MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna
17.10.2018 - (2018/2858(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Jørn Dohrmann, Zbigniew Kuźmiuk, Stanisław Ożóg, Beata Gosiewska f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0484/2018
B8‑0487/2018
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020[1],
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi għall-2017,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri (COM(2018)0181),
– wara li kkunsidra l-ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji milħuq fit-5 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (O-000095/2018 - B8-0410/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-Direttiva dwar it-tiġieġ tas-simna tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam;
B. billi fil-5 ta' Ġunju 2018 intlaħaq ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji;
C. billi l-UE hija produttur globali ewlieni tat-tiġieġ tas-simna, u s-settur tat-tjur jimpjega aktar minn kwart ta' miljun ruħ u 23 000 azjenda fuq skala kbira tat-tiġieġ tas-simna fl-Ewropa;
D. billi r-rapport reċenti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma rnexxielu juri l-ebda titjib sinifikanti rigward it-trattament xieraq tal-annimali, u wera li l-infurzar huwa, fl-aħjar ipoteżi, inkonsistenti fl-Istati Membri;
E. billi użu żejjed ta' mediċini veterinarji antimikrobiċi, speċjalment bħala promoturi ta' tkabbir u għal metafilassi u profilassi, huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw ir-reżistenza antimikrobika;
F. billi t-tniġġis mill-biedja industrijali qed jiżdied u jista' jkollu effetti severi fuq l-arja, il-ħamrija u l-ilma;
G. billi l-infurzar tad-Direttiva tal-2007 la huwa uniformi u lanqas effettiv;
1. Jilqa' l-ftehim dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji milħuq fit-5 ta' Ġunju 2018; jittama li dan se jwassal għat-tmiem tal-użu ta' mediċini bħala promoturi tat-tkabbir fl-ikel mibjugħ fis-suq Ewropew u li se jirrestrinġi l-użu ta' mediċini għall-metafilassi u l-profilassi għal każijiet strettament meħtieġa; jittama wkoll li dan se jiffaċilita l-innovazzjoni fil-qasam tal-mediċina veterinarja, u b'hekk jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika;
2. Jenfasizza li l-antimikrobiċi huma essenzjali għall-mediċina veterinarja u tal-bniedem biex jiġi trattat il-mard batterjali infettiv u żoonotiku;
3. Jinnota li l-użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi jista' jagħmilhom ineffettivi, li konsegwentement ikun ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem;
4. Jenfasizza li t-titjib tat-tekniki tat-trobbija tal-annimali se jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar għat-tjur u jnaqqas il-ħtieġa tal-użu ta' antimikrobiċi; eżempji ta' dan it-titjib huma li jiġu pprovduti dawl naturali, arja nadifa u aktar spazju, u li titnaqqas l-ammonijaka;
5. Jenfasizza li l-antimikrobiċi la għandhom jintużaw b'mod regolari, u lanqas biex jikkumpensaw għal prattiki ħżiena tat-trobbija tal-annimali, iżda għandhom jintużaw biss għal skopijiet ta' trattament kif preskritt minn kirurgu veterinarju meta jkunu ġew dijanjostikati każijiet speċifiċi ta' mard jew ta' infezzjoni sabiex jiġu evitati problemi ta' benessri;
6. Jenfasizza li kompetizzjoni inġusta se twassal għal kundizzjonijiet mhux ugwali, peress li dawk li ma jikkonformawx mar-regoli jġiegħlu lil dawk li jirrispettaw ir-regoli joħorġu barra mis-suq minħabba l-prezzijiet għoljin;
7. Jenfasizza li l-istess regoli għandhom japplikaw għall-prodotti importati;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
- [1] ĠU C 366, 27.10.2017, p. 149.