Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0502/2018

Testi mressqa :

B8-0502/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 54k
22.10.2018
PE624.198v01-00
 
B8-0502/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))


Elena Valenciano, Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))  
B8‑0502/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,(5) tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7) u tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Ottubru 2018 tal-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kriżi tas-sistema tas-saħħa fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2018 dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Awwissu 2018 tal-portavuċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-avvenimenti l-aktar reċenti li ġraw fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-portavuċi tal-VP/RGħ dwar il-mewt tal-kunsillier muniċipali Fernando Albán fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt tal-15 ta' Settembru 2018 tal-Grupp ta' Lima dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-27 ta' Settembru 2018 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2018 tal-Presidenti tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu dwar il-mewt ta' Fernando Albán,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-20 ta' Awwissu 2018 il-Gvern Venezwelan vara pjan ekonomiku li ppreveda l-introduzzjoni ta' valuta ġdida, żvalutazzjoni monetarja qawwija, żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil sa livelli tal-prezzijiet internazzjonali u żieda ta' 5 900 % tal-paga minima; billi dawn il-miżuri ekonomiċi reċenti aggravaw it-triq tan-niżla li qabdet l-ekonomija u għandhom impatt devastanti fuq l-SMEs;

B.  billi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Venezwela qiegħda tkompli tmur għall-agħar anki minħabba l-impatt tas-sanzjonijiet internazzjonali; billi, skont il-Gvern Venezwelan, Euroclear iffriża l-assi pubbliċi sa EUR 1,2 biljun wara l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji internazzjonali; billi dawn il-fondi kienu allokati għax-xiri ta' mediċini u prodotti tal-ikel għall-pajjiż, li qiegħed ibati minn nuqqas ta' 90 % tal-mediċini, blackouts tal-elettriku frekwenti u kollass tas-servizzi pubbliċi;

C.  billi fit-8 ta' Frar 2018 il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħabbar il-bidu ta' investigazzjoni preliminari dwar l-allegati delitti kommessi fil-Venezwela minn April 2017 'il hawn; billi ġie allegat li l-forzi ta' sigurtà għamlu spiss użu eċċessiv tal-forza biex jisparpaljaw u joħonqu d-dimostrazzjonijiet, kif ukoll arrestaw u żammew f'detenzjoni eluf ta' membri preżunti jew effettivi tal-oppożizzjoni, uħud minnhom sfaw, allegatament, vittma ta' abbużi u maltrattament gravi matul id-detenzjoni; billi ġie wkoll irrapportat li ċerti gruppi ta' dimostranti rrikorrew għal metodi vjolenti, li kkaġunaw il-feriment jew il-mewt ta' xi membri tal-forzi tas-sigurtà;

D.  billi, fis-27 ta' Settembru 2018, grupp ta' Stati partijiet tal-QKI, jiġifieri r-Repubblika Arġentina, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Kolombja, ir-Repubblika taċ-Ċilì, ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika tal-Perù rreferew il-każ tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI; billi, skont l-Artikolu 14 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, dawn l-Istati talbu lill-Prosekutur jagħti bidu għal investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità li allegatament ġew kommessi fit-territorju tal-Venezwela mit-12 ta' Frar 2014, bil-għan li jiġi stabbilit jekk xi ħadd (jew xi wħud) għandux ikun mixli li kkommetta dawn id-delitti;

E.  billi, fit-28 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta il-konklużjonijiet dwar l-appell tal-Venezwela għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali ġodda f'konformità mal-istandards demokratiċi rikonoxxuti f'livell internazzjonali u mill-ordinament kostituzzjonali tal-Venezwela; billi, fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew estenda l-lista ta' miżuri restrittivi għal total ta' 18-il ċittadin Venezwelan li jokkupaw karigi uffiċjali u li huma responsabbli minn vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll li mminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela; billi dawn il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni ta' vvjaġġar u l-iffriżar tal-assi;

F.  billi, fl-4 ta' Awwissu 2018, il-President Maduro safa vittma ta' attakk bi droni waqt li kien qiegħed jitkellem f'avveniment li jfakkar il-81°anniversarju tal-armata nazzjonali; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha "[jirrifjutaw] kull forma ta' vjolenza u [jistennew] li ssir investigazzjoni komprensiva u trasparenti tal-attakk bi droni [...] biex taċċerta l-fatti, fir-rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem";

G.  billi, wara l-attakk bi droni, Juan Requesens, membru tal-Assemblea Nazzjonali, u Fernando Albán, esponent tal-oppożizzjoni fil-kunsill muniċipali, ġew detenuti mis-servizzi sigrieti Venezwelani (SEBIN); billi Fernando Albán miet fit-8 ta' Ottubru 2018 waqt li kien miżmum f'kustodja għand is-SEBIN; billi l-komunità internazzjonali, inklużi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Parlament Ewropew, talbu investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti biex tiċċara ċ-ċirkostanzi ta' mewtu;

H.  billi, skont il-Foro Penal, fil-pajjiż bħalissa hemm 183 priġunier politiku; billi Lorent Saleh, mexxej tal-istudenti detenut mill-2014 u attivista tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, kif ukoll wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Sakharov fl-2017, ġie liberat mill-Gvern Venezwelan fit-12 ta' Ottubru 2018 u awtorizzat imur Spanja biex jingħata kuri mediċi;

I.  billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali ffissa d-9 ta' Diċembru 2018 bħala d-data għall-elezzjoni tal-kunsilli muniċipali tal-pajjiż; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali ħabbar li 37 partit politiku se jkunu awtorizzati joħorġu għal din l-elezzjoni: 21 partit nazzjonali, li minnhom ħamsa huma ġodda; 11-il partit reġjonali; u ħames partiti indiġeni; billi l-partiti politiċi ewlenin, Acción Democrática (AD), Primero Justicia (PJ), Un Nuevo Tiempo (UNT) u Voluntad Popular, mhumiex se jkunu awtorizzati jieħdu sehem;

J.  billi, fl-okkażjoni tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018, l-UE u l-Istati Membri tagħha tennew il-pożizzjoni b'saħħitha tagħhom fir-rigward tal-kriżi politika fil-Venezwela, u affermaw fl-istess ħin li l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi attwali tal-pajjiż hija soluzzjoni politika demokratika; billi ġie deċiż li tkun eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt li l-objettiv tiegħu jkun dak li jippromwovi inizjattiva mmexxija b'mod konġunt mis-sħab reġjonali u internazzjonali prinċipali, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jwasslu għal proċess politiku;

1.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li afferma l-pożizzjoni tiegħu dwar il-Venezwela, matul il-leġiżlatura attwali, fit-tmien riżoluzzjonijiet preċedenti, l-aħħar waħda minnhom tmur lura għall-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil;

2.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-vjolazzjonijiet ripetuti tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-Venezwela u jesprimi solidarjetà maċ-ċittadini Venezwelani kollha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk kontra ċ-ċivili, jintemmu minnufih u li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda, ikunu rispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw l-istituzzjonijiet kollha eletti demokratikament, b'mod partikolari l-Assemblea Nazzjonali, jilliberaw lill-priġunieri politiċi kollha u jħarsu l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jirrifjuta kull forma ta' vjolenza u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familjari ta' Fernando Albán; ifakkar li huwa dmir tal-Istati jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità fiżika tal-persuni miżmuma f'kustodja u jsostni l-appelli favur investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti biex tiċċara ċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Fernando Albán;

4.  Jinsab ferm inkwetat bil-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela sejra għall-agħar, u kkawżat nuqqasijiet gravi ta' ikel u mediċini essenzjali kif ukoll fluss dejjem akbar u bla preċedenti ta' rifuġjati u migranti lejn il-pajjiżi ġirien u lil hinn; jitlob li jintlaħaq minnufih ftehim dwar pjan ta' aċċess umanitarju ta' emerġenza għall-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu b'urġenza l-għajnuna umanitarja mingħajr xkiel, u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lill-pubbliku; jitlob li tkun implimentata malajr risposta fit-terminu qasir biex tkun miġġielda l-malnutrizzjoni;

5.  Jenfasizza r-rispett sħiħ għall-indipendenza tal-valutazzjoni tal-Prosekutur tal-QKI dwar jekk għandux japplika jew le l-Istatut ta' Ruma għall-bidu ta' investigazzjoni fil-każ tal-Venezwela; ifakkar fl-impenji tal-UE favur il-multilateraliżmu u r-rwol tal-QKI fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti gravi kontra l-umanità u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

6.  Isostni l-istrateġija dupliċi tal-UE fil-konfront tal-Venezwela, kif definita mill-VP/RGħ fil-15 ta' Ottubru 2018; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' dawk responsabbli mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jsostni l-inizjattiva biex ikunu mnedija kuntatti esplorattivi mas-sħab reġjonali u internazzjonali, sabiex tkun eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt; ifakkar li l-unika soluzzjoni għall-kriżi tal-Venezwela hija soluzzjoni politika, demokratika u negozjata;

7.  Itenni li l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ġodda hija l-uniku mod biex tintradd il-leġittimità lill-istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż; ifakkar li l-komunità internazzjonali mhijiex se taċċetta r-riżultati elettorali jekk il-mexxejja tal-oppożizzjoni jintbagħtu l-ħabs u lill-partiti politiċi jkunilhom projbit jieħdu sehem fl-elezzjonijiet; ifakkar fl-appell preċedenti tiegħu biex jiġu liberati l-priġunieri politiċi kollha u jitħarsu l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

8.  Ifakkar li bagħat delegazzjoni mal-fruntieri tal-art Venezwelani mal-Kolombja u l-Brażil f'Mejju 2018 u jitlob li tintbagħat delegazzjoni ad hoc fil-Perù fl-2019 biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi migratorja tal-Venezwela fuq il-post;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(5)

ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza