Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0355/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0355/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar sistemi ta' armi awtonomi

5.9.2018 - (2018/2752(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Norica Nicolai, Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Jozo Radoš, Marietje Schaake
f'isem il-Grupp ALDE
<<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0308/2018

Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0355/2018
Testi mressqa :
B8-0355/2018
Testi adottati :

B8-0355/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar sistemi ta' armi awtonomi

(2018/2752(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti, rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tiegħu li jagħmlu sejħa għall-projbizzjoni tas-sistemi ta' armi awtonomi, bħall-mandat biex jinbdew negozjati adottat fil-plenarja fit-13 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[1], ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar drones armati[3],

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' April 2013 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns (UN A/HRC/23/47),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali (LAWS) għall-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet fil-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali f'Ġinevra, tat-13 sas-17 ta' Novembru 2017 u tad-9 sat-13 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 li ssejjaħ għal approċċ "bniedem fil-kmand" għall-intelliġenza artifiċjali u projbizzjoni tal-armi awtonomi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 3000.09 tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, tal-21 ta' Novembru 2012, dwar l-Awtonomija fis-Sistemi tal-Armi,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa ta' Lulju 2015 iffirmata minn aktar minn 3 000 riċerkatur fl-Intelliġenza Artifiċjali u r-robotika, u dik tal-21 ta' Awwissu 2017 iffirmata minn 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għadd mhux magħruf ta' pajjiżi, industriji b'finanzjament pubbliku u industriji privati allegatament qed jirriċerkaw u jiżviluppaw sistemi ta' armi letali b'kapaċitajiet awtonomi, li jinkludi missili b'kapaċità ta' mmirar selettiv sa magni tat-tagħlim b'ħiliet konjittivi biex jiddeċiedu lil min, meta u fejn jiġġieldu;

B.  billi s-sistemi ta' armi letali awtonomi għandhom il-potenzjal li jibdlu fundamentalment il-gwerer billi joħolqu tellieqa tal-armi mingħajr preċedent u mingħajr kontroll;

C.  billi l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali jqajjem mistoqsijiet etiċi u legali fundamentali dwar il-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward deċiżjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-objettivi u l-attakk fuqhom;

D.  billi l-użu ta' sistemi awtonomi ta' armi letali jqajjem mistoqsijiet ċentrali dwar l-applikabbiltà tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tal-liġi umanitarja internazzjonali u tan-normi u tal-valuri Ewropej fir-rigward ta' azzjonijiet militari futuri;

E.  billi skont xi esperti, sistemi ta' armi awtomatizzati mfassla tajjeb użati taħt il-kontroll effettiv tal-bniedem jistgħu jtejbu l-aderenza mal-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali;

F.  billi f'Awwissu 2017, 116-il fundatur ta' kumpaniji internazzjonali ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali bagħtu ittra miftuħa lin-NU, li fiha talbu li l-gvernijiet "jipprevjenu t-tellieqa tal-armi f'dawn l-armamenti" u "jevitaw l-effetti destabilizzanti ta' dawn it-teknoloġiji";

G.  billi l-aktar avvanzi sinifikanti f'intelliġenza artifiċjali u l-magni awtonomi qed isiru minn ditti privati b'għanijiet kummerċjali; billi anke jekk jintlaħaq qbil dwar il-projbizzjoni ta' sistemi ta' armi letali awtonomi, it-teknoloġija li tippermetti l-armi awtonomi se tkun pervażiva u trasferibbli faċilment;

H.  billi l-awtonomija u l-intelliġenza artifiċjali huma dimensjonijiet teknoloġi separati iżda komplementari;

I.  billi kwalunkwe sistema ta' armi awtonomi tista' taħdem ħażin minħabba kodiċi miktub ħażin jew attakk ċibernetiku mwettaq minn stat għadu jew attur mhux tal-istat;

1.  Jenfasizza l-imperattiva li tiġi stabbilita politika komuni tal-UE għall-prevenzjoni tal-emerġenza u l-proliferazzjoni potenzjali sussegwenti ta' kwalunkwe sistema ta' armi letali awtonomi;

2.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem jikber ta' sistemi ta' armi awtonomi minn atturi mhux tal-istat, bħall-grupp magħruf bħala l-Istat Iżlamiku, bl-użu ta' taħlita ta' tagħmir disponibbli kummerċjalment; iħossu beżgħan dwar l-użu mhux kontrollat ta' teknoloġija artifiċjalment intelliġenti;

3.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew biex jiżviluppaw u jadottaw, b'urġenza u qabel il-laqgħa ta' Novembru 2018 tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman fuq il-funzjonjiet kritiċi waqt l-użu, u biex jitkellmu fil-fora rilevanti b'leħen wieħed u jaġixxu skont dan; jistieden f'dan il-kuntest, lill-VP / RGħ, l-Istati Membri u l-Kunsill biex jikkondividu l-aħjar prattiki u jisiltu l-input mingħand l-esperti, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili;

4.  Iħeġġeġ lill-VP / RGħ, l-Istati Membri u l-Kunsil biex jaħdmu biex jiġi stabbilit kapitolu ġdid fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, bl-għan ta' projbizzjoni interazzjonali fuq is-sistemi ta' armi awtonomi li huma kapaċi jiddevjaw mill-modi li bihom il-bnedmin ipprogrammaw il-funzjoni kritika tas-selezzjoni u l-involviment tal-miri; jenfasizza, barra mnn hekk, l-importanza fundamentali li tiġi prevenuta r-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' kwalunkwe sistema ta' armi letali awtonomi li ma jkollhiex kontroll uman fuq funzjonijiet kritiċi bħas-selezzjoni u l-involviment tal-miri;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu responsabilità għat-twettiq l-obbligi legali u etiċi internazzjonali eżistenti fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija tal-armi;

6.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta Marzu 2018 rigward ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Industrijali Ewropew tad-Difiża, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tal-Artikolu 6 (azzjonijiet eliġibbli), u jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta pożizzjoni simili fil-kuntest tal-programm ta' riċerka tad-difiża li ġej, il-programm ta' żvilupp fl-industrija tad-difiża u karatteristiċi rilevanti oħra tal-Fond Ewropew għad-Difiża ta' wara l-2020;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza