Proċedura : 2018/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0400/2018

Testi mressqa :

B8-0400/2018

Dibattiti :

PV 03/10/2018 - 21
CRE 03/10/2018 - 21

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2018)0384

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 48k
26.9.2018
PE624.117v01-00
 
B8-0400/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE (2018/2747(RSP))


Ingeborg Gräßle f'isem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE (2018/2747(RSP))  
B8-0400/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-sbatax-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi dwar is-sena 2016,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(2), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1094 tal-1 ta' Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1103 tas-7 ta' Awwissu 2018 li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(5), kif ukoll l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni relatati,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Marzu 2016 intitolat "L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-proċedura doganali 42, li tipprevedi eżenzjoni mill-VAT għall-merkanzija importata fi Stat Membru wieħed meta sussegwentement tintbagħat fi Stat Membru ieħor,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-5 ta' Diċembru 2017 intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-riżorsi proprji tradizzjonali, li jinkludu primarjament id-dazji fuq l-importazzjonijiet minn barra mill-UE u l-imposti fuq iz-zokkor, jammontaw għal madwar 12,8 % tar-riżorsi proprji tal-UE;

B.  billi fil-bidu tal-2017 l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) ikkonkluda investigazzjoni dwar każ ta' frodi doganali fir-Renju Unit, li l-konklużjonijiet ewlenin tagħha jidhru fir-rapport ta' attività tal-OLAF għall-2017;

C.  billi l-OLAF ikkalkula telf għar-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE li jammonta għal EUR 1,987 biljun f'termini ta' dazji doganali mitlufa li kienu dovuti fuq tessuti u żraben li ġew importati miċ-Ċina u li għaddew mir-Renju Unit matul il-perjodu 2013-2016;

D.  billi, apparagun, fl-2016 l-OLAF irrakkomanda l-irkupru finanzjarju ta' ammont totali ta' EUR 631,1 miljun bħala riżultat ta' 272 investigazzjoni li wettaq;

E.  billi l-frodi inkwistjoni tinvolvi sottovalutazzjoni, b'tali mod li l-importaturi jkunu jistgħu jiġġeneraw qligħ mill-evażjoni tad-dazji doganali u t-taxxi relatati u jħallsu ferm anqas milli jkun dovut legalment;

F.  billi l-investigazzjoni żvelat ukoll l-eżistenza ta' evażjoni sostanzjali tal-VAT marbuta mal-importazzjonijiet li jgħaddu mir-Renju Unit, billi sar abbuż mis-sospensjoni tal-pagament tal-VAT, l-hekk imsejħa proċedura doganali 42; billi huwa stmat li dan it-telf akkumulat jilħaq bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' EUR 3,2 biljun għall-perjodu 2013-2016 u dan jirrappreżenta wkoll telf għall-baġit tal-UE;

G.  billi l-OLAF ħareġ rakkomandazzjoni finanzjarja lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Baġit, rakkomandazzjoni amministrattiva lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali u rakkomandazzjoni ġudizzjarja lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna tar-Renju Unit biex jinbdew proċedimenti ġudizzjarji kontra dawk involuti fl-evażjoni frodulenti tad-dazji doganali u kontra dawk involuti intenzjonalment fil-ħasil tar-rikavat minn dan ir-reat;

H.  billi l-OLAF bħalissa qed jinvestiga każ ġdid ta' sottovalutazzjoni doganali li jinvolvi l-port ta' Piraeus fil-Greċja, liema każ jirrappreżenta telf serju għar-riżorsi tal-UE u huwa stmat li sewa lill-Italja għexieren ta' miljuni ta' euro f'VAT mhux imħallsa, għalkemm jista' jkun li l-ammont totali huwa ferm ogħla peress li l-investigazzjoni għadha għaddejja;

I.  billi l-każijiet tar-Renju Unit u tal-Greċja mhumiex affattu każijiet iżolati u għandhom jaġixxu bħala xprun biex tittieħed azzjoni;

J.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrimarkat li ma teżisti l-ebda applikazzjoni armonizzata u standardizzata tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri u li dan jista' jinċentiva lill-frodaturi biex jagħżlu l-idgħjef ħolqa fil-katina ħalli jwettqu l-importazzjonijiet frodulenti tagħhom;

1.  Jilqa' l-proċedura ta' ksur mibdija mill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2018 bħala segwitu għall-każ ta' frodi doganali tar-Renju Unit;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra r-riżorsi proprji mhux miġbura tal-UE u b'hekk tipprovdi dħul għall-baġit tal-UE;

3.  Jistieden lid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jieħu azzjoni sabiex fil-ġejjieni jiġi evitat l-abbuż tal-proċedura doganali 42;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u tirrapporta lura konsegwentement, u jiddispjaċih għall-fatt li l-irkupru tal-fondi jista' jieħu sa 10 snin;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2016, u tiċċara kwalunkwe dispożizzjoni li tista' twassal għal konfużjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli komuni mill-awtoritajiet doganali tkun organizzata b'tali mod li l-frodi, inkluża l-frodi karusell, tkun effettivament ipprojbita u li l-kontrolli jkunu msaħħa fil-portijiet, fl-ajruporti u fil-fruntieri fuq l-art kif ukoll fuq l-internet;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għat-tlestija u għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta' informazzjoni doganali tal-UE;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija xierqa u tipproduċi stimi perjodiċi tan-nuqqas ta' dħul doganali mill-2019 'il quddiem u tirrapporta lura lill-Parlament kull sitt xhur f'dan ir-rigward;

8.  Jistieden lill-Kunsill jilħaq malajr ftehim mal-Parlament dwar qafas legali tal-Unjoni għal ksur u sanzjonijiet doganali, sabiex ikunu possibbli sanzjonijiet amministrattivi armonizzati u l-applikazzjoni tal-istess kriterji meta jkun qed jiġi eżaminat il-ksur; ifakkar li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Ottubru 2016; jistieden lill-Kummissjoni taġevola dan il-ftehim;

9.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Istati Membri tal-UE ma qablux kollha li jkunu parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonkludu malajr kemm jista' jkun id-diskussjonijiet tagħhom dwar l-isforzi favur l-implimentazzjoni ta' sistema definittiva tal-VAT, li għandha l-għan li tarmonizza l-mod kif il-VAT tinġabar u titħallas madwar l-UE sabiex, fost affarijiet oħrajn, tiġi evitata l-frodi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-regolamenti dwar il-VAT fl-Istati Membri kollha bil-għan li jiġi żgurat dan is-sors ta' riżorsi proprji tal-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tittrasferixxi r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet doganali mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar ta' trattament armonizzat fil-punti ta' dħul kollha fl-UE, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-attivitajiet tal-amministrazzjonijiet doganali, kif ukoll il-ġbir u l-ipproċessar tad-data doganali;

13.  Japprova l-għanijiet tar-Regolament Nru 1294/2013(7) (ir-Regolament "Dwana 2020") li jikkonsistu mill-għoti ta' appoġġ lill-awtoritajiet doganali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluża l-ġlieda kontra l-frodi; jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bis-saħħa tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.

(2)

ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(3)

ĠU L 196, 2.8.2018, p. 1.

(4)

ĠU L 201, 8.8.2018, p. 2.

(5)

ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(6)

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 209.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza