Proċedura : 2018/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0320/2018

Testi mressqa :

B8-0320/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0313

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 419kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0315/2018
2.7.2018
PE621.748v01-00
 
B8-0320/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha  (2018/2770(RSP))


Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha  (2018/2770(RSP))  
B8‑0320/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) intitolat "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tat-12 ta' Frar 2018 intitolat "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (L-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April 2018 u tat-22 ta' Mejju 2018 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-13 ta' Novembru 2017, tat-22 ta' Jannar 2018, tat-28 ta' Mejju 2018 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-missjoni uffiċjali fil-Kolombja tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, f'Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi aktar minn 2 miljun persuna telqu mill-Venezwela f'dawn l-aħħar snin;

B.  billi, skont il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż kiber b'mod drammatiku, u żdied minn 437 000 ruħ fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun ruħ fl-2017; billi, barra minn hekk, ix-xejra turi li l-għadd ta' persuni li jaħarbu mill-pajjiż mistenni jiżdied b'mod drammatiku fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin;

C.  billi dan l-eżodu qed iseħħ minħabba kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent fil-Venezwela, fejn il-gvern ma jistax jiggarantixxi t-tgawdija tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem – bħalma huma l-aċċess għall-ikel, għall-mediċina, għall-kura tas-saħħa jew għal impjieg diċenti – liċ-ċittadini tiegħu; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela qed tkompli sejra għall-agħar;

D.  billi, għal din ir-raġuni, għadd dejjem akbar ta' persuni fil-Venezwela, fosthom tfal, qed ibatu minn malnutrizzjoni minħabba aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini u ikel;

E.  billi, sfortunatament, il-Gvern tal-Venezwela qed jibqa' jwebbes rasu u jinnega li hemm problema, jevita u jipprojbixxi kwalunkwe referenza għal "kriżi umanitarja", u jirrifjuta li jirċievi kwalunkwe tip ta' għajnuna umanitarja internazzjonali, minkejja l-volontà tal-komunità internazzjonali li tgħin;

F.  billi, skont rapport tal-OHCHR ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018, l-awtoritajiet tal-Venezwela naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, arresti arbitrarji, maltrattament u tortura; billi jidher ukoll li l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà suspettati li wettqu qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti hija rampanti; billi dawn il-konstatazzjonijiet huma evidenza oħra tas-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż;

G.  billi l-kriżi li hemm illum fil-Venezwela, bl-aspetti kotrana kollha tagħha, qed tiġġenera wieħed mill-akbar spostamenti tal-popolazzjoni li qatt seħħew fir-reġjun;

H.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), il-Kolombja qed tilqa' l-akbar sehem ta' persuni spostati, u aktar minn 820 000 persuna Venezwelana qed jgħixu fit-territorju tagħha;

I.  billi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali Kolombjani huma ta' min ifaħħarhom talli qed jaħdmu biex jiggarantixxu d-drittijiet bażiċi tal-bniedem – bħad-dritt għall-edukazzjoni primarja u għal servizzi tas-saħħa bażiċi – lil dawk li qed jaħarbu mill-Venezwela, irrispettivament mill-istatus tagħhom; billi l-istess awtoritajiet qed jagħmlu wkoll l-almu tagħhom biex jitfgħu dawl fuq ix-xogħol tal-migranti irregolari u jaħdmu għall-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol Kolombjana, filwaqt li jagħtu permessi speċjali lil dawk li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera u li jkunu lesti jaqsmu l-fruntiera bejn il-Venezwela u l-Kolombja għal raġunijiet ta' xogħol;

J.  billi, fil-Kolombja, il-komunitajiet lokali, l-istituzzjonijiet reliġjużi u persuni ordinarji qed jilqgħu lill-migranti Venezwelani fi spirtu ta' fraternità, u qed juru reżiljenza u solidarjetà kbar; billi, madankollu, dawn il-komunitajiet qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjoni enormi u sfidi dejjem akbar minħabba l-għadd enormi ta' persuni fil-bżonn li qed jaħarbu minn pajjiżhom;

K.  billi Cúcuta, li tinsab fil-fruntiera mal-Venezwela, qed tara influss kbir ta' nies, li sikwit ikunu f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi din il-kriżi umanitarja qed taffettwa wkoll, f'livelli differenti, ir-reġjuni l-oħrajn kollha tal-Kolombja, u anki l-belt kapitali tagħha;

L.  billi l-Kolombja, filwaqt li qed tagħmel progress lejn sitwazzjoni aktar stabbli u paċifika, għandha l-problemi tagħha, fost l-oħrajn minħabba l-preżenza ta' gruppi armati, traffikar illeċitu, estrazzjoni illegali u kuntrabandu; billi dawn l-isfidi jaffettwaw l-aktar ir-reġjuni tal-fruntiera; billi hemm riskju li l-kriżi umanitarja li qed tolqot lill-migranti Venezwelani żżid dawn il-problemi u tiggrava d-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn ir-reġjuni;

M.  billi l-Brażil, iċ-Ċilì, il-Peru, l-Ekwador, l-Arġentina u l-Panama wkoll qed jiffaċċjaw numru kbir ta' rifuġjati; billi l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti qed tiżdied dejjem aktar f'termini ta' għoti ta' assistenza lil min ikun għadu jasal fil-pajjiż;

N.  billi, fis-17 ta' Marzu 2018, l-UE allokat pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 31 miljun lill-Amerka Latina u l-Karibew, fosthom EUR 6 miljun lill-Kolombja u EUR 2 miljun oħra lill-persuni milquta mill-kriżi fil-Venezwela; billi, fis-7 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' EUR 35,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u f'assistenza għall-iżvilupp biex jingħata appoġġ lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien milquta minn din il-kriżi; billi, fl-2018, permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), ġew allokati EUR 5 miljun għal attivitajiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti fil-fruntieri tal-Brażil u l-Kolombja;

1.  Jinsab profondament allarmat u mkexkex bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela, li wasslet għal imwiet u influss bla preċedent ta' nies fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom fin-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien bażiċi ħafna, bħall-aċċess għall-ikel, għall-ilma tax-xorb, għas-servizzi tas-saħħa u għall-mediċini;

2.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan, lill-awtoritajiet lokali, lis-soċjetà ċivili, lill-awtoritajiet reliġjużi u lill-Kolombjani kollha għar-reazzjoni immedjata tagħhom u għas-solidarjetà li wrew, u għall-għajnuna u l-appoġġ reżiljenti li taw lill-Venezwelani kollha li waslu fosthom; ifaħħar il-ħidma tal-gvernijiet ta' pajjiżi ġirien oħrajn u tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 31 miljun għall-Amerka Latina u l-Karibew, fosthom is-EUR 6 miljun għall-Kolombja u ż-EUR 2 miljun oħra għal dawk milquta mill-kriżi fil-Venezwela, kif ukoll il-EUR 5 miljun allokati fl-2018 permezz tal-IcSP għal attivitajiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti fil-fruntieri tal-Brażil u l-Kolombja; jilqa', barra minn hekk, il-pakkett ta' EUR 35,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u f'assistenza għall-iżvilupp li ħabbret il-Kummissjoni biex jingħata appoġġ lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien milquta minn din il-kriżi;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-pajjiżi ġirien jissorveljaw is-sitwazzjoni kontinwament sabiex tiġi evitata kwalunkwe tensjoni bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-Venezwelani li qed jaħarbu lejn it-territorji tagħhom; jitlob, b'mod partikolari, monitoraġġ attiv tas-sitwazzjoni sabiex jiġi evitat li tiggrava l-ksenofobija;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd konsiderevoli ta' tfal mhux akkumpanjati li qed jaqsmu l-fruntieri, iżda jfaħħar l-isforzi tal-awtoritajiet Kolombjani, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-komunitajiet reliġjużi biex jagħtuhom ikel u kura tas-saħħa u jintegrawhom fis-sistema edukattiva; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;

6.  Jinsab allarmat għaż-żieda qawwija fl-iskjavitù u l-prostituzzjoni furzata f'xi reġjuni tal-fruntiera, u jistieden lill-awtoritajiet Kolombjani jimplimentaw miżuri b'kontinwità biex jitwaqqfu dawn il-prattiki u biex il-migranti Venezwelani jingħataw garanzija ta' impjiegi diċenti u integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-pajjiżi ġirien jimplimentaw miżuri speċjali fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-popli indiġeni binazzjonali li jgħixu fil-fruntieri;

8.  Jiddeplora d-deterjorament tal-kriżi umanitarja fil-Venezwela, il-fatt li reġa' tfaċċa mard bħall-ħosba, il-malarja u d-difterite, in-nuqqas ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem għall-poplu Venezwelan, bħalma huma d-dritt għall-ikel, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-mediċini u s-servizzi tas-saħħa bażiċi, u n-nuqqas ta' xogħol diċenti;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, ma jħalluhiex tkompli teħżien, u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;

10.  Jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Venezwela jieħdu azzjoni immedjata biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Venezwelan, b'mod partikolari d-dritt għall-ikel, għas-saħħa u għal kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jippermettu b'urġenza, u bla xkiel, id-dħul ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiż u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà kollha milquta, sabiex jiġi evitat li tiggrava l-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika; jitlob li tiġi implimentata malajr risposta immedjata kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma t-tfal;

12.  Ifakkar li kwalunkwe sanzjoni adottata mill-komunità internazzjonali għandha tkun immirata, riversibbli u ma tagħmel l-ebda ħsara lill-popolazzjoni tal-Venezwela;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza