Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0449/2018

Testi mressqa :

B8-0449/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 448kWORD 57k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.127v01-00
 
B8-0449/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))  
B8-0449/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, inklużi r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1), tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(2), tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(3) u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018, tat-3 ta' April 2017, tas-16 ta' Novembru 2015 u tal-20 ta' April 2015 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Awwissu 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Christos Stylianides dwar l-attakki mill-ajru f'Hodeidah,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-10 ta' Awwissu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen tas-6 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Awwissu 2018 tal-President tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen (GEE), Kamel Jendoubi, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tiġdid tal-mandat tal-GEE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji tal-Ikel tad-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi organizzat min-NU, l-Iżvezja u l-Iżvizzera fit-3 ta' April 2018, li matulu nġabru USD 2 biljun, għalkemm għad iridu jinġabru kważi USD 1 biljun oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt li għaddej fil-Jemen daħal fir-raba' sena tiegħu u l-pajjiż qed jiffaċċja l-agħar kriżi umanitarja, politika u tas-sigurtà fl-istorja moderna tiegħu; billi l-kunflitt armat daħal f'fażi ta' frammentazzjoni aktar profonda, li minħabba fiha l-pajjiż jista' jispiċċa fi stat ta' gwerra li ma tispiċċa qatt; billi l-frammentazzjoni kurrenti tal-kunflitt hija sinjal ċar tat-tgħawwir tal-unità tal-istat; billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġib magħha wkoll riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun;

B.  billi l-aċċess limitat għaż-żoni milquta u r-restrizzjonijiet fuq il-ġbir tad-data jagħmluha diffiċli biex tiġi identifikata f'ħin reali ż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji; billi l-ispazju umanitarju qed ikompli jonqos, l-għadd ta' vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali qed jiżdied traġikament u l-impatt tal-kunflitt fuq iċ-ċivili qed jintensifika, ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet kummerċjali u l-impatt tal-kriżi ekonomika marru għall-agħar, u s-servizzi pubbliċi fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom fi stat ta' kollass;

C.  billi fid-9 ta' Awwissu 2018, attakk mill-ajru mwettaq mill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin laqat xarabank tal-iskola f'suq fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Saada, u qatel bosta għexieren ta' nies, fosthom mill-anqas 40 tifel u tifla, il-biċċa l-kbira minnhom taħt l-età ta' 10 snin; billi ġimagħtejn wara, fl-24 ta' Awwissu, il-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin wettqet attakk ieħor li fih tilfu ħajjithom 27 ċivili, il-biċċa l-kbira minnhom tfal, li kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenza fil-belt assedjata ta' Hodeidah, fin-Nofsinhar tal-pajjiż; billi, skont in-NU, kważi 470 000 ruħ ħarbu mil-Gvernaturat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju 2018;

D.  billi l-kampanja mmexxija mis-Sawdin u l-bombardamenti intensivi mill-ajru, inklużi l-attakki indiskriminati fuq żoni densament popolati, iħarrxu l-impatt umanitarju tal-gwerra permezz ta' mblokk;

E.  billi l-liġi tal-gwerra tipprojbixxi l-attakki deliberati u indiskriminati fuq ċivili u bersalli ċivili bħal skejjel u sptarijiet; billi, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-GEE, tali attakki jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, u jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra l-individwi li jwettquhom; billi l-investigazzjonijiet tal-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin dwar allegati delitti tal-gwerra fil-Jemen ma kinux kredibbli u ma pprovdewx rimedju għall-vittmi ċivili;

F.  billi aktar minn 22 miljun ruħ jeħtieġu l-għajnuna umanitarja u 8,4 miljuni, li nofshom huma tfal, huma f'riskju imminenti li jbatu jew imutu minħabba ġuħ estrem; billi mard bħad-difterite qed jinfirex, u jeżisti riskju serju ta' tifqigħa kbira tal-kolera; billi aktar minn żewġ miljun ruħ ġew spostati internament; billi n-nisa u t-tfal jintlaqtu b'mod partikolari mill-ostilitajiet li għaddejjin; billi skont il-UNICEF, kważi żewġ miljun tifel u tifla mhumiex imorru l-iskola, u dan jikkomprometti l-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal fil-Jemen minħabba aċċess limitat, jew ebda aċċess, għall-edukazzjoni, u dan jagħmilhom vulnerabbli għar-reklutaġġ militari u għall-vjolenza sesswali u abbażi tas-sess;

G.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw għexieren ta' każijiet li fihom il-moviment Ansarul Allah, magħruf ukoll bħala l-Houthis, u l-forzi leali lejn il-mejjet il-President Ali Abdullah Saleh wettqu detenzjonijiet arbitrarji u abużivi, kif ukoll għajbien sfurzat u tortura; billi l-Emirati Għarab Magħquda (UAE), l-intermedjarji tal-UAE u l-forzi tal-gvern Jemeniti wkoll iddetenew, ittorturaw u ppermettew l-għajbien sfurzat ta' għexieren ta' nies matul il-kunflitt fil-Jemen;

H.  billi fl-2017 in-Netherlands u l-Kanada ppruvaw iwaqqfu kummissjoni ta' inkjesta indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tinvestiga l-atroċitajiet li qed iseħħu; billi r-riżoluzzjoni li ġiet adottata sussegwentement kienet ferm aktar dgħajfa wara pressjoni mill-Arabja Sawdija, mir-Renju Unit u minn Franza, iżda stabbiliet il-GEE; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċieda li jestendi l-mandat tiegħu għal perjodu ieħor ta' sena, li jiġġedded kif awtorizzat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

I.  billi Kamel Jendoubi, President tal-GEE, li ħareġ rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen fit-28 ta' Awwissu 2018, safa vittma ta' kampanja ta' tħammiġ maħsuba biex tintimida lill-GEE u tixħet dubji fuq il-konstatazzjonijiet tiegħu; billi fl-2018 il-GEE kkonkluda li l-moviment Ansarul Allah, magħruf ukoll bħala l-Houthis, "wettaq atti li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, fosthom trattament krudili u tortura [u] offiżi fuq id-dinjità personali"; billi l-esperti rrappurtaw li l-moviment Ansarul Allah, magħruf ukoll bħala l-Houthis, huwa responsabbli għad-detenzjoni ta' studenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, persuna meqjusa bħala avversarji politiċi u membri tal-komunità Baha'i, kif ukoll għall-maltrattament u t-tortura tad-detenuti, anke fil-Bureau tas-Sigurtà Nazzjonali u fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Politika; billi l-esperti sabu wkoll li l-forzi Jemeniti, Sawdin u Emiratjani huma implikati b'mod kredibbli fl-abbuż tad-detenuti li jista' jikkostitwixxi delitti tal-gwerra;

J.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija f'diversi okkażjonijiet għamel pressjoni fuq Stati Membri tal-UE u fuq pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, inklużi n-NU, dwar il-pożizzjoni kritika tagħhom rigward l-azzjonijiet tal-Arabja Sawdija fil-kunflitt fil-Jemen;

K.  billi ċittadini tal-pajjiżi li jappartjenu għall-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin qed jiġu impriġunati fil-Jemen;

L.  billi l-kollass imminenti tal-ekonomija tal-Jemen huwa kwistjoni ta' tħassib; billi l-ħlas regolari tas-salarji ta' 1,4 miljun ħaddiem tal-gvern Jemenit waqaf effettivament fi tmiem l-2016; billi l-gvern leġittimu jħallas b'mod selettiv il-pensjonijiet ta' persuni li jinsabu fil-gvernaturati tan-Nofsinhar għad-detriment tal-pensjonanti kollha fil-gvernaturati tat-Tramuntana; billi hemm għexieren ta' eluf ta' anzjani mingħajr ebda sors ta' dħul, u aktar minn 33 % minnhom jiddependu fuq mediċini dejjem aktar għaljin;

M.  billi jinsab fis-seħħ embargo internazzjonali fuq l-armi fil-konfront tal-moviment Ansarul Allah, magħruf ukoll bħala l-Houthis, li għandu l-appoġġ tal-Iran; billi, skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, Stati Membri tal-UE, b'mod partikolari r-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, komplew jawtorizzaw it-trasferimenti ta' armi lill-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt; billi dawn it-trasferimenti jiksru l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(5), li teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari esportati jintużaw biex jitwettaq ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u biex jikkompromettu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali; billi l-Parlament talab ripetutament lill-VP/RGħ tvara inizjattiva li timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

N.  billi kien hemm żieda drammatika fl-għadd ta' operazzjonijiet letali extraterritorjali fil-Jemen imwettqa mill-Istati Uniti minn Jannar tal-2017; billi ċivili, inklużi nisa, tfal u anzjani, inqatlu, indarbu jew ġew trawmatizzati serjament minn tali operazzjonijiet letali kontra t-terroriżmu, u billi tqajjem tħassib li tali operazzjonijiet jiksru l-prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi hemm ħtieġa urġenti ta' investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar tali operazzjonijiet letali mwettqa minn forzi tal-koalizzjoni, li jirriżultaw fi mwiet potenzjalment illegali abbażi tal-Protokoll ta' Minnesota; billi teżisti evidenza li Stati Membri tal-UE qed jipprovdu appoġġ kemm dirett kif ukoll indirett għal tali operazzjonijiet letali permezz ta' intelligence u appoġġ operazzjonali ieħor;

O.  billi l-biċċa l-kbira tal-attakki mwettqa mill-forzi tal-Istati Uniti fil-Jemen huma attakki letali bid-drones; billi d-deċiżjoni biex ċerti persuni jiżdiedu fil-lista tal-bersalli tal-operazzjonijiet bid-drones spiss tittieħed mingħajr mandati tal-qorti jew inġunzjonijiet; billi t-tqegħid fil-mira u l-qtil sussegwenti ta' ċerti individwi jitwettqu mingħajr proċess ġust u għalhekk f'ċerti ċirkustanzi jistgħu jitqiesu bħala qtil extraġudizzjarju;

P.  billi, minkejja l-pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika stabbli u inklużiva għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt u s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, inklużi l-Arabja Sawdija u l-Iran, naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew xi tip ta' ftehim ieħor, u l-ġlied u l-bumbardamenti indiskriminati qed ikomplu bla waqfien; billi l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u billi mhuwiex probabbli li xi naħa waħda tagħmel dan fil-ġejjieni; billi s-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt taħt il-patroċinju tal-inizjattiva għall-paċi tan-NU fil-Jemen għandu jkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali inġenerali;

Q.  billi l-UE hija impenjata favur approċċ komprensiv u strateġiku li jinvolvi lill-atturi reġjonali rilevanti kollha; billi l-UE għadha impenjata li tkompli tipprovdi għajnuna li ssalva l-ħajjiet lill-persuni kollha fil-bżonn fil-Jemen;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u l-attakki kollha kontra ċivili u infrastruttura ċivili; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitt, li qed ikompli jiddeġenera f'waħda mill-kriżijiet umanitarji, politiċi u ekonomiċi l-aktar gravi ta' żminijietna; ifakkar lill-partijiet kollha involuti, inklużi s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, li t-tqegħid fil-mira deliberat ta' ċivili u infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, is-sistemi tal-ilma, il-portijiet, l-ajruporti u s-swieq jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali, u, b'mod partikolari, il-prinċipji tal-proporzjonalità u tad-distinzjoni bejn ċivili u infrastruttura ċivili u ġellieda u bersalli militari, kif ukoll id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt kriminali internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati, sabiex tittieħed azzjoni serja biex iċ-ċivili jiġu protetti;

3.  Itenni li l-unika soluzzjoni għall-kunflitt fil-Jemen hija soluzzjoni politika; jiddeplora l-falliment tal-ewwel ċiklu ta' konsultazzjonijiet f'Ġinevra (6-9 ta' Settembru 2018), u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jwaqqfu l-eskalazzjoni li qed isseħħ u jerġgħu jibdew taħditiet kostruttivi għall-paċi u miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja taħt il-patroċinju tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Martin Griffiths; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu appoġġ politiku lis-Sur Griffiths bil-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata u inklużiva;

4.  Ifakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li, skont id-dritt internazzjonali, huma responsabbli għal kwalunkwe delitt imwettaq; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tipprevedi azzjonijiet penali nazzjonali jew internazzjonali fil-konfront ta' kwalunkwe individwu, grupp u organizzazzjoni ssuspettati li wettqu tali ksur;

5.  Jistieden lill-partijiet kollha li qed iwettqu operazzjonijiet militari fil-Jemen biex jimplimentaw salvagwardji addizzjonali u jiżguraw il-protezzjoni tal-ħajja ċivili; jistieden lill-Istati Uniti u lis-sħab tagħhom iqiegħdu l-programm tad-drones tagħhom taħt sorveljanza ġudizzjarja, u jiżguraw li ma titwettaq ebda eżekuzzjoni permezz ta' attakki bid-drones mingħajr proċess ġust;

6.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-ostilitajiet minnufih; jikkundanna bil-qawwa l-bidu mill-ġdid tal-ġlied u tal-attakki, u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Jemen, b'mod partikolari r-rapporti li jindikaw intensifikazzjoni ulterjuri tal-operazzjonijiet militari fil-belt ta' Hodeidah; iwissi bil-konsegwenzi tal-offensiva militari mġedda fuq Hodeidah; jenfasizza li Hodeidah hija l-uniku port miftuħ li fadal għall-provvisti mediċi u tal-ikel u għall-għajnuna umanitarja għal partijiet kbar tal-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jiżguraw il-funzjonament sħiħ u effettiv tal-ajruporti u l-portijiet, u jiffaċilitaw l-aċċess sikur, rapidu u bla xkiel għall-għajnuna umanitarja u għall-provvisti mediċi, kummerċjali u tal-ikel; jesprimi tħassib fir-rigward tal-fatt li diżordni ulterjuri jwassal għal tbatija umana intollerabbli, għall-ġuħ u għall-ispostament ta' għadd kbir ta' ċivili, fosthom tfal;

7.  Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-atturi l-oħra involuti jkomplu jneħħu l-imblokk fuq il-Jemen; jistieden lill-istati kollha involuti direttament jew indirettament u lill-atturi rilevanti biex japplikaw pressjoni massima fuq il-partijiet kollha biex jaħdmu favur deeskalazzjoni u biex jieqfu minnufih jipprovdu appoġġ politiku, militari u finanzjarju lill-atturi militari fil-post, kemm direttament kif ukoll permezz ta' intermedjarji;

8.  Jilqa' ż-żjara reċenti tal-Mibgħut Speċjali tan-NU f'Sana'a fis-16 ta' Settembru 2018, bil-għan li jissuktaw it-taħditiet ta' paċi u l-miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja bħall-ftuħ sħiħ mill-ġdid tal-ajruport ta' Sana'a għat-titjiriet tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u li l-gvern jitħeġġeġ iħallas is-salarji tal-impjegati pubbliċi fir-reġjuni kollha tal-Jemen; jieħu nota tar-rapporti reċenti tal-ftuħ propost tal-kuriduri umanitarji bejn Hodeidah u Sana'a;

9.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt hekk li l-popolazzjoni fil-bżonn tkun tista' tingħata l-assistenza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw il-konsenji tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet imfassla apposta għalihom;

10.  Jappella għall-ħelsien immedjat ta' dawk miżmuma arbitrarjament, għat-tmiem tal-għajbien sfurzat u għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effikaċi u kredibbli ta' dawk responsabbli għall-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, b'konformità mal-istandards internazzjonali; jappoġġja l-ħidma tal-GEE, u jitlob li l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali jiġġedded u jissaħħaħ biex jinkludi l-ġbir ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra u ta' delitti kontra l-umanità mwettqa fil-Jemen, sabiex dawk responsabbli għal tali ksur jittellgħu l-qorti u jiġu kkastigati; jitlob li s-sitwazzjoni fil-Jemen tiġi riferuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iħeġġeġ lill-Jemen jissieħeb fil-QKI, billi dan jippermetti l-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għad-delitti mwettqa matul il-kunflitt, fin-nuqqas ta' referenza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

11.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu r-reklutaġġ u/jew l-użu ta' tfal bħala suldati u ksur gravi ieħor imwettaq kontra minorenni bi ksur tad-dritt u l-istandards nazzjonali applikabbli; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu lit-tfal li diġà ġew reklutati u jikkooperaw man-NU sabiex ikunu jistgħu jiġu riabilitati u reintegrati fil-komunitajiet tagħhom;

12.  Huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-Jemen tal-preżenza ta' gruppi kriminali u terroristiċi, inklużi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u ISIS/Da'esh; jikkundanna l-preżenza ta' ġellieda barranin u jappella għat-tneħħija tal-ġellieda kollha bħal dawn mill-Jemen;

13.  Jiddeplora ż-żieda qawwija fl-għadd ta' operazzjonijiet letali kontra t-terroriżmu fil-Jemen; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jopponu l-qtil extraġudizzjarju, inkluż l-użu tad-drones, biex jaffermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u biex jiżguraw li l-Istati Membri ma jwettqux, ma jiffaċilitawx jew ma jiħdux sehem f'operazzjonijiet letali illegali;

14.  Jistieden għal darb'oħra lill-VP/RGħ tvara inizjattiva bil-għan li jiġi impost embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 li ttenni li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija mhumiex konformi ma' tal-anqas żewġ kriterji fir-rigward tal-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jieqfu jbigħu l-armi u kwalunkwe tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, lill-UAE u lil kwalunkwe membru tal-koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-Gvern Jemenit, biex b'hekk jinżamm l-embargo kurrenti fuq l-armi fil-konfront tal-partijiet kollha fil-kunflitt; jistieden lill-VP/RGħ tfassal strateġija komprensiva tal-UE għall-Jemen sabiex tiżvolġi rwol sinifikanti biex jintemm il-kunflitt fil-Jemen, u tipprovdi gwida ċara dwar il-frammentazzjoni kurrenti li teżisti bejn il-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet meħuda minn Stati Membri differenti tal-UE, inklużi l-voti kontra r-riżoluzzjonijiet ta' xulxin f'fora internazzjonali;

15.  Jilqa' l-fatt li l-UE se tkompli tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp lill-Jemen, filwaqt li tingħata prijorità lil interventi bil-għan tal-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, u li se taħdem f'żoni stabbli mal-awtoritajiet lokali biex tippromwovi r-reżiljenza, biex tinżamm il-provvista ta' servizzi bażiċi u biex jitrawwem għajxien sostenibbli għall-komunitajiet; ifakkar li l-UE allokat EUR 233,7 miljun f'għajnuna umanitarja permezz tal-organizzazzjonijiet sħab tagħha;

16.  Jilqa' l-Pjan tan-NU ta' Risposta Umanitarja fil-Jemen għall-2018 u l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi tal-2018 għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li matulha donaturi internazzjonali impenjaw ruħhom li jagħtu aktar minn USD 2 biljun; madankollu, jiddeplora l-fatt li għadu jeżisti nuqqas ta' fondi għall-Jemen; jilqa' l-fatt li l-UE impenjat ruħha li tgħin li dawk milquta mill-kunflitt fil-Jemen u allokat EUR 107,5 miljun; jistieden lid-donaturi kollha jissodisfaw malajr l-impenji li ħadu; jiddeċiedi li jibqa' jsegwi l-kwistjoni sakemm tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jagħti istruzzjonijiet lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissorvelja l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen;

17.  Jitlob lill-UE tiżborża l-fondi malajr biex tgħin lill-persuni spostati internament (IDPs) fil-Jemen, li n-numru tagħhom x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti jekk is-sitwazzjoni f'Hodeidah tmur għall-agħar;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0473.

(2)

ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.

(3)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(4)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.

(5)

ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza