Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0472/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0472/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem

2.10.2018 - (2018/2763(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8‑0402/2018, B8-0403/2018 u B8‑0404/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Jan Zahradil, Nirj Deva, Ruža Tomašić, Joachim Starbatty, Emma McClarkin f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2018/2763(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0472/2018
Testi mressqa :
B8-0472/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0472/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem

(2018/2763(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd",

–  wara li kkunsidra l-Gwidi Settorjali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-UNGPs[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport Interim tar-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, Heiner Bielefeldt, indirizzat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u ffukat fuq il-mezzi għall-eliminazzjoni tal-intolleranza u d-diskriminazzjoni reliġjużi fuq il-post tax-xogħol[2],

  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[3],

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Improving access to remedy in the area of business and human rights at the EU level" (Intejbu l-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE)[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014 li permezz tagħha ddeċieda li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti[5],

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tad-Drittijiet tat-Tfal u tan-Negozju, żviluppati mill-UNICEF,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem adottati fl-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni[11],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[12],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[13],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE[14],

–  Wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem"[15],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (O-000074/2018 — B8 0402/2018, O-000075/2018 — B8–0403/2018 u O-000078/2018 — B8 0404/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u billi l-azzjoni esterna tagħha trid tkun iggwidata minn dawn il-prinċipji;

B.  billi l-kummerċ ħieles u l-investiment urew li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-ġid u t-tnaqqis tal-faqar;

C.  billi l-Istati għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-aspettattiva li l-intrapriżi kummerċjali kollha jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem matul l-attivitajiet tagħhom;

D.  billi l-Patt Globali tan-NU jitlob lill-korporazzjonijiet iħaddnu, jappoġġaw u jattwaw, fl-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi jimpenjaw ruħhom favur dawk il-valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;

E.  billi l-korporazzjonijiet huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali, u huma obbligati jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u t-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ, kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi li l-UE kellha rwol ewlieni fin-negozjar u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi għar-responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u mar-rispett tal-istandards internazzjonali fir-rigward tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi sistema tar-responsabbiltà korporattiva għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem attwalment qed tiġi nnegozjata fin-NU;

H.  billi għad ma hemmx qbil dwar tliet kwistjonijiet ewlenin: il-kwistjoni tal-mekkaniżmi u r-rimedji ta' monitoraġġ; l-iżvilupp ta' klawsoli extraterritorjali li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat għall-korporazzjonijiet transnazzjonali (TNCs) inkorporati skont il-liġijiet tagħhom; u l-firxa attwali tal-obbligu ta' diliġenza dovuta indikat mill-UNGPs;

1.  Jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni u ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini ta' provvista jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-korporazzjonijiet fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu sitwazzjoni li fiha n-normi u r-regoli internazzjonali huma kruċjali biex ikun evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

2.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat huwa sieħeb importanti fil-ksib tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp; jenfasizza li, meta jitqies ir-rwol dejjem akbar fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-atturi tas-settur privat għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà korporattiva matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-proġetti;

3.  Iqis li hemm ħtieġa li l-Istati jinżammu fil-qalba ta' kwalunkwe sistema futura u jirrileva li, jekk jitqies li s-sostenituri ewlenin tat-trattat huma wkoll dawk b'rekord fqir tad-drittijiet tal-bniedem, il-proċess jista' jirriżulta f'taqbida għall-għoti tat-tort, u jirriżulta f'paraliżi;

4.  Jappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNGPs, u jistieden lill-Istati kollha jelaboraw u jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni rapida, effettiva u komprensiva tal-prinċipji msemmija;

5.  Jirrikonoxxi li l-UNGPs diġà pprevedew obbligu ta' diliġenza dovuta għat-TNCs li jeħtieġ li jiġi ċċarat aktar sabiex isir deskrittiv u operattiv; sa fejn il-korporazzjonijiet diġà għandhom ġabra wiesgħa ta' responsabbiltajiet skont il-liġijiet nazzjonali, iqis li analiżi ulterjuri għandha ssir bl-għan li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-lakuni li jippermettu li l-korporazzjonijiet transnazzjonali jevitaw ir-responsabbiltà;

6.  Itenni l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni b'mod effettiv u koerenti fil-livelli kollha, inklużi dawk nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn korporazzjonijiet transnazzjonali u l-problemi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dimensjoni extraterritorjali;

7.  Jinnota li diversi pajjiżi mhumiex qed jieħdu sehem fil-proċess; jenfasizza li biex tali trattat vinkolanti jkun effettiv globalment, maġġoranza kbira tal-Istati jeħtieġ li jirratifikawh u jirrispettawh;

8.  Iqis li l-adeżjoni tal-UE għall-istrument legalment vinkolanti tan-NU se tirrikjedi li l-istrument imsemmi ma jmurx lil hinn minn dak li huwa stabbilit legalment fl-UE;

9.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jiżguraw li n-negozjati li jwasslu għat-trattat ikunu mmexxija b'mod trasparenti u responsabbli ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati li potenzjalment jintlaqtu minn dan it-trattat;

10.  Jistieden lill-UE tiżgura li kwalunkwe reviżjoni jew dokument ta' strateġija futur li għandu x'jaqsam mal-Qafas Strateġiku tal-UE u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludu objettivi ċari u punti ta' riferiment li jistgħu jitkejlu għall-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tat-trattat tan-NU;

11.  Jiddeċiedi li jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess tan-negozjati tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

 

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza