Proċedura : 2018/2763(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0474/2018

Testi mressqa :

B8-0474/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 475kWORD 52k
2.10.2018
PE624.152
 
B8-0474/2018

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0402/2018, B8-0404/2018 u B8-0403/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (2018/2763(RSP))


Linda McAvan, Elena Valenciano, Bernd Lange, Arne Lietz f’isem il-Grupp S&D
Louis Michel, Marietje Schaake f’isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Helmut Scholz, Anne‑Marie Mineur, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Marie‑Pierre Vieu, Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Paloma López Bermejo, Luke Ming Flanagan, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Rina Ronja Kari, Younous Omarjee, Barbara Spinelli, Merja Kyllönen, Marie‑Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Heidi Hautala f’isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f’isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (2018/2763(RSP))  
B8-0474/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd",

–  wara li kkunsidra l-Gwidi Settorjali tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-UNGPs(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bl-isem "Improving access to remedy in the area of business and human rights at the EU level" ("Intejbu l-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE")(4),

  wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 bit-titolu "Feedback and way forward on improving the implementation and enforcement of Trade and Sustainable Development chapters in EU Free Trade Agreements" ("Reazzjonijiet u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE"),

–  wara li kkunsidra l-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi varata waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li permezz tagħha ddeċieda li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 24 (2017) tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR) dwar l-obbligi tal-Istat taħt il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali (E/C.12/GC/24),

–  wara li kkunsidrat il-Prinċipji Gwida ta' Maastricht dwar l-Obbligi Extraterritorjali tal-Membri fil-Qasam tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali(5),

–  wara li kkunsidrat il-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti(6),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, riveduta fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għas-settur tal-ħwejjeġ u ż-żraben,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tan-Negozju fil-qasam tad-Drittijiet tat-Tfal, żviluppati mill-UNICEF,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem adottati fl-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istandard ta' Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ISO 26000,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju, adottata fit-2 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(22),

–  wara li kkunsidra l-istudju kummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "Implementation of the UN Guiding Principles on Business and Human Rights" ("L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem")(23),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet li saru lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kontribut tal-UE għal Strument Vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra b'karatteristiċi transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (O-000074/2018 – B8-0402/2018, O-000075/2018 – B8-0403/2018 and O-000078/2018 – B8-0404/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-azzjonijiet tagħha fix-xena internazzjonali (inklużi l-politiki tagħha tal-iżvilupp u tal-kummerċ) iridu jiġu gwidati minn dawn il-prinċipji u jridu jkunu konsistenti mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), kif imnaqqax fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; billi skont l-Artikolu 208 tat-TFUE l-prinċipju tal-PCD jrid jiġi rispettat fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

B.  billi l-Unjoni Ewropea hija kemm qawwa normattiva u kemm qawwa ekonomika; billi, bħala tali, hija għandha bżonn tippożizzjona ruħha bħala mexxejja fit-tixrid tal-aħjar prattika u fl-iżvilupp ta' standards globali;

C.  billi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 timplika li l-iżvilupp ekonomiku għandu jmur id f'id mal-ġustizzja soċjali, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u d-dritt għad-dinjità umana u l-libertà għal kulħadd, kif ukoll standards għolja tax-xogħol u tal-ambjent; billi l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jista' jkollhom impatt fuq xulxin u jistgħu jsaħħu lil xulxin;

D.  billi l-Istati għandhom l-obbligu internazzjonali li jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem milli jseħħ fi ħdan it-territorju tagħhom jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, kemm jekk jitwettaq minn individwi, gruppi jew minn organizzazzjonijiet privati bħalma huma n-negozji, u li jindirizzaw tali ksur;

E.  billi d-diliġenza dovuta hija kunċett imsemmi fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(24);

F.  billi l-Istati għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan it-territorju u/jew il-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Istati għandhom jispjegaw b'mod ċar l-istennija li l-obbligu tal-protezzjoni jimplika li jkun hemm regolamentazzjoni biex jiġi żgurat li l-intrapriżi kummerċjali kollha domiċiljati fit-territorju u/jew fil-ġurisdizzjoni tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kollha tagħhom, inkluż permezz tas-sussidjarji tagħhom, il-kumpaniji kontrollati tagħhom u l-entitajiet li jinsabu fil-katina tal-provvista tagħhom madwar id-dinja;

G.  billi l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) approvati b'konsensus fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, jibqgħu l-qafas awtoritattiv għall-prevenzjoni u l-indirizzar tar-riskju ta' impatti avversi fuq id-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-attività kummerċjali, u billi l-istudju tal-2017 ikkummissjonat mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament u li għandu t-titolu "Implementation of the UN Guiding Principles on Business and Human Rights" ("L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem") juri biċ-ċar li l-Istati Membri tal-UE huma l-aktar avvanzati fil-kuntest globali fl-implimentazzjoni tal-UNGPs, peress li għandhom l-ogħla għadd ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali adottati jew li għadu qed isir xogħol fuqhom;

H.  billi l-UNGPs japplikaw għall-Istati kollha, u għall-intrapriżi kummerċjali kollha, kemm transnazzjonali kif ukoll oħrajn, ikun x'ikun id-daqs, is-settur, il-post, is-sjieda u l-istruttura tagħhom, u billi huma msejsa fuq it-tliet pilastri tal-qafas tan-NU "protezzjoni-rispett-rimedju", jiġifieri: 1) id-dmir tal-Istat li jipproteġi kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn partijiet terzi, inkluż mill-intrapriżi; 2) id-dmir korporattiv li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem; u 3) aċċess akbar għall-vittmi għal rimedju effettiv, kemm ġudizzjarju kif ukoll mhux ġudizzjarju; billi minkejja li l-UNGPs mhumiex legalment vinkolanti, huma rikonoxxuti u appoġġati b'mod wiesa', u jservu bħala l-bażi għal approċċi ta' politika għan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem b'mod internazzjonali, kif ukoll bħala rikonoxximent ta' dawn li ġejjin: l-obbligi eżistenti tal-Istati li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; ir-rwol tal-intrapriżi kummerċjali bħala organi speċjalizzati tas-soċjetà li jwettqu funzjonijiet speċjalizzati, meħtieġa biex jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli kollha u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; u l-ħtieġa li d-drittijiet u l-obbligi li jiġu akkumpanjati b'rimedji xierqa u effettivi meta jinkisru; billi l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li fejn jiġu implimentati l-UNGPs titnaqqas l-inċidenza tal-ħsara għad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-attivitajiet korporattivi;

I.  billi l-Patt Globali tan-NU jitlob lill-korporazzjonijiet jaċċettaw, jappoġġaw u jattwaw, fl-isfera ta' influwenza tagħhom, ġabra ta' valuri fundamentali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi jimpenjaw ruħhom favur dawk il-valuri u jintegrawhom fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom fuq bażi volontarja;

J.  billi l-korporazzjonijiet huma fost l-atturi ewlenin tal-globalizzazzjoni ekonomika, tas-servizzi finanzjarji u tal-kummerċ internazzjonali, u huma meħtieġa jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u t-trattati internazzjonali kollha fis-seħħ kif ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; billi dawn l-intrapriżi kummerċjali kif ukoll il-korporazzjonijiet nazzjonali jistgħu xi kultant jikkawżaw jew jikkontribwixxu għall-ksur jew l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew jaffettwaw id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi, il-popolazzjonijiet indiġeni, in-nisa u t-tfal, jew jikkontribwixxu għall-problemi ambjentali; billi dawn jista' jkollhom ukoll rwol importanti x'jaqdu billi joffru inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istandards ambjentali u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

K.  billi hemm nuqqas ta' simetrija bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-korporazzjonijiet transnazzjonali (TNCs), partikolarment fi trattati dwar il-protezzjoni tal-investiment, fejn l-investituri qed jingħataw drittijiet wesgħin, bħal "trattament ġust u ekwu", li mhux bilfors jiġu bbilanċjati b'obbligi vinkolanti u infurzabbli f'termini ta' konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi tax-xogħol u dik ambjentali tul il-katina tal-provvista kollha;

L.  billi huwa rikonoxxut l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem tan-negozji Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva mhux diskriminatorja;

M.  billi l-UE, fir-rigward tal-koerenza interna/esterna tal-politiki tagħha, kellha rwol ewlieni fin-negozjar u l-implimentazzjoni ta' għadd ta' inizjattivi għar-responsabbiltà globali li jimxu id f'id mal-promozzjoni u r-rispett ta' standards internazzjonali fir-rigward tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom ukoll għal għadd ta' strumenti, b'mod partikolari l-UNGPs tal-2011 u r-rakkomandazzjoni tal-2016 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-negozju;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Membri tagħha bdew jadottaw leġiżlazzjoni biex isaħħu r-responsabbiltà korporattiva u jinkorporaw fil-leġiżlazzjoni elementi dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRDD); billi dawn il-miżuri issa qed jgħinu biex jiġu stabbiliti standards globali iżda għadhom jistgħu jiġu żviluppati aktar, u eżempji ta' dan huma r-Regolament tal-UE dwar il-Minerali ta' Kunflitt u d-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFR), kif ukoll ir-Regolament dwar l-Injam (EUTR); billi l-Parlament talab li jsir avvanz ulterjuri ta' leġiżlazzjoni bħal din f'setturi oħrajn, inkluż is-settur tal-ħwejjeġ; billi l-inizjattivi internazzjonali f'dan il-qasam jistgħu jikkonsolidaw l-inizjattivi nazzjonali u reġjonali u joħolqu kundizzjonijiet ekwi;

O.  billi l-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li fihom huma involuti n-negozji tal-UE jistgħu jitolbu kumpens quddiem il-qrati domestiċi fl-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012; billi d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-regolament jeħtieġu qafas internazzjonali aktar b'saħħtu sabiex itejbu l-effiċjenza tagħhom fir-rigward tal-partijiet affettwati, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn il-korporazzjonijiet bid-domiċilju tagħhom fl-UE u dawk li mhumiex;

P.  billi għad hemm nuqqas ta' approċċ olistiku globali tar-responsabbiltà korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu kumpaniji internazzjonali jħabbtu wiċċhom ma' bosta ostakoli biex ikollhom aċċess għal rimedji, inklużi rimedji ġudizzjarji u garanziji ta' nonrepetizzjoni; billi dawn l-ostakoli għall-aċċess għal rimedji jikkostitwixxu ksur serju ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi approċċ olistiku jipprovdi ċertezza legali kemm għan-negozji kif ukoll għall-individwi, fil-kuntest tal-proliferazzjoni tal-inizjattivi nazzjonali ta' diliġenza dovuta;

Q.  billi l-inugwaljanza bejn is-sessi timplika li n-nisa sikwit ikunu partikolarment vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jiffaċċjaw piżijiet speċjali meta jfittxu aċċess għal rimedju;

R.  billi l-opinjoni tal-2017 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li jista' jsir aktar biex jiġi żgurat aċċess ġudizzjarju u mhux ġudizzjarju effettiv għal rimedju għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju fl-UE jew barra minnha, inkluż billi l-vittmi jingħataw aktar assistenza biex jaċċessaw il-qrati u l-possibbiltà li jressqu azzjonijiet kollettivi, jiġi ffaċilitat l-oneru tal-provi, u jiġu inċentivati l-obbligi ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji, inkluż għall-kumpaniji prinċipali marbutin mal-prestazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-sussidjarji jew fil-ktajjen tal-provvista;

S.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE timponi kemm l-obbligi domestiċi kif ukoll dawk extraterritorjali fuq l-Istati fir-rigward tad-dmirijiet tagħhom biex jipprovdu aċċess għal rimedji ġudizzjarji għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

T.  billi sistema ta' responsabbiltà korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem qiegħda bħalissa tiġi nnegozjata fin-NU, fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv indefinit tal-UNHRC dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (OEIGWG), stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2014; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom rwol fl-OEIGWG; billi l-Kummissjoni ma ngħatatx mandat mill-Kunsill biex tmexxi negozjati f'isem l-UE dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-OEIGWG;

1.  Josserva li l-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni dejjem akbar tal-attivitajiet kummerċjali u tal-katini tal-provvista jżidu l-importanza tar-rwol li jiżvolġu l-korporazzjonijiet fl-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, billi diġà ħolqu sitwazzjoni li fiha n-normi, ir-regoli u l-kooperazzjoni internazzjonali huma kruċjali biex jevitaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

2.  Huwa tal-fehma li l-korporazzjonijiet transnazzjonali għandhom jibqgħu lura milli jiffinanzjaw jew jinvolvu ruħhom f'attivitajiet, kummerċjali jew mhux kummerċjali, li jistgħu jħeġġu r-radikaliżmu jew l-estremiżmu, b'mod partikolari meta dan jinvolvi l-manipulazzjoni ta' twemmin reliġjuż, kif ukoll iżommu lura milli jagħtu kwalunkwe appoġġ dirett jew indirett lil kwalunkwe grupp li jippromwovi, jappoġġja jew jiġġustifika l-vjolenza;

3.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur privat għandu jkun involut mill-qrib fil-ksib tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp; jenfasizza li tali rwol jinkludi allinjament mal-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u jirrispetta l-prinċipji tar-responsabbiltà korporattiva matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-proġetti;

4.  Ifakkar li d-diliġenza dovuta hija komponent ewlieni tat-tieni pilastru tal-Prinċipji Gwida tan-NU rigward ir-responsabbiltà korporattiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li prattiki effettivi ta' diliġenza dovuta jistgħu jgħinu wkoll biex isaħħu l-aċċess għal rimedju; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jfittxu li jaħdmu mill-qrib ma' kumpaniji u negozji u partijiet ikkonċernati oħrajn, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdunjins, biex iwettqu l-adozzjoni ta' qafas koerenti li jistabbilixxi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-kumpaniji;

5.  Ifakkar li l-proċess tal-iżvilupp tan-NAP (Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali), jekk ikun imfassal tajjeb u aġġustat għall-kuntest lokali, jista' jikkontribwixxi mhux biss biex jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-UNGPs iżda wkoll biex isaħħaħ il-mekkaniżmi nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Itenni l-appell tiegħu sabiex il-UNGPs u standards internazzjonali oħrajn ta' responsabbiltà korporattiva jiġu konsistentement invokati mir-rappreżentanti tal-UE fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;

7.  Jappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni sħiħa, fl-UE u barra minnha, tal-UNGPs, kif approvati unanimament mill-Kunsill f'Ġunju 2011, u jistieden lill-UE u l-Istati Membri jieħdu azzjoni f'dan ir-rigward, inkluż billi jistabbilixxu aspettattivi ċari għall-gvernijiet u t-tipi kollha ta' intrapriżi kummerċjali għall-implimentazzjoni rapida, effettiva u komprensiva tal-prinċipji msemmija; ifakkar li l-UNGPs jistgħu jiġu kkumplimentati b'inizjattivi vinkolanti paralleli biex ikopru n-nuqqasijiet tagħhom;

8.  Itenni li l-korporazzjonijiet transnazzjonali għandhom jinżammu responsabbli għall-ksur dirett jew indirett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur ta' sanzjonijiet; iqis li l-UNGPs jistgħu jikkontribwixxu biex itemmu l-impunità; ifakkar li l-implimentazzjoni ħażina tal-UNGPs, bħal fil-każ ta' standards oħrajn rikonoxxuti internazzjonalment, ġiet parzjalment attribwita għall-karattru mhux vinkolanti tagħhom;

9.  Jinnota bi tħassib li għadhom jippersistu ħafna ostakli fir-rigward tal-aċċess għal rimedju ġudizzjarju, partikolarment fil-każ tal-korporazzjonijiet transnazzjonali, minħabba, pereżempju, diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-vittmi biex jidentifikaw il-qorti kompetenti, in-nuqqas ta' kodifikazzjoni ta' ċerti abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'kodiċijiet penali, jew korruzzjoni, li jistgħu jxekklu l-proċedimenti legali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li rimedji mhux ġudizzjarji xierqa huma wkoll ta' importanza kruċjali, iżda ħafna drabi huma neqsin; jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw, permezz ta' mezzi ġudizzjarji, amministrattivi, leġiżlattivi jew mezzi xierqa oħrajn, li meta jseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju u/jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, dawk affettwati jkollhom aċċess għal rimedju effettiv;

10.  Jafferma mill-ġdid il-bżonn urġenti ta' azzjoni effettiva u koerenti fil-livelli kollha, inklużi dawk nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn korporazzjonijiet transnazzjonali, biex jingħata aċċess għal rimedji, biex jiġu indirizzati problemi legali li jirriżultaw mill-karattru transnazzjonali tal-attivitajiet tal-intrapriżi kummerċjali u tat-TNCs u l-kumplessità dejjem akbar tal-katini tal-valur globali u d-dimensjoni extraterritorjali tal-kumpaniji transnazzjonali, kif ukoll l-inċertezza relatata ma' fejn taqa' r-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu implimentati b'mod sħiħ l-obbligi extraterritorjali tal-Istati, kif stabbiliti fil-Prinċipji ta' Maastricht, u li jinbnew fuq l-istrumenti varji tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); b'mod aktar ġenerali, iħeġġeġ lill-UE tieħu inizjattivi biex ittejjeb l-aċċess għal rimedju f'każijiet extraterritorjali, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni tal-FRA tal-2017;

11.  Jafferma mill-ġdid is-supremazija tad-drittijiet tal-bniedem fil-liġi internazzjonali, skont l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-ħtieġa li din tiġi kkonsolidata permezz ta' sistema ċara li permezz tagħha l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem jieħdu preċedenza effettiva fuq tipi oħrajn ta' obbligi konfliġġenti, u jsir provvediment għal mekkaniżmi xierqa għall-infurzar tal-liġi tad-drittijiet tal-bniedem, għall-monitoraġġ u għar-rimedji, flimkien ma' penali u kumpens xieraq fil-każ ta' ksur; jinsisti li dan huwa essenzjali biex jingħelbu l-iżbilanċi tal-globalizzazzjoni u biex id-drittijiet tal-persuni u tal-pjaneta jiġu l-ewwel; jenfasizza li l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba se jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-inizjattivi meħuda mill-intrapriżi li jkunu ddeċidew li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;

12.  Itenni li kumpaniji li jinvolvu ruħhom fir-responsabbiltà soċjali korporattiva jagħmlu dan fuq inizjattiva tagħhom, filwaqt li jqisu kemm l-ispejjeż ekonomiċi kif ukoll l-effetti pożittivi dwar il-perċezzjoni pubblika tal-attivitajiet tagħhom, u li l-involviment fuq bażi volontarja jirriskja li joħloq kompetizzjoni inġusta għal dawk li jagħżlu li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali; jenfasizza li mhuwiex biżżejjed li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-istandards u l-obbligi internazzjonali, f'rabta mal-implimentazzjoni tad-dmir għad-diliġenza;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-ħidma mibdija fin-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-OEIGWG biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jqis li dan huwa pass neċessarju għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jenfasizza li n-negozjati għat-trattat vinkolanti jistgħu jqisu l-qafas tal-UNGP u fejn possibbli jinkludu: id-definizzjoni ta' obbligi ta' diliġenza dovuta obbligatorji għat-TNCs u intrapriżi kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom; ir-rikonoxximent tal-obbligi extraterritorjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati; ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà kriminali korporattiva; mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-istati dwar l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar ta' każijiet transfruntiera, u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji internazzjonali għas-superviżjoni u l-infurzar; huwa tal-fehma li l-istrument il-ġdid għandu jimponi fuq l-Istati l-obbligu li jadottaw miżuri regolatorji li jirrikjedu li l-kumpaniji japplikaw politiki u proċeduri ta' diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jipproponi li dan l-obbligu għandu jkun infurzat permezz tal-kumpaniji li jkunu responsabbli quddiem il-ġurisdizzjoni fejn tkun ġiet ikkawżata l-ħsara, jew quddiem dik fejn il-kumpanija prinċipali tkun inkorporata jew fejn ikollha preżenza sostanzjali;

15.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jipproteġu n-negozjati minn interessi kummerċjali u interessi akkwiżiti oħrajn, billi jsegwu l-eżempju tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (WHO FCTC), inklużi regoli etiċi b'saħħithom għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u tal-lobbying mhux etiku, u billi jirrikjedu t-trasparenza sħiħa rigward l-interazzjonijiet tal-industriji mal-partijiet involuti fin-negozjati;

16.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi adottat approċċ sensittiv għall-ġeneru matul il-proċess kollu u li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli bħall-popli indiġeni u t-tfal;

17.  Ifakkar li l-Parlament esprima s-sostenn inekwivoku tiegħu favur dan il-proċess multilaterali tal-OEIGWG fi tmien riżoluzzjonijiet differenti;

18.  Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu involuti b'mod attiv f'dan il-proċess intergovernattiv permezz tal-ħolqien ta' grupp ta' ħidma li jinkludi d-dipartimenti rilevanti kollha tal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) u l-kumitati rilevanti tal-Parlament, abbażi tal-prinċipju tal-PCD;

19.  Itenni għal darb'oħra l-appell tiegħu sabiex l-UE u l-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom b'mod ġenwin u kostruttiv f'dawn in-negozjati u fil-proċess intergovernattiv bil-għan li jitwettaq il-mandat tal-OEIGWG; jenfasizza l-importanza assoluta li l-UE tikkontribwixxi b'mod kostruttiv għall-kisba ta' Trattat vinkolanti li jindirizza b'mod effettiv il-kwistjoni tar-responsabbiltà korporattiva għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi relatati;

20.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jiżguraw li n-negozjati li jwasslu għat-trattat isiru b'mod trasparenti, b'konsultazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' detenturi ta' drittijiet li potenzjalment jistgħu jintlaqtu minn dan it-trattat, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pjattaformi tal-vittmi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintegraw approċċ sinifikanti tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pożizzjoni ta' negozjar tagħhom;

21.  Jistieden lill-UE biex tiżgura li kwalunkwe reviżjoni jew dokument ta' strateġija futur li jkunu marbutin mal-Qafas Strateġiku u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludu referenza għall-objettivi ċari għall-parteċipazzjoni tal-UE fin-negozjati tat-trattat tan-NU;

22.  Jiddeċiedi li jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess tan-negozjati tal-OEIGWG;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

 

 

 

 

(1)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0230.

(3)

https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/european-commission-sector-guides-implementing-un-guiding-principles-business-and-hum-0_en

(4)

Opinjoni FRA – 1/2017 [B-HR].

(5)

http://www.etoconsortium.org/nc/en/main-navigation/library/maastricht-principles/?tx_drblob_pi1%5BdownloadUid%5D=23

(6)

https://www.unglobalcompact.org/

(7)

ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(8)

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

(9)

ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0066.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2017)0448.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2017)0196.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2017)0026.

(15)

ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(16)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 101.

(17)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 57.

(18)

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.

(19)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

(20)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.

(21)

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 209.

(22)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(23)

 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/578031/EXPO_STU(2017)578031_EN.pdf jew http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EXPO_STU%282017%29578031

(24)

http://www.oecd.org/corporate/mne/48004323.pdf

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza