MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien f'Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika fil-Greċja u r-reazzjoni tal-UE
11.9.2018 - (2018/2847(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Notis Marias, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
B8‑0388/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien f'Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika fil-Greċja u r-reazzjoni tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati, fir-reġjun tal-Attika fil-Greċja, kienu l-agħar diżastru ta' ħruq li qatt rat il-Greċja f'aktar minn għaxar snin;
B. billi n-nirien qerdu l-Mati, raħal turistiku żgħir madwar 30 kilometru 'l barra minn Ateni;
C. billi 98 persuna ġew ikkonfermati mejta, u aktar minn 200 persuna sfaw midruba;
D. billi l-persunal tas-salvataġġ irkupraw aktar minn 700 superstitu li spiċċaw fil-baħar biex jaħarbu n-nirien;
E. billi b'kollox, aktar minn 4 000 resident ġew affettwati minn dawn in-nirien fil-foresti;
F. billi l-Greċja skjerat il-flotta kollha ta' inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar tagħha, aktar minn 250 vettura għat-tifi tan-nar u aktar minn 600 pumpier bħala reazzjoni għad-diżastru;
G. billi l-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, iddikjara stat ta' emerġenza f'Attika;
H. billi l-Gven Grieg, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, appella għal għajnuna minn Stati Membri oħrajn biex jiġu miġġielda n-nirien u ħalli tiġi trattata l-emerġenza umanitarja;
1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom f'dan id-diżastru;
2. Jesprimi s-simpatija tiegħu lil dawk ir-residenti li ġew affettwati minn dawn in-nirien fil-foresti;
3. Jissottolinja r-rwol tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex jiġu immobbilizzati l-ajruplani, il-vetturi, il-persunal mediku u l-pumpiera minn madwar l-UE-28;
4. Jesprimi l-gratitudni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, partikolarment lil Ċipru, lil Spanja u l-Bulgarija, għall-offerti ta' assistenza immedjata tagħhom permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;
5. Jilqa' r-rwol ta' assistenza pprovdut grazzi għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex in-nirien fil-foresti jinġiebu taħt kontroll;
6. Ifakkar li l-istrateġiji konvenzjonali ta' ġestjoni tan-nirien iffokati fuq it-tifi tan-nirien u ta' ġestjoni tal-foresti applikati s'issa m'għadhomx jindirizzaw b'effikaċja l-fenomenu tal-meganirien;
7. Ifakkar li wara n-nirien, jistgħu jintużaw diversi fondi tal-UE, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, għall-bini mill-ġdid tal-infrastruttura essenzjali u għal operazzjonijiet ta' tindif.
8. Jenfasizza li kull sena, nirien fil-foresti jeqirdu eluf ta' ettari ta' foresti fl-Ewropa, li jaffettwaw il-popolazzjoni ta' dawk il-pajjiżi bl-ogħla riskju ta' nirien fil-foresti, bħall-Greċja, il-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, u l-Kroazja;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tħejji komunikazzjoni dwar kif għandu jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' nirien fil-foresti filwaqt li fl-istess ħin tiġi immassimizzata l-ġestjoni tal-foresti u tal-pajsaġġ ibbażata fuq l-ekosistemi, u l-forniment ta' servizzi ta' ekosistema, sabiex jinħolqu u jiġu mmaniġjati pajsaġġi aktar reżistenti u reżiljenti;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri jipprevjenu u jiġġieldu n-nirien, jirrestawraw żoni milquta u jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riskji;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.