Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0501/2018

Testi mressqa :

B8-0501/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 445kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0498/2018
22.10.2018
PE624.197v01-00
 
B8-0501/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul  (2018/2885(RSP))


Ángela Vallina, Marie‑Christine Vergiat, Sabine Lösing, Maria Lidia Senra Rodríguez, Malin Björk, Patrick Le Hyaric, Eleonora Forenza, Merja Kyllönen, Marie‑Pierre Vieu, Barbara Spinelli, Luke Ming Flanagan, Helmut Scholz, Paloma López Bermejo, Kateřina Konečná, Sofia Sakorafa, Nikolaos Chountis, Marisa Matias, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Martina Michels, Younous Omarjee, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Martin Schirdewan f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul  (2018/2885(RSP))  
B8‑0501/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-mewt ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-President tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju, Bernard Duhaime,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet li fiha ħeġġeġ lill-Arabja Sawdija tiżvela kull ma taf dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961 u l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-VP/RGħ Federica Mogherini fid-9 u fil-15 ta' Ottubru, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li jipproteġi l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u l-Artikolu 5 li jipprovdi li l-ebda persuna ma għandha tiġi soġġetta għal tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Artikolu 32(1) tagħha jiggarantixxi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni; u li l-Artikolu 8 tagħha jipprojbixxi t-tortura fiżika jew psikoloġika jew trattament krudili, degradanti, umiljanti jew inuman,

–  wara li kkunsidra l-Kompilazzjoni dwar l-Arabja Sawdija tat-30 ta' Awwissu 2018 mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem qabel l-ewwel sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Reviżjoni Perjodika Universali mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li se ssir bejn il-5 u s-16 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq(1), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi(2), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3) u tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-25 ta' Frar 2016(5) u tat-30 ta' Novembru 2017(6) u dik tal-4 ta' Ottubru 2018 li ssejjaħ għal embargo tal-armi tal-UE kontra l-Arabja Sawdija(7),

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi baqa' nieqes wara li kien ġie osservat l-aħħar huwa u dieħel fil-konsulat Sawdi f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018; billi r-reġim tal-Arabja Sawdija qatta' aktar minn ġimagħtejn ixerred verżjonijiet kontradittorji u xejn sinċiera rigward x'kien ġara lis-Sur Khashoggi u jiċħad kwalunkwe involviment fl-għajbien tiegħu;

B.   billi fil-midja Torka dehret informazzjoni estremament preokkupanti li tagħti x'wieħed jifhem li ġie ttorturat qabel ma sofra eżekuzzjoni extraġudizzjarja f'omiċidju sostnut mill-Istat li jinvolvi lill-awtoritajiet Sawdin, inkluż lil uffiċjali qrib il-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman; billi r-reġim tal-Arabja Sawdija finalment ammetta fid-19 ta' Ottubru li Khashoggi kien inqatel ftit wara li daħal fl-ambaxxata Sawdija, iżda billi r-reġim baqa' jsostni li kien miet fi "ġlieda bl-idejn" ma' uffiċjali Sawdin wara li faqqgħet ġlieda bejn Jamal Khashoggi u persuni li ltaqgħu miegħu fil-konsulat u li "d-diskussjonijiet (...) wasslu għal ġlieda, li wasslet għall-mewt tiegħu";

C.   billi, skont il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi "il-binjiet tal-missjoni m'għandhomx jintużaw bi kwalunkwe mod li ma jkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tal-missjoni kif stabbiliti fil-Konvenzjoni preżenti jew b'regoli oħra tad-dritt internazzjonali ġenerali";

D.   billi, wara l-għajbien ta' Khashoggi, ir-reġim tal-Arabja Sawdija ħoloq ostakoli biex jimblokka investigazzjoni f'waqtha, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u trasparenti; billi l-investigaturi ma tħallewx jidħlu jeżaminaw l-intern tal-konsulat tal-Arabja Sawdija sat-15 ta' Ottubru 2018 wara li ntlaħaq ftehim mal-awtoritajiet Torok, u billi l-aċċess għar-residenza tal-konslu ġenerali ngħata fis-17 ta' Ottubru 2018; billi l-konslu ġenerali, Mohammad al-Otaibi, telaq mill-pajjiż fis-16 ta' Ottubru 2018;

E.   billi, f'dawn l-aħħar xhur, il-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman mexxa repressjoni estensiva fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti nisa, avukati, ġurnalisti, studjużi u kittieba, li intensifikat minn mindu beda jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż; billi ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Sawdi bbażati barra mill-pajjiż siktu f'dawn l-aħħar xhur minħabba theddidiet kontra l-familji tagħhom fl-Arabja Sawdija;

F.   billi l-liġi tal-Arabja Sawdija tal-2014 kontra t-terroriżmu tinkludi definizzjoni estremament wiesgħa tat-terroriżmu, hekk li tippermetti li jiġu kriminalizzati atti ta' espressjoni paċifika, kif ukoll li individwi jinżammu detenuti sa 90 jum mingħajr aċċess għal membri tal-familja tagħhom jew għal avukat, u b'hekk iċċaħħadhom mis-salvagwardji legali kontra t-tortura;

G.   billi l-istati għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u vjolazzjonijiet gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, jinvestigaw allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u jressqu quddiem il-ġustizzja lil min ikun issuspettat li wettaqhom;

H.   billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura esprima t-tħassib tiegħu dwar l-eżistenza rrapportata ta' postijiet ta' detenzjoni sigrieti u n-nuqqas ta' istituzzjoni indipendenti li twettaq żjarat regolari u għall-għarrieda fil-postijiet ta' detenzjoni kollha fl-Arabja Sawdija;

I.   billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat tan-NU esprima tħassib serju li, fl-aħħar snin, l-għajbien furzat qed jintuża dejjem aktar għall-estrazzjoni tal-evidenza u l-investigazzjonijiet jiġu ffinalizzati barra mill-protezzjoni tal-liġi, u li dan ta' spiss jinvolvi l-koerċizzjoni u t-tortura; billi stati qed jaħtfu individwi barra mill-fruntieri tagħhom, bil-kunsens tal-istat ospitanti jew mingħajru, u billi din il-prattika qed tintuża biex tirreprimi d-dissens politiku jew allegatament biex tiġġieled it-terroriżmu;

J.   billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija għadha allarmanti, partikolarment rigward in-nuqqas ta' drittijiet demokratiċi, id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, u l-eżistenza tal-piena korporali u l-piena tal-mewt;

K.   billi l-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti mhijiex biss inkluża fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, iżda tikkostitwixxi regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li għaldaqstant hija vinkolanti fuq l-istati kollha, indipendentement minn jekk ikunux irratifikaw l-istrumenti internazzjonali rilevanti;

L.   billi l-piena tal-mewt għadha applikata fl-Arabja Sawdija għal varjetà wiesgħa ta' reati; billi r-reġim uffiċjalment wettaq 146 eżekuzzjoni fl-2017; billi jsiru eżekuzzjonijiet pubbliċi, u billi dawk li jiġu ġustizzjati jistgħu jissallbu u jintwerew fil-pubbliku;

M.   billi l-Arabja Sawdija tippreskrivi pieni għal biżibilju ta' reati, bħall-piena tal-mewt għall-blasfemija, l-omiċidju, atti ta' omosesswalità, serq jew tradiment, kif ukoll piena tal-mewt bit-tħaġġir għall-adulterju, jew amputazzjoni għal atti ta' banditiżmu;

N.   billi d-drittijiet tan-nisa jinkisru fl-Arabja Sawdija, peress li l-nisa jitqiesu inferjuri għall-irġiel u huma taħt il-kontroll ta' qarib minflok ma jkollhom il-libertà jieħdu d-deċiżjonijiet proprji tagħhom dwar ħwejjeġ bħal ħruġ jew vjaġġi; billi, minkejja t-tħabbira ta' miżuri limitati ħafna li taw xi drittijiet lin-nisa, is-sistema ta' tutela maskili għadha tippersisti, hekk li n-nisa jitħallew ikunu soġġetti għal detenzjoni arbitrarja jekk it-tutur jallega li huma diżubbidjenti; billi n-nisa Sawdi iġarrbu d-diskriminazzjoni fil-ħajja pubblika u fl-ispazju pubbliku, u billi prattiki ta' ħsara – inklużi ż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat, il-kodiċi obbligatorju tal-ilbies għan-nisa u l-poligamija – għadhom jippersistu fil-pajjiż;

O.   billi t-trattament ta' ħafna ħaddiema immigranti huwa inkwetanti ħafna, b'mod partikolari ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-bini jew bħala servi domestiċi, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jixbhu l-jasar u jinkludu t-tħaddim tat-tfal; billi dispożizzjonijiet diskriminatorji kontra ħaddiema barranin għadhom preżenti fil-liġijiet tax-xogħol tal-Arabja Sawdija; billi madwar 500 000 ħaddiem domestiku Indoneżjan mhux dokumentat bħalissa qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà estrema fl-Arabja Sawdija;

P.   billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija – appoġġjata mill-Istati Uniti, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn, il-Kuwajt, il-Ġordan, il-Marokk u s-Sudan – hija l-kawża ewlenija ta' mewt għall-persuni ċivili fil-Jemen, u hija responsabbli għal kriżi umanitarja drammatika f'dak il-pajjiż; billi din il-koalizzjoni wettqet vjolazzjonijiet gravi tad-dritt umanitarju, inkluż il-bumbardament ta' sptarijiet u skejjel, li rriżultaw fl-imwiet ta' eluf ta' persuni ċivili, l-aktar nisa u tfal; billi n-Nazzjonijiet Uniti akkużat lill-Arabja Sawdija li wettqet delitti tal-gwerra fil-Jemen;

Q.   billi, minbarra l-appoġġ qawwi mogħti mill-Istati Uniti, l-Arabja Sawdija sserraħ ukoll fuq l-appoġġ ta' ħafna Stati Membri tal-UE – fosthom ir-Renju Unit, Franza u Spanja – li għandhom relazzjonijiet politiċi qawwija mal-Arabja Sawdija, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-sigurtà u d-difiża; billi l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tal-Arabja Sawdija, hekk li tirrappreżenta aktar minn 16 % tal-kummerċ totali; billi għadd kbir ta' kumpaniji tal-UE huma investituri fl-ekonomija tal-Arabja Sawdija, b'mod speċjali fl-industrija taż-żejt tal-pajjiż, u billi l-Arabja Sawdija hija suq importanti għall-esportazzjoni tal-prodotti industrijali tal-UE f'oqsma bħad-difiża, it-trasport, l-industrija tal-karozzi u l-esportazzjonijiet ta' prodotti mediċi u kimiċi; billi l-Arabja Sawdija hija t-tieni l-akbar importatur ta' armi madwar id-dinja, u billi madwar 60 % tal-armi li timporta huma prodotti fl-UE;

R.   billi, fit-22 ta' Jannar 2015, ir-Re Salman tal-Arabja Sawdija ħa t-tron ta' monarkija ereditarja, fewdali, assoluta u mingħajr parlament elett; billi l-Arabja Sawdija għandha popolazzjoni ta' 28 miljun ruħ, li tħaddan 9 miljun barrani; billi l-Arabja Sawdija għandha rwol ewlieni fil-finanzjament, it-tixrid u l-promozzjoni madwar id-dinja ta' interpretazzjoni partikolarment rigoruża tal-Iżlam li nebbħet organizzazzjonijiet terroristiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil extraġudizzjarju ta' Jamal Khashoggi minn uffiċjali tal-Arabja Sawdija fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil għarustu, lill-familja tiegħu u lil ħbiebu; jitlob li ssir investigazzjoni f'waqtha, eżawrjenti, trasparenti, indipendenti u imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt tas-Sur Khashoggi;

2.  Jiddeplora l-użu mill-Arabja Sawdija tal-bini ta' missjoni diplomatika biex twettaq reat, li jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi; ifakkar li l-istati huma responsabbli skont id-dritt internazzjonali għal atti mwettqa mill-aġenziji jew mill-uffiċjali tagħhom jew fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħhom; jitlob li l-istat Sawdi jagħti rendikont sħiħ; jappoġġja t-talba magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex l-immunità ta' kwalunkwe uffiċjal Sawdi li jista' jkun involut titneħħa;

3.  Jiddeplora profondament il-verżjonijiet kontradittorji u xejn sinċieri rigward dak li ġara lil Jamal Khashoggi li xxerrdu mill-awtoritajiet Sawdin; huwa skantat li, skont il-midja Ewropea, 15-il Sawdi, fosthom Maher Abdulaziz Mutreb, qarib tal-Prinċep Eredi, waslu f'Istanbul filgħodu tal-jum tal-qtil ta' Jamal Khashoggi, u li l-biċċa l-kbira minnhom marru minnufih fil-konsulat qabel ma telqu fi tmiem il-waranofsinhar; huwa sorpriż ukoll li, skont l-istess sorsi, il-persunal tal-konsulat kien ingħata nofstanhar frank waranofsinhar; jikkunsidra li dan kollu jista' jikkostitwixxi sett ta' evidenza xejn anqas minn inkwetanti; iħeġġeġ lir-reġim biex, għaldaqstant, jikkoopera bis-sħiħ ma' kumitat internazzjonali ta' inkjesta indipendenti sabiex isolvi dan il-każ bi trasparenza u b'ċarezza sħiħa, u biex jgħid fil-pubbliku fejn jinsabu l-fdalijiet ta' Jamal Khashoggi;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija fl-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari rigward il-projbizzjoni tat-tortura, kif minquxa partikolarment fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li l-Arabja Sawdija ffirmatha u rratifikatha;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-Renju tal-Arabja Sawdija, u jappella lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija biex itemmu l-impożizzjoni kurrenti tal-pieni korporali, inklużi s-swat u l-amputazzjoni, fil-konfront ta' individwi li jkunu ġew ikkundannati; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija biex tqarreb il-liġijiet nazzjonali tagħha aktar lejn standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija biex iwaqqfu l-piena inaċċettabbli ta' Raif Badawi u jeħilsuh minnufih, flimkien mal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa Loujain al-Hathloul, Iman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Samar Badawi, Nassima al-Sada, Nassima al-Sada u nisa oħra li ġew detenuti b'mod arbitrarju u mingħajr akkuża formali minn mindu bdiet il-mewġa reċenti ta' arresti f'Mejju;

7.  Jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu dwar il-proċess li se jsir quddiem il-qorti tal-Arabja Sawdija inkarigata minn każijiet kontra t-terroriżmu ta' ħames individwi, fosthom iż-żagħżugħa Ghomgham u żewġha Moussa al-Hasshem li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt sempliċiment għax ħadu sehem fi protesti fil-Provinċja tal-Lvant; jikkundanna l-fatt li tal-anqas erba' ċittadini tal-Arabja Sawdija jinsabu l-ħabs ikkundannati għall-mewt għal reati mwettqa meta kienu taħt l-età ta' 18-il sena;

8.  Jissottolinja l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt f'kull każ, irrispettivament min-natura tar-reat; itenni s-sejħa tiegħu għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt u jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjoni ta' sentenzi tal-mewt fir-Renju tal-Arabja Sawdija; jikkundanna l-fatt li l-piena tal-mewt għadha qed tiġi applikata għal varjetà wiesgħa ta' reati, fosthom l-omosesswalità, ir-reati relatati mad-drogi, l-apostasija, il-maġija u s-sħarijiet;

9.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja r-ratifika f'Ottubru 2004 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), fil-prattika n-nisa fil-pajjiż għadha ssirilhom diskriminazzjoni b'bosta modi, bħal f'ħajjithom personali, fi kwistjonijiet tax-xogħol, fil-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, fis-sottomissjoni għall-irġiel, fil-vjolenza domestika mifruxa, jew permezz tar-restrizzjoni tal-moviment ħieles u tal-libertà li jagħżlu s-sieħeb tagħhom; jikkundanna l-kriminalizzazzjoni tan-nisa li jisfaw vittmi ta' stupru u ta' sfruttament sesswali, peress li ma jiġux protetti bħala vittmi iżda kkundannati bħala prostituti;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-trattament tal-ħaddiema immigranti, b'attenzjoni speċjali għall-qagħda tan-nisa li jaħdmu bħala ħaddiema domestiċi, li jinsabu f'riskju partikolari ta' vjolenza sesswali, u għall-qerda tax-xogħol tat-tfal;

11.  Jikkundanna l-fatt li, minkejja l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, u minkejja l-finanzjament ta' gruppi terroristiċi mill-pajjiż, l-Arabja Sawdija għadha l-alleat prinċipali tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri tal-UE fir-reġjun; jiddeplora l-istandards doppji li l-UE wriet fit-trattament ipokrita u preferenzjali tagħha fil-konfront tal-Arabja Sawdija, minħabba l-interessi ekonomiċi u ġeostrateġiċi tagħha u d-dipendenza tagħha fuq iż-żejt; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-relazzjoni mqarrba u notorja li teżisti bejn xi gvernijiet Ewropej, u b'mod partikolari l-familja rjali Spanjola, u d-dinastija Al Saud, kif ukoll l-interessi komuni tagħhom;

12.  Jiddenunzja l-pożizzjoni ipokrita tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti f'dan il-każ u l-intenzjoni tagħha li żżomm għaddej l-arranġament dwar il-kummerċ tal-armi bejn l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija; jitlob li l-UE ttemm ir-relazzjonijiet preferenzjali tagħha mal-Arabja Sawdija u twaqqaf kwalunkwe ftehim kummerċjali ma' dan il-pajjiż dment li jibqa' jwettaq vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jikkundanna l-intervent tal-Arabja Sawdija u l-alleati tagħha fil-Jemen, u huwa mħasseb profondament dwar il-kriżi umanitarja fil-pajjiż u, b'mod partikolari, dwar l-imblokk mill-forzi tal-koalizzjoni li jipprevjenu l-fluss tal-għajnuna umanitarja;

14.  Jiddeplora profondament l-effetti destabbilizzanti tal-bejgħ tal-armi minn xi Stati Membri tal-UE, bħal Spanja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Iżvezja, lir-Renju tal-Arabja Sawdija; jerġa' jtenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u t-tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet gravi tagħha tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-2 ta' April 2013 u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta' Diċembru 2008;

15.  Ifakkar lit-tmexxija tal-Arabja Sawdija fl-impenn tagħha li "tħares l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" meta applikat, b'suċċess, għas-sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013; jiddeplora profondament il-fatt li xi Stati Membri tal-UE vvutaw favur din is-sħubija, u wkoll favur dik tal-Arabja Sawdija fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, minkejja l-ksur kontinwu tal-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari tad-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu, fi ħdan il-qafas tan-NU, il-kanċellazzjoni tas-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kumitat Għarbi għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Re u lill-Gvern tal-Arabja Sawdija.

(1)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.

(2)

ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.

(3)

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0232.

(5)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(6)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0383.

(8)

ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza