MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE
11.9.2018 - (2018/2847(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nikos Androulakis f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
B8‑0392/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili[1],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2017)0772),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2018 dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-nirien f'Mati fir-reġjun ta' Attika fil-Greċja rriżulta fil-mewt ta' 98 persuna u ħalla għexieren ta' persuni feruti;
B. billi l-Greċja setgħet ibbenefikat minn tħejjija tal-protezzjoni ċivili aktar b'saħħitha f'termini ta' pjanijiet u ordnijiet ta' evakwazzjoni;
C. billi t-tibdil fil-klima, fost kawżi oħra, mistenni li jwassal għal żieda fl-għadd ta' nirien u diżastri naturali oħra fl-Ewropa;
D. billi fl-2017 il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat 17-il darba għal emerġenzi ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa;
E. billi l-Greċja, l-Iżvezja u l-Latvja lkoll talbu appoġġ mill-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fis-sajf tal-2018 minħabba nirien;
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u solidarjetà qawwija mal-qraba ta' dawk li mietu fin-nirien tal-Greċja, kif ukoll ma' dawk milquta;
2. Jirrikonoxxi l-ħidma siewja u l-isforzi ta' salvataġġ tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar Griegi, tal-voluntiera u ta' dawk kollha li taw sehemhom;
3. Jilqa' s-solidarjetà li wrew Ċipru, Spanja u l-Bulgarija permezz tal-għajnuna li huma offrew fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, inkluż fil-forma ta' inġenji tal-ajru, professjonisti mediċi u ħaddiema tat-tifi tan-nar, espressjoni attiva ta' solidarjetà Ewropea;
4. Jenfasizza l-ħtieġa għal ftehim ambizzjuż dwar ir-reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-ħolqien ta' rescEU, biex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha l-kapaċitajiet neċessarji kollha biex tirrispondi għal diżastri differenti;
5. Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju komprensivi, valutazzjonijiet tal-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskju u tal-ippjanar tal-ġestjoni tad-diżastri tagħhom, biex jiżguraw li jirrispondu b'mod effettiv għad-diżastri;
6. Itenni l-importanza tal-appoġġ tal-UE għall-prevenzjoni tan-nar fl-ambitu tal-Fond ta' Koeżjoni, u jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ dan il-finanzjament;
7. Jappella għall-mobilizzazzjoni rapida tal-finanzjament tal-UE biex jiġu megħjuna l-vittmi u biex tissewwa l-ħsara kemm fl-infrastruttura pubblika kif ukoll fil-proprjetà privata fiż-żoni milquta, pereżempju mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE;
8. Ifakkar ukoll fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-prevenzjoni tal-għargħar fiż-żoni milquta min-nirien fil-foresti kemm fil-Lvant u fil-Punent ta' Attica, sabiex jiġi evitat xi diżastru ieħor matul ix-xitwa;
9. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq il-proposta pendenti dwar il-qafas finanzjarju ta' wara l-2020 għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.