MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kontribut tal-UE lil Strument Vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem
2.10.2018 - (2018/2763(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Bogdan Brunon Wenta f'isem il-Grupp PPE
B8-0473/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut tal-UE lil Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd",
– wara li kkunsidra l-Gwidi Settorjali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem[1],
– wara li kkunsidra r-rapport Interim tar-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, Heiner Bielefeldt, indirizzat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u ffukat fuq il-mezzi għall-eliminazzjoni tal-intolleranza u d-diskriminazzjoni reliġjużi fuq il-post tax-xogħol[2],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali (SWD(2015)0144),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[3],
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Improving access to remedy in the area of business and human rights at the EU level" (Intejbu l-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE)[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014 li permezz tagħha ddeċieda li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti[5],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji tad-Drittijiet tat-Tfal u tan-Negozju, żviluppati mill-UNICEF,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem adottati fl-20 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE[14],
– wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem"[15],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (O-000074/2018 – B8-0402/2018, O-000075/2018 – B8-0403/2018 and O-000078/2018 – B8-0404/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali (inklużi l-politiki ta' żvilupp u kummerċjali tagħha) jeħtiġilha tkun gwidata minn dawn il-prinċipji;
B billi r-rispett għad-dritt tal-bniedem għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jimplika li l-etos ta' korporazzjonijiet immexxija minn organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi għandu jiġi rispettat u protett, u li l-ebda rekwiżit ma għandu jiġi impost fuqhom li jikkontradixxi jew jimmina l-valuri ewlenin u l-prinċipji etiċi tagħhom; billi dan ir-rispett jimplika wkoll li l-korporazzjonijiet immexxija minn organizzazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jirrikjedu lill-ħaddiema u lill-fornituri ta' servizzi tagħhom jirrispettaw il-valuri ewlenin u l-prinċipji etiċi tagħhom u mhux li jimminawhom, u lanqas li jikkawżawlhom xi ħsara fix-xogħol jew fl-attivitajiet professjonali tagħhom;
C. billi l-kummerċ ħieles u l-investiment urew li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis fil-faqar;
D. billi l-iżvilupp għandu jimxi id f'id mal-progress soċjali u l-governanza tajba, u billi l-iżvilupp, il-kummerċ ħieles u d-drittijiet tal-bniedem jista' jkollhom impatt fuq xulxin u saħansitra jsaħħu lil xulxin;
E. billi l-Istati għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-aspettattiva li l-intrapriżi kummerċjali kollha jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-bniedem matul l-attivitajiet tagħhom;
F. billi l-Patt Globali tan-NU jitlob lill-korporazzjonijiet jaċċettaw, jappoġġjaw u jattwaw, fl-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi jimpenjaw ruħhom favur dawk il-valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;
G. billi l-korporazzjonijiet huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali, u huma meħtieġa jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u t-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ, kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; billi dawn l-intrapriżi kummerċjali jistgħu xi drabi jikkawżaw, jew jikkontribwixxu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jista' jkollhom ukoll rwol importanti huma u joffru inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;
H. billi li l-UE kellha rwol ewlieni fin-negozjar u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi għar-responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u mar-rispett tal-istandards internazzjonali fir-rigward tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem;
I. billi huwa rikonoxxut l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem tan-negozji Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva nondiskriminatorja;
J. billi studju tal-2017 bit-titolu "Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem", u kkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, juri b'mod ċar li l-Istati Membri tal-UE huma l-aktar avvanzati fil-kuntest globali fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, bl-ogħla għadd ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali li għaddejjin;
K. billi sistema tar-responsabbiltà korporattiva għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem attwalment qed tiġi nnegozjata fin-NU;
1. Jinnota li l-globalizzazzjoni u ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini tal-provvista jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-kumpaniji fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu sitwazzjoni li fiha n-normi u r-regoli internazzjonali huma kruċjali biex ikun evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;
2. Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat huwa sieħeb importanti fil-ksib tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp; jisħaq fuq il-fatt li, meta jitqies ir-rwol dejjem akbar fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-atturi tas-settur privat jeħtiġilhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà korporattiva matul iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-proġetti;
3. Jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-Istati kollha jelaboraw u jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni rapida, effikaċi u komprensiva tal-prinċipji msemmija;
4. Jinnota li approċċ globali dwar il-mod li bih il-korporazzjonijiet transnazzjonali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għadu nieqes;
5. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni b'mod effikaċi u koerenti fil-livelli kollha, inklużi dawk nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, sabiex jiġi indirizzat b'mod effikaċi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn korporazzjonijiet transnazzjonali u l-problemi legali li jirriżultaw mid-dimensjoni extraterritorjali;
6. Jinnota l-ħidma mibdija fin-Nazzjonijiet Uniti permezz ta' Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv biex jinħoloq strument potenzjalment vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jqis li dan huwa pass 'il quddiem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li r-responsabbiltà għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ksur tagħhom ma għandhiex tiddependi mill-forma ġuridika jew mit-tip ta' sjieda tal-intrapriża; jisħaq li kwalunkwe dazju addizzjonali impost legalment fuq l-intrapriżi għandu jiġi adattat skont id-daqs u l-kapaċità tagħhom li jlaħħqu;
7. Jinnota li diversi pajjiżi mhumiex qed jieħdu sehem fil-proċess; jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaderixxu biss mal-istrument potenzjalment legalment vinkolanti ġdid jekk il-bini bażiku tiegħu jkun inkorporat kif xieraq; jisħaq, barra minn hekk, li biex tali trattat vinkolanti jkun globalment effikaċi, maġġoranza kbira tal-Istati jeħtieġu li jirratifikawh u jirrispettawh;
8. Iqis li l-adeżjoni tal-UE għall-istrument legalment vinkolanti tan-NU tirrikjedi li dan l-istrument ma jmurx lil hinn minn dak li huwa stabbilit legalment fl-UE;
9. Itenni għal darb'oħra l-appell tiegħu sabiex l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b'mod ġenwin u kostruttiv f'dan il-proċess intergovernattiv;
10. Jistieden lill-Istati Membri tan-NU jiżguraw li n-negozjati li jwasslu għat-trattat ikunu mmexxija b'mod trasparenti u informattiv, b'konsultazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati li potenzjalment jintlaqtu mit-trattat;
11. Jappella lill-UE biex tiżgura li kwalunkwe reviżjoni jew dokument ta' strateġija futur li għandu x'jaqsam mal-Qafas Strateġiku tal-UE u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludi objettivi ċari u punti ta' riferiment li jistgħu jitkejlu għall-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tat-trattat tan-NU;
12. Jiddeċiedi li jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess tan-negozjati tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
- [1] https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/european-commission-sector-guides-implementing-un-guiding-principles-business-and-hum-0_en
- [2] http://www.ohchr.org/Documents/Issues/Religion/A.69.261.pdf
- [3] ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
- [4] Opinjoni FRA - 1/2017 [B-HR].
- [5] https://www.unglobalcompact.org/
- [6] Testi adottati, P8_TA(2018)0066.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2017)0494.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2017)0448.
- [9] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.
- [10] ĠU C 238, 6.7.2018, p. 57.
- [11] Testi adottati, P8_TA(2018)0230.
- [12] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.
- [13] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
- [14] ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.
- [15] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/578031/EXPO_STU(2017)578031_EN.pdf jew http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EXPO_STU%282017%29578031