imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul (2018/2885(RSP))
Charles Tannock, Raffaele Fitto, Karol Karski, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Hans‑Olaf Henkel, Monica Macovei, Branislav Škripek, Pirkko Ruohonen‑Lerner, Angel Dzhambazki, Jan Zahradil, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul(2018/2885(RSP))
B8‑0499/2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, irratifikata mill-Arabja Sawdija fl-2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar l-għajbien tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta' Ottubru 2018 mir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar il-qtil ta' Jamal Khashoggi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2018 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ ta' Jamal Khashoggi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fit-2 ta' Ottubru 2018, Jamal Khashoggi daħal fil-konsulat tar-Renju tal-Arabja Sawdija f'Istanbul, it-Turkija, biex jikseb xi dokumenti li jiċċertifikaw id-divorzju tiegħu;
B. billi, wara ġimagħtejn tiċħad u ssostni li ma kienet taf xejn dwar x'kien sar mis-Sur Khashoggi, l-Arabja Sawdija ammettiet li mewtu kienet ir-riżultat ta' ġlieda li seħħet fil-konsulat;
C. billi, mindu għeb u nqatel is-Sur Khashoggi, il-midja internazzjonali għamlet diversi spekulazzjonijiet dwar x'seta' sar minnu, abbażi tal-ħruġ ta' għadd kbir ta' informazzjoni fil-midja Torka dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin;
D. billi, allegatament, is-servizzi tal-intelligence Torok qed isostnu li, bis-saħħa ta' apparat integrat li evita d-detezzjoni, irnexxielhom jiksbu fajls awdjo u vidjow tal-qtil premeditat tas-Sur Khashoggi; billi, allegatament, il-President tat-Turkija Erdogan iddeċieda personalment, wara konsultazzjoni mill-qrib, x'dettalji mill-investigazzjonijiet Torok jiżvela lid-dinja u meta;
E. billi bħalissa għadha għaddejja investigazzjoni konġunta bejn it-Turkija u l-Arabja Sawdija, u l-President Erdogan iddikjara li se jiżvela d-dettalji kollha dwar dak li ġara fit-23 ta' Ottubru 2018, dakinhar stess tal-varar tal-Inizjattiva ta' Investiment Futur li se jsir f'Riyadh, fl-Arabja Sawdija;
F. billi, mindu ammettiet il-qtil ta' Jamal Khashoggi, l-Arabja Sawdija arrestat 18-il ċittadin Sawdi b'rabta mal-qtil u keċċiet lill-Viċi Kap tal-Intelligence u lil kollaboratur strett tal-Prinċep Eredi Mohammed Bin Salman Al Saud;
G. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha insistew fuq il-ħtieġa li tkompli ssir investigazzjoni b'reqqa, kredibbli u trasparenti, bil-għan li jinxeħet dawl fuq iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta' Jamal Khashoggi u jiżguraw li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
H. billi kemm l-Arabja Sawdija kif ukoll it-Turkija huma parti għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk suspettati li wettquhom; billi taħt il-Konvenzjoni tan-NU, id-delitt partikolari tal-qtil ta' Jamal Khashoggi huwa soġġett għal ġurisdizzjoni universali u kwalunkwe suspettat jista', għaldaqstant, jiġi arrestat ikun fejn ikun fit-territorju tal-pajjiżi firmatarji u, jekk applikabbli, ipproċessat fil-qrati domestiċi tagħhom;
1. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, il-qtil ta' Jamal Khashoggi u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u l-ħbieb tiegħu;
2. Jissottolinja l-importanza li jiġu difiżi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ġurnalisti; jisħaq fuq il-punt li t-theddid u l-attakki fuq il-ġurnalisti jew il-qtil tagħhom huma inaċċettabbli fi kwalunkwe ċirkostanza u jikkostitwixxu kwistjoni preokkupanti għall-aħħar;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Arabja Sawdija u l-konklużjonijiet preliminari tagħha, u jisħaq fuq il-punt li għadu neċessarju li jiġi ċċarat eżattament x'ġara fit-2 ta' Ottubru 2018, lil hinn mill-ipotesi li s'issa tqajmu fl-investigazzjoni Sawdija, li jeħtieġ li jiġu sostnuti minn fatti li jistgħu jitqiesu kredibbli;
4. Jisħaq fuq il-punt li jeħtieġ li jsiru u huma mistennija aktar sforzi biex tiġi stabbilita l-verità b'mod komprensiv, trasparenti u kredibbli; iħeġġeġ biex l-investigazzjoni issir bir-reqqa sakemm ir-responsabilitajiet jiġu stabbiliti b'mod ċar, u biex jiġu żgurati akkontabilità u proċess xierqa għal kwalunkwe reat li jkun sar;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud, lill-President tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Majlis ash-Shura u lill-President tal-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija.