Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0319/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0319/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha

2.7.2018 - (2018/2770(RSP))

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Beatriz Becerra Basterrechea, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Charles Goerens, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Ulrike Müller, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0315/2018

Proċedura : 2018/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0319/2018
Testi mressqa :
B8-0319/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0319

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha

(2018/2770(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015, dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6], u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[7],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-QKI,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, matul il-missjoni uffiċjali tiegħu fil-Kolombja f'Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) fit-12 ta' Frar 2018 bit-titolu "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (Istituzzjonijiet Demokratiċi, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Venezwela), u r-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela tal-31 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-"Guidance Note on the outflow of Venezuelans" (Nota ta' Gwida dwar il-ħruġ ta' Venezwelani) tal-UNHCR ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u l-Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April 2018 u tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreżentat fid-29 ta' Mejju 2018 mill-Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtura mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS, li sabu raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li twettqu delitti kontra l-umanità fil-Venezwela, li jmorru lura mill-inqas għat-12 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, l-14 ta' Frar 2018, il-21 ta' Mejju 2018 u l-15 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017, it-22 ta' Jannar 2018, it-28 ta' Mejju  2018 u l-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli sejra lura; billi l-Venezwela qed tiffaċċja kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja mingħajr preċedent u orkestrata mill-Istat li rriżultat f'numru dejjem akbar ta' mwiet, rifuġjati u migranti;

B.  billi l-kriżi multidimensjonali attwali fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt rajna fir-reġjun; billi skont l-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), in-numru totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż żdied b'mod drammatiku, minn 437 000 fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun fl-2017; billi madwar 945 000 Venezwelan telqu mill-pajjiż bejn l-2015 u l-2017; billi fl-2018, in-numru totali ta' nies li telqu mill-pajjiż mill-2014 qabeż iż-żewġ miljuni; billi kien hemm żieda ta' 2 000 % fin-numru ta' ċittadini Venezwelani li qed ifittxu asil madwar id-dinja mill-2014, u dawn laħqu aktar minn 280 000 sa nofs Ġunju 2018;

C.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU, il-Kolombja qed tospita l-akbar ammont ta' persuni spostati, b'aktar minn 820 000 Venezwelan li jgħixu fit-territorju tagħha; billi Cucuta u Boa Vista, li jinsabu fuq il-fruntiera mal-Venezwela, qed jesperjenzaw influss kbir ta' nies, ħafna drabi f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi l-Brażil, iċ-Ċilì, il-Perù, l-Ekwador, l-Arġentina, il-Guyana, il-Messiku, il-Costa Rika u l-Panama qed jiffaċċjaw ukoll influssi ta' numru kbir ta' rifuġjati; billi r-rotot marittimi qed isiru dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari fil-gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire u Trinidad u Tobago; billi l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti qed tiżdied dejjem aktar f'termini ta' għoti ta' assistenza lil min ikun għadu kif jasal fil-pajjiż;

D.  billi skont l-aktar rapport riċenti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-applikazzjonijiet Venezwelani għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE żdiedu b'aktar minn 3 500 % bejn l-2014 u l-2017 (minn 325 għal 11 980), u l-applikazzjonijiet Venezwelani għal asil fl-UE żdiedu minn 150 fi Frar 2016 għal 985 sena wara, li qarbu l-1 400 fi Frar 2018; billi n-numru dejjem jikber ta' applikanti għall-asil mill-Venezwela jikkoinċidi mal-isfidi politiċi u ekonomiċi li jiffaċċja l-pajjiż;

E.  billi numru dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, inklużi tfal, qed ibatu minn malnutrizzjoni minħabba aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini u ikel; billi, b'dispjaċir, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan għadu jwebbes rasu fiċ-ċaħda tiegħu tal-problema u r-rifjut tiegħu li jirċievi u jiffaċilita b'mod miftuħ id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja internazzjonali;

F.  billi s-sitwazzjoni ekonomika marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi żieda esponenzjali fl-iperinflazzjoni fil-Venezwela li se tispara sa 13 000 % fl-2018, mill-istima ta' 2 400 % fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, jiżdiedu bi kważi 1,5 % fis-siegħa;

G.  billi l-livell allarmanti ta' kriminalità u nuqqas ta' sigurtà fil-Venezwela huwa wkoll fost il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

H.  billi fis-17 ta' Marzu 2018, l-UE allokat pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 31 miljun għall-Amerika Latina u l-Karibew, b'EUR 6 miljun għall-Kolombja u EUR 2 miljun oħra għal dawk il-persuni affettwati mill-kriżi politika, tad-drittijiet tal-bniedem u soċjoekonomika fil-Venezwela; billi fis-7 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' EUR 30,1 miljun f'għajnuna għall-iżvilupp u assistenza ta' emerġenza biex tappoġġja lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi tal-viċinat affettwati mill-kriżi; billi fl-2018, ġew allokati EUR 5 miljun permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) għal attivitajiet li jipprevjenu l-kunflitti fuq il-fruntieri tal-Brażil u l-Kolombja;

I.  billi skont ir-rapport tad-29 ta' Mejju 2018 ippreżentat minn Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtura mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS, twettqu seba' delitti kontra l-umanità fil-Venezwela, li jmorru lura tal-inqas għal Frar 2014, u l-gvern innifsu kien responsabbli għall-agħar kriżi umanitarja li qatt kien hemm fir-reġjun; billi dawn id-delitti kontra l-umanità jinkludu qtil, detenzjoni arbitrarja ta' avversarji politiċi, priġunerija, ċaħda tal-libertà, tortura, trattament inuman, pieni, stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali, persekuzzjoni politika, għajbien furzat, kriżi umanitarja orkestrata mill-istat, saħħa u ikel trasformati f'armi għal raġunijiet politiċi u r-rifjut ta' assistenza umanitarja; billi dan l-istess rapport juri l-enormità tal-attakk fuq l-istat tad-dritt mill-gvern;

J.  billi rapport tal-OHCHR tat-22 ta' Ġunju 2018 jenfasizza n-nuqqas tal-awtoritajiet Venezwelani li jżommu responsabbli l-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jinkludu qtil, użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, trattament ħażin u tortura; billi l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà ssuspettati minn qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti tidher ukoll li hija mixrufa; billi dawn is-sejbiet huma evidenza ta' eskalazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż; billi l-Prosekutur tal-QKI ħabbar it-tnedija ta' investigazzjoni preliminari dwar allegati delitti mwettqa fil-Venezwela minn April 2017;

K.  billi mill-2014, meta l-kriżi politika fil-Venezwela marret għall-agħar, 12 341 persuna ġew arrestati għal raġunijiet politiċi u madwar nofshom (7 285) għadhom soġġetti għal restrizzjonijiet u miżuri ta' prekawzjoni li jirrikjedu li jidhru quddiem il-qrati; billi 237 ċittadin u 79 militar għadhom miżmuma l-ħabs fil-pajjiż għal raġunijiet politiċi; billi fis-6 ta' Ġunju 2018, ġew liberati 79 priġunier, iżda 40 minnhom biss jikkorrispondu mat-316-il priġunier politiku elenkat;

L.  billi l-elezzjonijiet li saru fl-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr konformità mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli, u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi dan joħloq restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-isforzi biex tiġi solvuta l-kriżi politika; billi l-UE flimkien ma' korpi demokratiċi oħra, ma tirrikonoxxix l-elezzjonijiet jew l-awtoritajiet stabbiliti permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

M.  billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela kienet tinkludi l-possibbiltà li jiġu estiżi s-sanzjonijiet eżistenti għal dawk l-aktar responsabbli għall-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja akbar, inkluż il-President Nicolás Maduro;

1.  Jinsab ferm maħsud u allarmat bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela li rriżultat f'ħafna mwiet u influss bla preċedent ta' rifuġjati u migranti lejn pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba xewqa ta' kundizzjonijiet ta' għajxien bażiċi ħafna, bħal aċċess għall-ikel, is-servizzi tas-saħħa, il-mediċina u l-ilma tax-xorb;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani sabiex jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, jipprevjenu d-deterjorament ulterjuri tagħha u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sigurtà għaċ-ċittadini kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u r-reġjun;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Venezwelani biex jippermettu għajnuna umanitarja mingħajr xkiel fil-pajjiż bħala kwistjoni ta' urġenza biex jipprevjenu l-aggravament tal-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika, u b'mod partikolari kontra t-tfaċċar mill-ġdid ta' mard bħall-ħosba, il-malarja u d-difterite, u jagħtu aċċess mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi kollha affettwati tas-soċjetà; jitlob li tiġi implimentata malajr miżura fuq perjodu qasir ta' żmien kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma t-tfal;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda fir-rapporti tal-Venezwelani li qed jaħarbu minn pajjiżhom, b'mod partikolari ta' gruppi vulnerabbli, li huma soġġetti għal diskriminazzjoni, esklużjoni soċjali, razziżmu, ksenofobija, xogħol furzat u illegali (inkluż fost l-adolexxenti), traffikar tal-bnedmin, sfruttament sesswali, kuntrabandu ta' migranti u vjolenza abbażi ta' sess, b'mod partikolari fost popolazzjonijiet indiġeni u ta' dixxendenza Afrikana, u minħabba n-numru dejjem jikber ta' minorenni mhux akkumpanjati;

5.  Ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi fir-reġjun li qed jiffaċċjaw influss kbir ta' rifuġjati u migranti li qed jaħarbu mill-Venezwela; ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni immedjata tiegħu u l-appoġġ mogħti lill-Venezwelani kollha li deħlin; ifaħħar ukoll il-ħidma tal-Brażil u pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari l-Perù, u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, entitajiet privati u pubbliċi kif ukoll ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu għall-għajnuna attiva u s-solidarjetà tagħhom fil-konfront tar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani;

6.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, jiġifieri l-UE, l-OAS u l-Grupp ta' Lima, u l-pajjiżi u t-territorji ġirien biex jistabbilixxu rispons ikkoordinat, komprensiv u reġjonali għas-sitwazzjoni fil-Venezwela sabiex tintlaħaq soluzzjoni reġjonali għall-komponenti tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni ta' din il-kriżi;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-UE li żżid l-assistenza umanitarja tagħha għal nies li jaħarbu mill-kriżi umanitarja fil-Venezwela u jitlob aktar appoġġ finanzjarju biex tiġi indirizzata din il-kriżi;

8.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Venezwelani biex iwaqqfu immedjatament kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż kwalunkwe ksur kontra ċ-ċittadini, u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà ta' għaqda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani biex jerġgħu jġibu l-ordni demokratiku, li hija kundizzjoni indispensabbli biex tintemm il-kriżi li qiegħda dejjem tikber;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani biex jiffaċilitaw u jħaffu l-ħruġ u t-tiġdid ta' dokumenti ta' identifikazzjoni liċ-ċittadini tagħhom stess jew fil-Venezwela jew barra mill-pajjiż, sabiex fl-aħħar mill-aħħar jipprevjenu l-illegalità furzata tal-migranti li ma jkollhomx id-dokumentazzjoni xierqa;

10.  Itenni bil-qawwa s-sejħiet preċedenti tiegħu lill-awtoritajiet Venezwelani għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha li fadal u biex jiġu rrispettati l-korpi eletti demokratikament, fosthom l-"Asamblea Nacional" (Assemblea Nazzjonali);

11.  Jitlob li jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda skont l-istandards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment, kompletament konformi mal-kriterji tal-OAS u l-ordni kostituzzjonali tal-Venezwela; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jirriżulta minn dawn l-elezzjonijiet irid jindirizza b'mod urġenti l-kriżi ekonomika u soċjali attwali fil-Venezwela u jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

12.  Jilqa' l-embargo fuq l-armi impost f'Novembru 2017 u l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet mmirati u riversibbli addizzjonali, li ġew imposti bil-kundizzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana u li jistgħu jitneħħew biss jekk il-priġunieri politiċi jiġu meħlusa u jekk il-gvern tal-Venezwela juri progress tanġibbli fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; itenni li dawn is-sanzjonijiet ġew imposti fuq uffiċjali ta' livell għoli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u talli dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela fil-perjodu ta' qabel, waqt u wara l-elezzjonijiet illeġittimi u mhux rikonoxxuti internazzjonalment tal-20 ta' Mejju 2018, li saru mingħajr qbil dwar id-data jew il-kundizzjonijiet, u f'ċirkostanzi li ma ppermettewx il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi kollha fuq bażi ekwa; ifakkar fil-possibbiltà li dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi kontra dawk responsabbli għall-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja akbar, b'mod partikolari l-President Nicolás Maduro, f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu ta' Frar 2018;

13.  Itenni li dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem iridu jinżammu responsabbli; jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar l-atti ta' ripressjoni u d-delitti estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; jappoġġja bis-sħiħ ir-rapport tal-Panel ta' Esperti Indipendenti Internazzjonali maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS u s-sejħa tal-Kummissarju Għoli tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u biex ikun hemm aktar involviment min-naħa tal-QKI; jistieden lill-Istati Membri li huma partijiet għall-Istatut ta' Ruma biex jitolbu t-tnedija ta' investigazzjoni tal-QKI għad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-Gvern Venezwelan; jistieden lill-UE biex ikollha rwol attiv f'dan ir-rigward;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-gvernijiet u l-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, ir-Repubblika tal-Brażil, ir-Repubblika tal-Perù, l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u l-Grupp ta' Lima.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza