Proċedura : 2018/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0493/2018

Testi mressqa :

B8-0493/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.19

Testi adottati :

P8_TA(2018)0435

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0493/2018
22.10.2018
PE624.188v01-00
 
B8-0493/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))


Michael Gahler, Tunne Kelam, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Eduard Kukan, Julia Pitera, Dariusz Rosati, Jaromír Štětina, Fernando Ruas, Anders Sellström f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov (2018/2870(RSP))  
B8‑0493/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-24 ta' Diċembru 2003 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna dwar il-kooperazzjoni fl-użu tal-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-14 ta' Novembru 2017 dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar l-Ukrajna (SWD(2017)0376),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tal-15 ta' Mejju 2018 dwar il-ftuħ parzjali tal-pont ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1085(2) tat-30 ta' Lulju 2018, li permezz tagħha żdiedu sitt entitajiet involuti fil-bini tal-pont ta' Kerch mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-missjoni tas-Sottokumitat tiegħu dwar is-Sigurtà u d-Difiża li seħħew fil-Lvant tal-Ukrajna mis-16 sal-20 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov hija r-riżultat ta' deċiżjoni fil-ftehim bilaterali tal-2003 bejn l-Ukrajna u r-Russja, li tiddefinixxi dawn it-territorji bħala ilmijiet interni taż-żewġ Stati u tagħti liż-żewġ partijiet is-setgħa li jispezzjonaw bastimenti li jgħaddu lejn u mill-Baħar ta' Azov;

B.  billi l-bini tal-pont fl-Istrett ta' Kerch, li tlesta mill-Federazzjoni Russa f'Mejju 2018, sar mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna;

C.  billi, mit-tieni nofs ta' April 2018, il-gwardji tal-fruntiera Russi bdew iwaqqfu u jispezzjonaw bastimenti barranin li jkunu qed ibaħħru lejn u mill-portijiet Ukreni (Mariupol u Berdyansk) li jinsabu fil-Baħar ta' Azov; billi dawn l-ispezzjonijiet ikkoinċidew mal-fażi finali tal-bini tal-pont li jgħaqqad il-peniżola annessa illegalment tal-Krimea mar-Russja kontinentali permezz tal-pont tal-Istrett ta' Kerch;

D.  billi l-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch – l-uniku passaġġ bejn il-Baħar ta' Azov u l-Baħar l-Iswed – jillimita t-tranżitu ta' bastimenti tul l-Istrett lejn u mill-portijiet Ukreni fil-Baħar ta' Azov u ħoloq problemi serji fil-fluss liberu tal-merkanzija;

E.  billi l-pont li għadu kif inbena jillimita d-daqs tal-bastimenti li jistgħu jaslu fil-portijiet fil-Baħar ta' Azov, peress li l-pont huwa 35 metru għoli, u l-bastimenti li għandhom pixka tal-arja ta' inqas minn 33 metru u tul ta' inqas minn 160 metru biss jistgħu jgħaddu minn taħtu b'mod sikur; billi dan jelimina l-bastimenti ta' daqs Panamax, li jammontaw għal aktar minn 20 % tat-traffiku kollu tal-vapuri f'dawn l-ilmijiet;

F.  billi l-ispezzjonijiet twal u dettaljati ħafna li jsiru mill-Federazzjoni Russa fuq bastimenti li jkunu qed jivvjaġġaw jistgħu jieħdu sa 72 siegħa, jikkawżaw dewmien serju, tnaqqis fil-flussi tal-merkanzija u telf finanzjarju tanġibbli għall-ekonomija lokali Ukrena u lin-negozjanti li l-bastimenti tagħhom huma soġġetti għal dan ir-reġim;

G.  billi, skont sorsi tal-Gvern Ukren, aktar minn 200 bastiment kellhom jgħaddu minn dan ir-reġim ta' spezzjoni tedjanti sa tmiem Settembru, b'dan in-numru jinbidel minn jum għall-ieħor; billi, skont l-estimi tal-UE, aktar minn 120 vapur taħt bnadar ta' diversi Stati Membri tal-UE kienu affettwati matul l-istess perjodu;

H.  billi qabel il-ftuħ tal-pont fl-Istrett ta' Kerch fir-rebbiegħa ta' din is-sena, l-ispezzjonijiet kienu każwali u mhux intrużivi, affettwaw madwar wieħed minn kull ħamsin bastiment li qasam, u ma ħolqux tfixkil fil-fluss liberu tal-bastimenti u l-merkanzija;

I.  billi mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea, l-importanza tal-portijiet Ukreni ta' Mariupol u ta' Berdyansk fil-Baħar ta' Azov żdiedet b'mod sinifikanti, billi 80 % tal-volum tal-esportazzjonijiet marittimi tal-Ukrajna(3) jgħaddi minn dawn il-portijiet u l-ilmijiet;

J.  billi l-Federazzjoni Russa tkompli l-estrazzjoni illegali tar-riżorsi naturali (żejt u gass) mit-territorju Ukren, b'mod partikolari fil-peniżola okkupata illegalment tal-Krimea u fil-blata kontinentali tal-Baħar l-Iswed;

K.  billi, fis-16 ta' Settembru, b'reazzjoni għat-tensjoni li qed tiżdied u l-preżenza navali Russa dejjem tikber fil-Baħar ta' Azov allegatament biex tipproteġi l-pont tal-Istrett ta' Kerch, l-Ukrajna ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħloq bażi navali fuq dawn l-ilmijiet sal-aħħar tas-sena u ddeċidiet li tittrasferixxi forzi addizzjonali tal-Korp Marittimu u tal-artillerija kostali fil-kosta; billi r-Russja għandha vantaġġ ċar f'termini tal-kwantità ta' bastimenti u l-kapaċitajiet militari tagħhom li tista' tibgħat fiż-żona u f'dan ir-rigward qed tieħu vantaġġ mill-kontroll tagħha tal-peniżola tal-Krimea u l-port ta' Sevastopol;

L.  billi fis-17 ta' Settembru, l-Ukrajna ddeċidiet li tirrevoka t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa ffirmat fl-1997 bħala tweġiba għall-preżenza militari Russa miżjuda fil-Baħar ta' Azov;

1.  Jikkundanna l-attivitajiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov, li jikkostitwixxu ksur tal-liġi marittima internazzjonali u l-impenji internazzjonali tar-Russja stess; iqis l-attivitajiet ostili attwali bħala tentattiv baxx baxx biex dawn l-ilmijiet jiġu annessi u mibdula f'"lag intern" Russu;

2.  Jesprimi tħassib serju li l-azzjonijiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov qed jimpedixxu t-traffiku marittimu internazzjonali u jiksru l-libertà tal-ibħra u n-navigazzjoni, bil-għan li jkomplu jiddestabilizzaw lill-Istat Ukren u għad-detriment tal-pedamenti ekonomiċi tar-reġjuni tax-Xlokk tal-Ukrajna, fejn ir-rilevanza tal-portijiet tal-baħar hija kritika aktar minn qatt qabel mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea; iqis dawn l-azzjonijiet min-naħa tar-Russja bħala imblokk parzjali tal-portijiet tal-Ukrajna li jinsabu fil-Baħar ta' Azov;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà volatili ħafna fil-Baħar ta' Azov, li tista' faċilment teskala għal kunflitt miftuħ;

4.  Jipprotesta bil-qawwa kontra l-prattika diskriminatorja tar-reġim ta' spezzjoni mtawwal b'mod eċċessiv li għalih bastimenti li jaqsmu l-Istrett ta' Kerch lejn u mill-portijiet Ukreni huma soġġetti, b'dawn l-ispezzjonijiet ikunu qed jitwettqu minħabba theddid ta' sigurtà fittizju relatat mal-protezzjoni tal-pont il-ġdid fuq l-Istrett; jitlob spjegazzjoni għaliex il-bastimenti Russi u l-bastimenti l-oħra kollha ta' pajjiżi terzi fi triqithom lejn il-portijiet Russi fil-Baħar ta' Azov mhumiex soġġetti għal kontrolli simili; iqis li r-Russja qed tiddiskrimina b'mod konxju kontra l-portijiet Ukreni u qed tabbuża mid-drittijiet ta' spezzjoni tagħha;

5.  Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjun qed tiġi mminata mill-Federazzjoni Russa, u li d-dewmien u r-restrizzjoni tal-fluss tal-merkanzija affettwaw l-ammont ta' xogħol tal-portijiet tal-baħar tal-Ukrajna u fixklu l-ekonomija reġjonali; jirrimarka li t-telf finanzjarju diġà qed jammonta għal għexieren ta' miljuni ta' euro u jikkonċerna wkoll lin-negozjanti tal-UE li joperaw bastimenti f'dawn l-ilmijiet;

6.  Jikkundanna l-militarizzazzjoni kontinwa tar-Russja tal-Baħar ta' Azov u issa anke tar-reġjun tal-Baħar ta' Azov, b'mod partikolari bit-tisħiħ tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed u l-Gwardja Kostali fil-Baħar ta' Azov; jiddispjaċih li l-Baħar ta' Azov sar arena marittima ġdida ta' azzjonijiet belliġerenti Russi kontra l-Ukrajna;

7.  Jikkundanna l-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch li għaqqad il-peniżola annessa illegalment tal-Krimea mar-Russja kontinentali, bil-għan li tkompli tiġi integrata bil-forza l-peniżola mar-Russja u jiżdied l-iżolament minn mal-Ukrajna, li tagħha għadha tagħmel parti; iqis li dan huwa eżempju ieħor tal-Federazzjoni Russa li tikser is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

8.  Iqis li dan il-pont qed ifixkel serjament in-navigazzjoni fl-Istrett ta' Kerch bejn il-Baħar ta' Azov u l-Baħar l-Iswed;

9.  Jiddeplora l-estrazzjoni illegali tar-riżorsi taż-żejt u tal-gass min-naħa tal-Federazzjoni Russa mit-territorju Ukren; jenfasizza l-periklu possibbli tar-Russja li taħtaf ir-riżervi Ukreni eżistenti taż-żejt u tal-gass fil-Baħar ta' Azov ladarba tikseb l-għan tagħha li tittrasformah f'lag intern fi ħdan il-Federazzjoni Russa;

10.  Iqis li, sa issa, il-protesti tal-Punent, inklużi dawk mill-UE, kontra azzjonijiet Russi f'dan ir-rigward kienu dgħajfa u mhux effikaċi, minkejja n-natura serja u l-intenzjoni strateġika wara l-operazzjoni tal-Baħar ta' Azov tar-Russja u l-għadd dejjem jikber ta' bastimenti taħt il-bnadar tal-Istati Membri tal-UE affettwati minnha;

11.  Jappella lill-VP/RGħ biex issegwi aktar mill-qrib is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baħar ta' Azov, minħabba l-possibbiltà tagħha dejjem tikber ta' kunflitt fuq l-għatba tal-Ewropa, li jista' jkollha implikazzjonijiet ta' sigurtà usa' li jaffettwaw direttament lill-UE u lill-Istati Membri tagħha;

12.  Jappella lill-VP/RGħ tassisti lin-naħa tal-Ukrajna biex tieħu vantaġġ mill-azzjonijiet diplomatiċi u l-proċeduri legali kollha previsti mid-dritt internazzjonali u l-konvenzjonijiet rilevanti, inkluż il-proċess ta' arbitraġġ li għaddej bħalissa skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Ibħra, bil-ħsieb li tiġġieled kontra l-prattiki ostili Russi fil-Baħar ta' Azov;

13.  Itenni l-appoġġ sod u qawwi tiegħu lis-sovranità, lill-indipendenza u lill-integrità territorjali tal-Ukrajna;

14.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-omiċidju tal-massa fil-kulleġġ ta' Kerch fis-17 ta' Ottubru 2018, fejn 20 persuna nqatlu u għexieren oħra ndarbu, kif ukoll mal-poplu Ukren; jitlob li din it-traġedja ma tintużax bħala skuża mill-awtoritajiet Russi ta' okkupazzjoni biex isaħħu r-ripressjoni tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u ta' dawk li jopponu r-reġim il-ġdid kif ukoll biex ikomplu jimmilitarizzaw u jsaħħu l-kontroll tas-sigurtà tagħha fuq ir-reġjun;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tan-NATO, kif ukoll tal-OSKE.

 

(1)

ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(2)

ĠU L 194, 31.7.2018, p. 147.

(3)

https://worldview.stratfor.com/article/ukraine-and-russia-take-their-conflict-sea

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza