruħ;

    G.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), il-Kolombja qed tospita l-akbar sehem ta' persuni spostati, b'aktar minn 820 000 persuna Venezwelana jgħixu fit-territorju tagħha; billi Cúcuta u Boa Vista, li jinsabu fuq il-fruntiera mal-Venezwela, qed jaraw influss maġġuri ta' nies, li spiss ikunu f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi l-Perù, iċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Panama, il-Brażil, l-Ekwador, il-Messiku, ir-Repubblika Dominicana, il-Costa Rica, l-Urugwaj, il-Bolivja u l-Paragwaj ukoll qed iħabbtu wiċċhom mad-dħul ta' għadd kbir ta' migranti u ta' refuġjati; billi r-rotot marittimi qed isiru dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari lejn gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire u Trinidad u Tobago; billi pajjiżi Ewropej, b'mod partikolari Spanja, ukoll qed jiġu affettwati dejjem aktar; billi l-pajjiżi ospitanti qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet dejjem akbar f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' assistenza lil dawk li jkunu għadhom kemm waslu fil-pajjiż;

    H.  billi, fis-17 ta' Marzu 2018, l-UE allokat pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 31 miljun lill-Amerka Latina u lill-Karibew, b'EUR 6 miljun allokati lill-Kolombja u EUR 2 miljun oħra lill-persuni affettwati mill-kriżi fil-Venezwela; billi, fis-7 ta' Ġunju 2018, l-UE ħabbret pakkett ta' EUR 30,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u ta' assistenza għall-iżvilupp fuq żmien medju biex tappoġġja lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien affettwati mill-kriżi; billi ,fl-2018, EUR 5 miljun ġew allokati permezz tal-Istrument li Jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) għal attivitajiet tal-prevenzjoni tal-kunflitti fuq il-fruntieri tal-Brażil u tal-Kolombja;

    1.  Huwa profondament allarmat u mkexkex bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela, li wasslet għal għadd kbir ta' mwiet u għal influss bla preċedent ta' refuġjati u ta' migranti fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li nġiegħlu jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas tal-aktar kundizzjonijiet tal-għajxien bażiċi, bħall-aċċess għal ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini;

    2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, ma jħalluhiex tkompli teħżien, u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;

    3.  Jesiġi li l-awtoritajiet Venezwelani b'urġenza jħallu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bla xkiel biex iżommu l-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika milli tmur għall-agħar, u b'mod partikolari kontra l-feġġ mill-ġdid ta' mardiet bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u li jagħtu aċċess bla ostakli lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi kollha affettwati tas-soċjetà; jappella biex tiġi implimentata bil-ħeffa miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda;

    4.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Perù, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna u s-solidarjetà li wrew b'mod attiv fil-konfront tal-migranti u tar-refuġjati Venezwelani;

    5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tistabbilixxi risposta koordinata, komprensiva u reġjonali għall-kriżi u tintensifika l-għajnuna finanzjarja u materjali tagħha lill-pajjiżi riċeventi billi twettaq l-impenji tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna umanitarja tal-UE allokata sal-lum, u jappella b'urġenza biex sostenn umanitarju addizzjonali jiġi rilaxxat permezz ta' fondi ta' emerġenza, biex jilqa' għall-ħtiġijiet, li qed jikbru b'rata mgħaġġla, tan-nies milqutin mill-kriżi Venezwelana fil-pajjiżi ġirien;

    6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu minnufih kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur kontra l-persuni ċivili, u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet Venezwelani jreġġgħu l-ordni demokratiku, billi dan huwa kundizzjoni indispensabbli biex tintemm il-kriżi li kulma jmur qed tiħrax;

    7.  Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda bi qbil ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u mal-ordni kostituzzjonali Venezwelan; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet ikun jeħtieġlu jindirizza b'urġenza l-kriżi ekonomika u soċjali kurrenti fil-Venezwela u jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

    8.  Jilqa' l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u revokabbli, li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, imposti għaż-żamma tal-elezzjonijiet illeġittimi tal-20 ta' Mejju 2018, li ma ngħataw l-ebda rikonoxximent internazzjonali u li saru mingħajr qbil la dwar id-data u lanqas dwar il-kundizzjonijiet u f'ċirkustanzi li ma ppermettewx li l-partiti politiċi kollha jieħdu sehem indaqs; ifakkar fil-possibbiltà li sanzjonijiet ġodda jiġu imposti fuq dawk responsabbli għall-intensifikazzjoni tal-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari fuq il-President Nicolas Maduro;

    9.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan, u jitlob li l-UE jkollha rwol attiv f'dan ir-rigward; jappoġġja t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u li l-involviment tal-QKI jiġi approfondit;

    10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018
    Avviż legali - Politika tal-privatezza