Proċedura : 2018/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0495/2018

Testi mressqa :

B8-0495/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.19

Testi adottati :

P8_TA(2018)0435

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0493/2018
22.10.2018
PE624.190v
 
B8-0495/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov  (2018/2870(RSP))


Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari f'isem il-Grupp S&D

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov  (2018/2870(RSP))  
B8-0495/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Krimea, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-15 ta' Mejju 2018 dwar il-ftuħ parzjali tal-Pont ta' Kerch,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata waqt l-għoxrin Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, li sar fi Brussell fid-9 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1085 tat-30 ta' Lulju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna(2), li żżid sitt entitajiet involuti fil-kostruzzjoni tal-Pont ta' Kerch mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li huma soġġetti għal miżuri restrittivi kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-24 ta' Diċembru 2003 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna dwar kooperazzjoni fl-użu tal-Baħar ta' Azov u l-Istrett ta' Kerch, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-10 ta' Diċembru 1982,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-annessjoni illegali tal-Krimea mal-Federazzjoni Russa bidlet il-pajsaġġ ġeopolitiku f'din il-parti tad-dinja b'implikazzjonijiet maġġuri fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, l-Istrett ta' Kerch u l-Baħar ta' Azov;

B.  billi r-Russja bniet il-Pont ta' Kerch, kif ukoll pipeline tal-gass, u poġġiet kejbils sottomarini, biex tgħaqqad il-Peniżola tal-Krimea mat-territorju Russu mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna u bi ksur ċar tas-sovranità u l-integrità territorjali tagħha; billi dan il-pont – minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu – jillimita l-passaġġ ta' ċerti bastimenti kummerċjali (vapuri tat-tip Panamax) mill-Istrett ta' Kerch għall-portijiet Ukreni fil-Baħar ta' Azov, jew minn dawn il-portijiet lejn il-Baħar l-Iswed, b'hekk jirrestrinġi n-navigazzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UNCLOS;

C.  billi l-bini ta' dan il-pont massiv kellu impatt negattiv fuq l-ambjent, li baxxa l-livell tal-baħar fl-Istrett u affettwa l-iskambju tal-ilma bejn il-Baħar ta' Azov u l-Baħar l-Iswed;

D.  billi fid-29 ta' April 2018, il-gwardji tal-fruntiera Russi bdew iwettqu kontrolli intensivi fuq il-bastimenti barranin, inkluż vapuri li jġorru l-bandiera tal-Istati Membri tal-UE, li rriżultaw f'dewmien twil mhux ġustifikat (sa sitt ijiem) u telf finanzjarju konsiderevoli għall-portijiet kummerċjali Ukreni ta' Mariupol u Berdyansk, kif ukoll għall-kumpaniji marittimi affettwati; billi dawn l-ibliet u r-reġjun tal-madwar diġà qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi minħabba l-annessjoni tal-Krimea u l-kunflitt appoġġat mir-Russja li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna;

E.  billi l-parti navigabbli tal-Istrett ta' Kerch tinsab fl-ilmijiet Ukreni;

F.  billi l-kontroll Russu de facto fuq il-peniżola tal-Krimea jirrestrinġi l-kapaċità tal-Ukrajna li teżerċita d-drittijiet tagħha fuq iż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tagħha u li tagħmel estrazzjoni tal-idrokarburi mill-blata kontinentali tagħha fil-Baħar l-Iswed u l-Baħar ta' Azov; billi fl-2016, l-Ukrajna ppreżentat kawża relatata mal-UNCLOS kontra l-Federazzjoni Russa biex tasserixxi d-drittijiet tagħha bħala stat kostali fiż-żoni marittimi kontigwi mal-Krimea okkupata illegalment, filwaqt li l-Federazzjoni Russa ressqet oġġezzjonijiet kontra l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal UNCLOS fit-22 ta' Mejju 2018;

G.  billi l-Federazzjoni Russa ħaffet l-espansjoni u l-immodernizzar tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed, immilitarizzat ulterjorment lill-Krimea, u intensifikat il-preżenza militari fil-Baħar ta' Azov, li qabel kien kważi kompletament demilitarizzat, inkluż bl-iskjerament mill-ġdid tal-flotta tagħha tal-Baħar Kaspju; billi l-Ukrajna, f'attentat biex tiddefendi d-drittijiet tagħha, skjerat forzi addizzjonali fiż-żoni kostali tagħha tal-Baħar ta' Azov u, fis-16 ta' Settembru 2018, ħabbret pjanijiet biex tibni bażi navali sal-aħħar tas-sena; billi ż-żieda fit-tensjonijiet u fil-preżenza militari tista' twassal għal inċidenti u eskalazzjoni ulterjuri b'konsegwenzi usa' għas-sigurtà Ewropea;

1.  Itenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, u l-kundanna ċara tiegħu għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mill-Federazzjoni Russa kif ukoll għall-appoġġ Russu lill-forzi separatisti fil-parti tal-Lvant tal-Ukrajna u n-nuqqas ta' konformità mal-Ftehimiet ta' Minsk;

2.  Jikkundanna l-bini tal-Pont ta' Kerch u l-ksur tad-drittijiet tan-navigazzjoni fl-ibħra territorjali tal-Ukrajna, li qegħdin jaffettwaw ukoll bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE; jirrimarka li r-Russja hija marbuta bid-dritt marittimu internazzjonali u bil-ftehim ta' kooperazzjoni bilaterali mal-Ukrajna li ma xxekkilx jew timpedixxi l-passaġġ ta' tranżitu permezz tal-Istrett ta' Kerch; jenfasizza li l-ispezzjonijiet tal-bastimenti, filwaqt li huma permessi li jsiru b'mod każwali, ma għandhomx jiġu abbużati jew imwettqa għal raġunijiet politiċi bl-għan li jiddestabbilizzaw ulterjorment is-sigurtà, l-integrità u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika fl-Ukrajn; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jitolbu li l-Federazzjoni Russa ttemm minnufih l-ispezzjonijiet intensivi u diskriminatorji fuq il-bastimenti u, fejn ikun meħtieġ, jikkunsidraw kontromiżuri xierqa;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq sitt entitajiet involuti fil-bini tal-Pont ta' Kerch; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li s'issa, is-sanzjonijiet ma kellhomx ir-riżultati mistennija, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiskoraġġixxu l-atti aggressivi tar-Russja u l-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim; jistieden lill-Istati Membri jibqgħu maqgħuda u jitkellmu b'vuċi waħda dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, u jħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini taġixxi bħala medjatur bejn Kiev u Moska sabiex jintlaħqu soluzzjonijiet negozjati u tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri;

4.  Jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna biex issolvi l-kwistjonijiet imqajma mill-azzjonijiet tar-Russja fir-rigward tal-bini tal-Pont ta' Kerch billi rrikorriet lejn it-Tribunal Arbitrali UNCLOS dwar id-drittjiet kostali tagħha fil-Baħar l-Iswed, fl-Istrett ta' Kerch u fil-Baħar ta' Azov; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa taċċetta l-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-impatt tal-isfida Russa ġdida fuq il-bliet Ukreni ta' Mariupol u Berdyansk, u b'mod aktar ġenerali, fuq il-kummerċ Ukren, u biex tippreżenta u timplimenta proġetti li jsaħħu r-reżiljenza soċjali u jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku ta' dawn il-bliet u r-reġjun tal-madwar fix-Xlokk tal-Ukrajna;

6.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt ambjentali avvers tal-Pont ta' Kerch li jista' jaffettwa l-interessi tal-pajjiżi kollha tal-baċir tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Ukrajna, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jinsabu fix-xtut tal-Baħar l-Iswed jimmonitorjaw is-sitwazzjoni, jiskambjaw informazzjoni rilevanti, u jidentifikaw ħtiġijiet potenzjali ta' rimedju;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar il-militarizzazzjoni tal-Krimea, tal-Baħar l-Iswed – bl-iskjerament ta' kapaċitajiet li jipprevjenu u jimpedixxu l-aċċess għaż-żoni (A2/AD) – issa wkoll fil-Baħar ta' Azov, li jimmina s-sigurtà tal-Ukrajna u tar-reġjun tal-madwar, inkluż uħud mill-Istati Membri tal-UE; jemmen li l-mandat tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) irid ikopri t-tensjonijiet il-ġodda fil-Baħar ta' Azov, u li l-missjoni għandha tkun mgħammra bil-mezzi meħtieġa biex twettaq ir-rwol ta' monitoraġġ tagħha fiż-żoni marittimi;

8.  Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi, u x-xewqat tiegħu għal irkupru malajr lil dawk li ndarbu fl-isparar reċenti fil-belt tal-Krimea ta' Kerch;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

(1)

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74.

(2)

ĠU L 194, 31.7.2018, p. 147.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza