Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0483/2018

Testi mressqa :

B8-0483/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0428

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0481/2018
17.10.2018
PE624.174v◄►
 
B8-0483/2018

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))


Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))  
B8-0483/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' Settembru 2014 dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tan-neo-Naziżmu u tal-estremiżmu tal-lemin,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni,

–  wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi n-nuqqas ta' azzjoni serja fil-konfront tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti ppermetta l-qawmien ksenofobiku li qed iseħħ bħalissa fl-Ewropa;

C.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi apertament neo-Faxxisti, neo-Nazisti u ksenofobiċi qegħdin jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà;

D.  billi, kif imsemmi mill-Europol fir-rapport tiegħu dwar is-sitwazzjoni u t-tendenzi tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (TESAT – European Union Terrorism Situation and Trend Report) tal-2018(5), il-Kummissarju responsabbli għas-Sigurtà, Sir Julian King, fit-22 ta' Marzu 2017, f'intervent tiegħu fl-okkażjoni ta' avveniment ta' kommemorazzjoni tal-attakki ta' Brussell tal-2016, issottolinja t-theddida dejjem tikber tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin u stqarr li ma jafx bi Stat Membru wieħed tal-UE li mhuwiex milqut b'xi mod jew ieħor minn dan il-fenomenu, u semma speċifikament l-attakki tan-Norveġja, l-assassinju tal-Membru Parlamentari tar-Renju Unit, Jo Cox, u l-attakki fuq iċ-ċentri tal-asil u l-moskej fl-Ewropa kollha biex jisħaq fuq dak li hu wissa kontrih bħala theddida "inqas irrapportata" għas-sigurtà;

E.  billi l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti jimmanifestaw ruħhom f'diversi forom; billi l-maġġor parti tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti jinvokaw il-prinċipju tal-libertà tal-kelma; billi d-dritt għal-libertà tal-kelma mhuwiex assolut;

F.  billi l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid b'mod ċar li xejn f'din id-dikjarazzjoni "ma jista' jkun mifhum li jagħti lil xi Stat, għaqda jew persuna l-jedd li jagħmel xi ħidma jew li jwettaq xi għemil bil-għan li jeqred xi jeddijiet jew libertajiet li huma mxandra" fiha;

G.  billi l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali tafferma li l-Istati Partijiet jikkundannaw il-propaganda kollha u l-organizzazzjonijiet kollha li jissejsu fuq ideat jew teoriji ta' superjorità ta' razza jew grupp ta' persuni ta' kulur jew oriġini etnika;

H.  billi l-promozzjoni tal-Faxxiżmu hija pprojbita f'diversi Stati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom;

I.  billi r-rapport TESAT 2018 tal-Europol irreġistra kważi d-doppju fl-għadd ta' individwi arrestati minħabba reati ta' estremiżmu tal-lemin fl-2017;

J.  billi fit-22 ta' Lulju 2011 inqatlu 77 ruħ u ndarbu 151 fl-attakki tan-Norveġja;

K.  billi fis-16 ta' Ġunju 2016 Jo Cox, Membru tal-Parlament tar-Renju Unit, ġiet brutalment assassinata f'Birstall, ir-Renju Unit;

L.  billi, skont ir-Rapport 2017 dwar il-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni (Fatti u Tendenzi) tal-aġenzija Ġermaniża għall-intelligence intern, Bundesamt für Verfassungsschutz (BfV), fl-2017 fil-Ġermanja ġraw 1 054 att ta' vjolenza tal-lemin estrem(6);

M.  billi, skont ir-rapport TESAT 2018 tal-Europol, ħames attakki terroristiċi li ġew sfrattati, li fallew jew li rnexxielhom iseħħu attribwiti lil individwi tal-lemin estrem ġew irrappurtati fl-2017(7);

N.  billi fil-21 ta' Settembru 2018 Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, u l-assistent tagħha Antonio Perillo ġew attakkati wara dimostrazzjoni anti-Faxxista f'Bari, l-Italja;

O.  billi s-servizz ta' intelligence Franċiż esprima tħassib dwar in-numru li qed jiżdied ta' membri tal-forzi militari u tal-infurzar tal-liġi li qed jingħaqdu ma' gruppi vjolenti tal-lemin estrem(8);

P.  billi, f'rapport ippubblikat fil-15 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), stabbilita mill-Kunsill tal-Ewropa, stqarret li tinsab allarmata minħabba ż-żieda fl-estremiżmu tal-lemin u n-neo-Faxxiżmu fil-Kroazja(9);

1.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-attakki terroristiċi, l-assassinji, il-vjolenza psikoloġika, l-attakki fiżiċi vjolenti u l-marċijiet li seħħew f'diversi Stati Membri tal-UE minn organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

2.  Jinsab profondament imħasseb dwar in-normalizzazzjoni li qed tikber tal-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza fl-UE;

3.  Jinsab partikolarment inkwetat dwar il-vjolenza neo-Faxxista li qed tolqot lis-soċjetà kollha kemm hi u li għandha fil-mira tagħha minoranzi partikolari bħalma huma l-Ewropej is-suwed / il-persuni ta' nisel Afrikan, il-Lhud, il-Musulmani, ir-Rom, iċ-ċittadin ta' pajjiżi terzi, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti kollha minn gruppi neo-Faxxisti kontra politiċi u membri ta' partiti politiċi, kif irrappurtat f'xi Stati Membri;

5.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-impunità li biha l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti qed joperaw f'xi Stati Membri u jenfasizza li dan is-sens ta' impunità huwa waħda mir-raġunijiet li jispjegaw għaliex l-azzjonijiet vjolenti minn ċerti organizzazzjonijiet tal-lemin estrem żdiedu b'mod allarmanti;

6.  Jirrikonoxxi t-tendenza preokkupanti tal-gruppi tan-neo-Faxxisti u neo-Nazisti li jużaw il-midja soċjali u l-internet biex jorganizzaw attivitajiet u jfasslu strateġiji madwar l-Unjoni Ewropea;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jissanzjonaw mingħajr eżitazzjoni d-delitti ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u t-tfigħ ta' ħtija fuq min ma ħaqqux min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha u fuq kull tip ta' midja, peress li dawn l-atti jinnormalizzaw u jsaħħu direttament il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu aktar miżuri biex jimpedixxu, jikkundannaw u jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw id-delitti ta' mibegħda u jieħdu passi legali fil-konfront tal-awturi tagħhom kif ukoll jikkondividu l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delitti ta' mibegħda, inklużi dawk motivati speċifikament mid-diversi forom ta' ksenofobija;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jippjanaw u jipprevedu appoġġ adegwat għall-vittmi ta' delitti razzisti jew ksenofobiċi u delitti ta' mibegħda, kif ukoll il-protezzjoni tax-xhieda kollha kontra l-awturi ta' tali delitti;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fil-ġlieda kontra d-delitti ta' mibegħda; jistieden lill-forzi tal-pulizija jiżguraw li l-persunal tagħhom ma jkunx involut f'xi forma ta' atti razzisti, ksenofobiċi jew diskriminatorji kif ukoll li kwalunkwe att kommess ta' dan it-tip jiġi investigat u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi appell għall-monitoraġġ u r-rappurtar min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-konfront tad-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda fl-Istati Membri;

13.  Jappoġġa, ifaħħar u jitlob il-protezzjoni tal-gruppi komunitarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

14.  Jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni konsolidata tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, inklużi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni ġdida, inkluża d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali;

15.  Ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha kienet Novembru 2010, tipprevedi bażi ġuridika biex jiġu imposti penali fuq persuni ġuridiċi li jinċitaw pubblikament il-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp ta' minoranza;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna r-rapport tagħha tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill imsemmija hawn fuq u tiftaħ proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma kkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni;

17.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa u f'ħinha bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji tal-intelligence, il-ġudikatura u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tal-neo-Naziżmu u l-estremiżmu tal-lemin;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ intern obbligatorju, ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u orjentat lejn is-servizz għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u għall-uffiċjali fis-sistema ġudizzjarja fil-livelli kollha;

20.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ lil dawk li jaħdmu fix-xandir pubbliku u fil-midja biex jissensibilizzawhom dwar l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ "programmi ta' ħruġ" nazzjonali għall-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti vjolenti; jissottolinja li tali programmi għandhom imorru ferm lil hinn minn interventi individwali u għandhom jinvolvu appoġġ fit-tul għal dawk li qed jitħabtu biex isibu impjieg, jirrilokaw jew jiżviluppaw netwerks soċjali ġodda u sikuri;

22.  Jenfasizza li waħda mill-prekundizzjonijiet biex tali delitti ma jitħallewx iseħħu fil-futur hija li dak li jkun ikun konxju minn dak li ġara fil-passat u li dan l-għarfien jiżvolġi rwol importanti fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar; jirrimarka li l-minimizzazzjoni tal-ħruxija tad-delitti Nazisti hija l-ewwel pass biex jerġgħu jitqajmu l-ideat minn dik l-era;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jiġġieldu l-forma kollha taċ-ċaħda tal-Olokawst, inklużi l-banalizzazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-delitti mwettqa min-Nazisti u mill-kollaboraturi tagħhom; jirrimarka li l-verità dwar l-Olokawst ma tridx tiġi banalizzata fit-taħdit politiku jew medjatiku;

24.  Jitlob li titrawwem kultura komuni ta' kommemorazzjoni li topponi d-delitti Faxxisti tal-imgħoddi; jinsab profondament inkwetat dwar il-fatt li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fl-Ewropa u fi bnadi oħra kulma jmur qed iħossuhom dejjem inqas ikkonċernati dwar l-istorja tal-Faxxiżmu u għaldaqstant jinsabu f'sogru li jsiru indifferenti għal theddid ġdid;

25.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz ta' kultura integrata dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inklużi l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst, u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi fuq numru ta' snin;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(3)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(5)

https://www.europol.europa.eu/activities-services/main-reports/european-union-terrorism-situation-and-trend-report-2018-tesat-2018

(6)

https://www.verfassungsschutz.de/en/download-manager/_annual-report-2017-summary.pdf

(7)

https://www.europol.europa.eu/activities-services/main-reports/european-union-terrorism-situation-and-trend-report-2018-tesat-2018

(8)

https://www.mediapart.fr/journal/france/090418/forces-de-l-ordre-liees-l-ultra-droite-violente-la-dgsi-s-inquiete?onglet=full

(9)

https://rm.coe.int/fifth-report-on-croatia/16808b57be

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza