Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0503/2018

Testi mressqa :

B8-0503/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0498/2018
22.10.2018
PE624.199v01-00
 
B8-0503/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))


Marietje Schaake, Pavel Telička, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))  
B8-0503/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi(2), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3), tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(4), u dawk tal-25 ta' Frar 2016(5) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen u tat-30 ta' Novembru 2017(6) u tal-4 ta' Ottubru 2018(7) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, li jappellaw għal embargo fuq l-armi madwar l-UE kollha kontra l-Arabja Sawdija minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-Jemen min-naħa tal-Arabja Sawdija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kanċillier Angela Merkel tal-21 ta' Ottubru 2018 dwar is-sospensjoni, għalissa, tal-esportazzjoni ta' armi lejn ir-Renju tal-Arabja Sawdija,

–  wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (VP/HR), Federica Mogherini, fid-9 u l-15 ta' Ottubru 2018, u d-dikjarazzjoni tagħha f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet li fiha ħeġġet lill-Arabja Sawdija tiżvela kull ma taf dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 mill-esperti tan-NU li fiha ntalbet investigazzjoni dwar l-għajbien tal-ġurnalista tal-Arabja Sawdija Jamal Khashoggi f'Istanbul,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġurnalist prominenti Sawdi Jamal Khashoggi ilu nieqes minn meta daħal fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018, u minn dakinhar ma deherx aktar; billi feġġet informazzjoni ta' tħassib serju rigward id-destin tiegħu, li wasslet għal allegazzjonijiet tal-possibilità ta' qtil extraġudizzjarju u omiċidju sponsorizzat mill-Istat;

B.  billi waqt telefonata mal-President tal-Istati Uniti Trump, ir-Re tal-Arabja Sawdija, Salman bin Abdulaziz, ċaħad kwalunkwe għarfien ta' dak li ġara minn Jamal Khashoggi;

C.  billi hemm allegazzjonijiet li filmat tas-CCTV tneħħa mill-konsulat, li l-persunal Tork kollu ġie ordnat jieħu ġurnata liv, li partijiet mill-konsulat ġej miżbugħin mill-ġdid wara l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, u li 15-il individwu Sawdi, li l-biċċa l-kbira minnhom għandhom rabtiet ċari mal-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman, mas-servizzi tas-sigurtà tal-istat, mal-militar jew ministeri oħra tal-gvern, waslu u ħallew Istanbul fuq żewġ ajruplani mikrija fit-2 ta' Ottubru 2018, il-jum meta għeb Jamal Khashoggi;

D.  billi, wara l-għajbien ta' Khashoggi, l-awtoritajiet Sawdin ħolqu ostakoli biex ifixklu t-twettiq ta' investigazzjoni f'waqtha, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u trasparenti; billi kien biss wara pressjoni internazzjonali u wara li ntlaħaq ftehim mal-awtoritajiet Torok, li l-investigaturi tħallew jeżaminaw ġewwa l-konsulat Sawdi fil-15 ta' Ottubru 2018 u ngħataw aċċess għar-residenza tal-konslu ġenerali fis-17 ta' Ottubru 2018; billi, skont il-midja Torka, il-konslu ġenerali, Mohammad al-Otaibi, ħalla l-pajjiż fis-16 ta' Ottubru 2018;

E.  billi fl-14 ta' Ottubru 2018 ir-Renju tal-Arabja Sawdija ħareġ dikjarazzjoni b'theddid ta' azzjonijiet kontra kull miżura potenzjali ta' restrizzjoni u ta' responsabbiltà meħuda minn gvernijiet u/jew organizzazzjonijiet b'reazzjoni għall-għajbien ta' Jamal Khashoggi;

F.  billi l-Arabja Sawdija ammettiet li l-qtil ta' Jamal Khashoggi seħħ fil-konsulat tagħha f'Istanbul;

G.  billi l-uffiċjali Torok u Sawdin ħabbru investigazzjoni konġunta dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi; billi l-esperti tan-NU appellaw għal investigazzjoni internazzjonali u indipendenti dwar l-għajbien tiegħu;

H.  billi l-istati għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u vjolazzjonijiet gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, jinvestigaw allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u jressqu quddiem il-ġustizzja lil min ikun issuspettat li wettaqhom;

I.  billi l-libertà tal-opinjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma drittijiet fundamentali ta' kull bniedem u huma prekundizzjonijiet u katalizzaturi kruċjali għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u jikkostitwixxu kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi midja ħielsa, diversa u indipendenti hija essenzjali fi kwalunkwe soċjetà għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ħidma tal-ġurnalisti, li twassalhom biex jikxfu l-abbużi tal-poter, jitfgħu d-dawl fuq il-korruzzjoni u jikkontestaw l-opinjoni ġeneralment aċċettata, ħafna drabi tqegħidhom f'riskju speċifiku ta' intimidazzjoni u vjolenza;

J.  billi l-Arabja Sawdija għandha l-akbar għadd ta' utenti Twitter fil-Lvant Nofsani; billi l-Arabja Sawdija tinsab fuq il-lista tal-"Għedewwa tal-Internet" tar-Reporters Without Borders (Reporters Mingħajr Fruntieri) minħabba ċ-ċensura tagħha tal-midja u tal-internet Sawdin, u l-ikkastigar ta' dawk li jikkritikaw lill-gvern jew lir-reliġjon; billi r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov għall-2015, Raif Badawi, kien soġġett għal piena korporali u għadu l-ħabs sempliċement għaliex esprima l-fehmiet tiegħu b'mod paċifiku;

K.  billi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet Sawdin ibbażati barra l-pajjiż, inkluż fi bliet kapitali tal-Punent, ħabbtu wiċċhom ma' theddid lill-familji tagħhom fl-Arabja Sawdija;

L.  billi, f'dawn l-aħħar xhur, il-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman mexxa repressjoni estensiva fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, kittieba u bloggers prominenti, li intensifikat minn mindu beda jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż;

M.  billi r-reġim Sawdi, fl-istess waqt, qed imexxi kampanja fuq il-midja internazzjonali li tiswa' ħafna flus, biex juru lilu nnifsu bħala forza ta' modernizzazzjoni, filwaqt li jħabbar riformi permezz ta' reklami fil-gazzetti u fuq billboards fil-bliet kapitali tal-Punent; billi l-Prinċep Eredi Mohammed bin Salman ivvjaġġa lejn l-Istati Uniti għal "tour madwar l-Amerika", li waqtu ltaqa' mal-President u ħafna mexxejja u personalitajiet ta' profil għoli fl-industrija tat-teknoloġija u tad-divertiment, inkluż ma' personalitajiet ċelebri;

N.  billi r-reġim Sawdi f'diversi okkażjonijiet poġġa taħt pressjoni, sfurza u hedded pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u mblukka investigazzjonijiet indipendenti internazzjonali b'reazzjoni għall-kritika minn dawk il-pajjiżi u organizzazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija jew ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa fil-Jemen;

O.  billi s-sistemi ta' sorveljanza u oġġetti oħrajn b'użu duwali ġew użati biex jintraċċaw u jiġu rintraċċati l-movimenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kritiċi fl-Arabja Sawdija;

1.  Jikkundanna l-għajbien furzat u l-allegati qtil extraġudizzjarju u omiċidju sponsorjat mill-istat ta' Jamal Khashoggi u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-maħbubin tiegħu;

2.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-informazzjoni dwar id-destin ta' Jamal Khashoggi u dwar l-allegazzjonijiet tal-implikazzjoni ta' aġenti Sawdin; jieħu nota tal-investigazzjoni li għaddejja minn uffiċjali Torok u Sawdin; jitlob, madankollu, li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt tiegħu; jappella sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jitressqu għall-ġustizzja quddiem qorti rikonoxxuta, kredibbli, indipendenti u imparzjali;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jiżvelaw fejn jinsab il-katavru tiegħu u jistieden lill-awtoritajiet Sawdin u Torok jipprovdu ċarezza u trasparenza sħiħa dwar l-investigazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-VP/HR tappoġġa s-sejħa minn esperti tan-NU għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti u sabiex toffri appoġġ sħiħ u assistenza teknika liż-żewġ inizjattivi internazzjonali u lill-awtoritajiet Torok fl-investigazzjoni tagħhom;

4.  Itenni li jekk l-għajbien u l-qtil ta' Jamal Khashoggi jiġu attribwiti lill-aġenti Sawdin, kemm l-entitajiet statali kif ukoll l-individwi jridu jagħti kont; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, ikunu lesti li jimponu sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq il-viżi u ffriżar tal-assi kontra individwi Sawdin, kif ukoll sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra r-Renju tal-Arabja Sawdija;

5.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jwettqu djalogu strutturali mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Kooperazzjoni tal-Golf;

6.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu tal-awtoritajiet Sawdin fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, kittieba u bloggers kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż, u jinsisti li l-awtoritajiet Sawdin jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu lil kulħadd jeżerċita d-drittijiet tiegħu liberament mingħajr l-ebda fastidju ġudizzjarju jew ritaljazzjoni oħra, bħal theddid lill-familji tagħhom;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jippermettu stampa u midja indipendenti u biex jiżguraw il-libertà tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline, il-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tad-difensuri u tad-dimostranti meta jagħmlu dimostrazzjoni paċifika; jenfasizza li d-difiża paċifika tad-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-għemil ta' rimarki kritiċi permezz tal-użu tal-midja soċjali huma espressjonijiet ta' dritt indispensabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet imqiegħda fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxuhom milli jitkellmu fuq il-midja soċjali u mal-midja internazzjonali;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sawdin dwar l-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra;

9.  Jistieden lill-Arabja Sawdija tħaffef ir-riformi soċjali u politiċi u jtenni l-ħtieġa li l-Arabja Sawdija tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem, inkluża l-ġlieda kontra l-impunità;

10.  Ifakkar lit-tmexxija tal-Arabja Sawdija fl-impenn tagħha li "tiddefendi l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" meta applikat b'suċċess għas-sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu għalkollox kwalunkwe swat bil-frosta ulterjuri ta' Raif Badawi u jeħilsuh immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, peress li hu meqjus bħala priġunier tal-kuxjenza li ġie miżmum u mogħti sentenza sempliċiment għax eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-każ tiegħu fi kwalunkwe kuntatt ta' livell għoli li jista' jkun hemm;

12.  Jappella għal moratorju fuq il-piena tal-mewt;

13.  Jistieden lill-Kunsill jimponi embargo fuq l-armi madwar l-UE fuq l-Arabja Sawdija, f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP, u embargo fuq l-esportazzjoni ta' sistemi ta' sorveljanza u oġġetti oħra b'użu duwali li jistgħu jintużaw fl-Arabja Sawdija għall-finijiet ta' repressjoni;

14.  Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tinqaleb għall-Għarbi (Sawdi);

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

(1)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.

(2)

ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.

(3)

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0232.

(5)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(6)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0383.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza