MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE
11.9.2018 - (2018/2847(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Matthijs van Miltenburg
f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
B8-0390/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali[1],
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar mekkaniżmi ta' rispons għan-nirien fil-foresti fit-Tramuntana ta' Spanja u fil-Portugall (2017/2899(RSP)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tibdil fil-klima qiegħed jikkawża u jintensifika avvenimenti estremi tat-temp u d-diżastri naturali (bħall-għargħar, nixfa estrema u nirien), li qegħdin iseħħu b'mod ħafna aktar frekwenti madwar id-dinja, u qegħdin jikkawżaw danni gravi f'termini ta' mwiet ta' persuni, deterjorament ambjentali u tnaqqis tal-attività ambjentali;
B. billi sitwazzjonijiet ta' nixfa estrema u nirien fil-foresti saru aktar frekwenti u ta' intensità akbar madwar l-Ewropa kollha, u billi dawn is-sitwazzjonijiet, filwaqt li huma aggravati mit-tibdil fil-klima, sa ċertu punt huma kemm imprevedibbli kif ukoll inevitabbli;
C. billi l-Greċja mhijiex l-uniku Stat Membru li talab għall-appoġġ tal-UE minħabba n-nirien fil-foresti, iżda anke l-Latvja u l-Iżvezja għamlu l-istess talba;
D. billi r-Regolament dwar il-Fond ta' Solidarjetà (KE) Nru 2012/2002[2] huwa mfassal speċifikament biex jipprovdi għajnuna lill-Istati Membri li jkunu esperjenzaw diżastri fuq skala kbira;
E. billi l-għajnuna lill-Greċja permezz ta' ajruplani, vetturi, persunal mediku u ħaddiema tat-tifi tan-nar ingħatat mill-Istati Membri l-oħra fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;
F. billi s-Sistema tas-Satellita Copernicus tal-UE pprovdiet mapep speċjalizzati ferm lill-awtoritajiet Griegi;
1. Jiddeplora l-fatt li minkejja l-isforzi enormi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, 98 persuna tilfet ħajjitha f'Attica, il-Ġreċja, fis-sajf tal-2018, fit-tieni każ ta' nirien fil-foresti li l-aktar li kkawża fatalitajiet fl-Ewropa;
2. Jinnota s-sett ta' mekkaniżmi u għodda eżistenti tal-UE biex jgħinu jiġġieldu kontra d-diżastri naturali, bħan-nirien fil-foresti, jew jirrisolvuhom, bħal pereżempju l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Fond ta' Solidarjetà u l-Programm ta' Emerġenza għar-Ristabbiliment tal-Foresti (Emergency Forest Restoration Programme - EFRP);
3. Jilqa' r-Regolament emendat dwar il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili, rescEU, li ġie adottat fil-31 ta' Mejju 2018;
4. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar finanzjament għar-riċerka xjentifika fil-mekkaniżmi tal-valutazzjoni tar-riskju, fis-sistemi ta' prevenzjoni u f'mezzi oħra li jiġġieldu kontra dawn il-fenomeni;
5. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.