Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0505/2018

Testi mressqa :

B8-0505/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 416kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0498/2018
22.10.2018
PE624.201v01-00
 
B8-0505/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))  
B8‑0505/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), Rupert Colville, dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 dwar l-għajbien tas-Sur Khashoggi,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-għajbien tas-Sur Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Sawdi dwar l-għajbien tas-Sur Khashoggi, ċittadin Sawdi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta' Ottubru 2018 mir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar il-mewt tas-Sur Khashoggi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sur Khashoggi kien ġurnalista rinomat li darba kien parti mill-istabbiliment Sawdi iżda f'dawn l-aħħar snin kien sar kritiku tal-ħakkiema tar-renju u b'mod partikolari kritiku vokali tal-intervent tal-Gvern Sawdi fil-gwerra fil-Jemen; billi s-Sur Khashoggi ttrasferixxa ruħu f'Washington f'Settembru 2017 minħabba biża' ta' repressjoni fil-pajjiż, u beda jgħix f'eżilju volontarju;

B.  billi s-Sur Khashoggi kien f'Istanbul biex jikseb karti mill-awtoritajiet Sawdin sabiex jiżżewweġ l-għarusa tiegħu Torka; billi t-Tlieta, it-2 ta' Ottubru 2018, is-Sur Khashoggi daħal fil-konsulat Sawdi, u dik kienet l-aħħar darba li deher fil-pubbliku; billi l-uffiċjali Sawdin fil-bidu qalu li telaq mill-bini bejn 20 u 30 minuta wara l-wasla tiegħu; billi, fl-istess jum, il-persunal Tork fil-konsulat ġie mgħarraf biex jidħolx ix-xogħol dak in-nhar;

C.  billi l-Ġimgħa, il-5 ta' Ottubru 2018, l-Arabja Sawdija ppermettiet lill-awtoritajiet Torok ifittxu l-konsulat tagħha f'Istanbul; billi insegwitu tal-għajbien tas-Sur Khashoggi, il-ħitan tal-konsulat inżebgħu u ntlemaħ ekwipaġġ tat-tindif professjonali dieħel fil-bini;

D.  billi s-sorsi informali Torok qrib l-investigazzjoni qalu li s-Sur Khashoggi ġie mkaxkar mill-uffiċċju tal-konslu ġenerali lejn l-uffiċċju ta' maġenbu u mbagħad inqatel;

E.  billi qed jingħad li l-awtoritajiet Torok għandhom reġistrazzjoni awdjo tal-mewt tas-Sur Khashoggi; billi, fuq il-bażi ta' din ir-reġistrazzjoni mhux ikkonfermata, huwa maħsub lis-Sur Khashoggi l-ewwel ġie injettat b'sustanza mhux magħrufa u mbagħad imqatta' f'biċċiet meta kien għadu ħaj;

F.  billi l-awtoritajiet Torok identifikaw u rabtu mal-għajbien u l-qtil tas-Sur Khashoggi 15-il ċittadin Sawdi, fosthom gwardji rjali Sawdin, uffiċjali tal-intelligence, suldati u espert fl-awtopsja li vvjaġġjaw lejn Istanbul u lura dakinhar tal-għajbien tal-ġurnalista;

G.  billi l-uffiċjali Sawdin inizjalment ċaħdu l-allegazzjonijiet li s-Sur Khashoggi nqatel ġewwa l-bini tal-konsulat iżda ma ppreżentaw l-ebda evidenza biex jikkorroboraw l-istorja tagħhom, u ddikjaraw li l-kameras ma kinux qed jaħdmu fil-jum li fih is-Sur Khashoggi żar il-konsulat; billi l-Gvern Sawdi inizjalment stqarr li r-rapporti li jissuġġerixxu li s-Sur Khashoggi għeb fil-konsulat f'Istanbul jew li l-awtoritajiet Sawdin żammewh jew qatluh kienu assolutament foloz u mhux fondati;

H.  billi t-Tnejn, il-15 ta' Ottubru 2018, l-uffiċjali Sawdin qalu li nfetħet investigazzjoni interna fl-għajbien u l-qtil preżunt tal-kritiku tar-reġim Saudi u ġurnalista tal-Washington Post;

I.  billi l-Arabja Sawdija finalment ammettiet il-mewt tas-Sur Khashoggi u attribwit il-qtil għal “operazzjoni mhux awtorizzata”, filwaqt li ċaħdet li l-Prinċep Ereditarju Mohammed bin Salman u d-diriġenti ta' livell għoli tas-servizz tal-intelligence kienu konxji mill-operazzjoni;

J.  billi hemm tensjoni bejn it-Turkija u l-Arabja Sawdija li ġejja mill-interessi kunfliġġenti fir-reġjun, b'mod partikolari fir-rigward tal-Qatar;

K.  billi dawn l-avvenimenti qajmu tregħix pubbliku internazzjonali iżda l-mexxejja u l-organizzazzjonijiet internazzjonali qed jevitaw li jieħdu pożizzjoni qabel ma jkunu aktar ċerti dwar iċ-ċirkostanzi; billi numru ta' leġiżlaturi fl-Istati Uniti qed jinvokaw l-liġi Magnitsky (Global Magnitsky Act), biex jitolbu projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-armi kollha u l-interruzzjoni tal-koperazzjoni militari mal-Arabja Sawdija;

L.  billi r-rekord tal-Arabja Sawdija fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa inkwetanti ħafna u avvenimenti bħall-għajbien tas-Sur Khashoggi jqiegħdu inkwistjoni serja r-rieda tal-Prinċep Ereditarju Mohammed bin Salman li jirriforma verament l-pajjiż;

M.  billi l-Arabja Sawdija attwalment tinsab fil-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

1.  Jinsab imwaħħax bil-fatt li fl-2018 ġurnalista bi profil għoli jista' jisparixxi u jinqatel ġewwa bini ta' konsulat, u jenfasizza li l-prattika sistematika ta' għajbien sfurzat u qtil extraġudizzjarju ta' persuni tikkostitwixxi reat kontra l-umanità; jiddiplora l-fatt li dawn l-avvenimenti ddeġeneraw aktar l-liberta ġurnalistika fl-Arabja Sawdija u madwar id-dinja;

2.  Iqis li huwa ta' importanza kbira li jintefa' dawl fuq l-avvenimenti li wasslu għall-mewt tas-Sur Khashoggi; jappella għat-tnedija ta' investigazzjoni internazzjonali li tkun indipendenti u imparzjali dwar il-kwistjoni bl-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet Sawdin u Torok u jinsisti li dawk responsabbli, kemm l-awturi kif ukoll dawk li taw l-ordni, għandhom jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jappoġġa l-appell tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex titneħħa l-immunità diplomatika ħalli tali investigazzjoni tkun tista' sseħħ mingħajr xkiel;

4.  Jistieden lir-Renju tal-Arabja Sawdija biex iwettaq investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli, trasparenti u immedjata, kif imħabbar, u jipprovdi spjegazzjoni kompluta u dettaljata, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok u Sawdin biex jikkooperaw bis-sħiħ fuq din il-kwistjoni; jappella lill-UE biex toffri appoġġ u assistenza teknika lill-awtoritajiet Torok fl-investigazzjoni tagħhom;

5.  Huwa konvint li l-qtil tas-Sur Khashoggi huwa marbut direttament mal-kritika tiegħu dwar il-politiki tal-Arabja Sawdija, u b'mod partikolari l-kritika tiegħu dwar l-intervent Sawdi fil-Jemen; josserva li r-riformi tal-Prinċep Ereditarju Mohammad bin Salman ġew akkumpanjati minn repressjoni fuq d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà politika fil-pajjiż u mill-użu sistematiku tal-liġi kontra t-terroriżmu biex tiġi ġġustifikata t-tortura u l-priġunerija tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-allegazzjonijiet ta' qtil u qtil extraġudizzjarju sostnuti mill-Istat u mhuwiex sodisfatt bl-ispjegazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Arabja Sawdija; jitlob lill-Arabja Sawdija biex tipprovdi kjarifika ulterjuri dwar x'eżattament ġara fit-2 ta' Ottubru 2018 peress li l-verżjonijiet tal-avvenimenti pprovduti mhumiex kredibbli;

7.  Ifakkar lir-reġim Sawdi li, bħala parti għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, l-Arabja Sawdija hija obbligata li tieħu l-miżuri kollha biex tipprevjeni t-tortura, l-għajbien furzat u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, tinvestiga allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk suspettati li wettquhom;

8.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-VP/RGħ biex ikomplu jissorveljaw l-iżviluppi li jikkonċernaw l-omiċidju tas-Sur Khashoggi; jemmen li hemm bżonn ta' rispons b'saħħtu u unanimu mill-UE u l-attivazzjoni tal-ispettru sħiħ tal-għodod diplomatiċi tal-UE, inklużi sanzjonijiet immirati kontra dawk kollha li jinsabu responsabbli, jew involuti, fil-każ;

9.  Jappella, għal darb'oħra, għal projbizzjoni, fl-UE kollha, fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' apparat ta' sigurtà li jista' jintuża jew jintuża għar-repressjoni interna, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza tal-internet; jappella lill-VP/RGħ biex tirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mar-reġim Sawdi;

10.  Jemmen li, fid-dawl tal-ksur multiplu dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem kemm internament kif ukoll barra mill-Arabja Sawdija, il-pożizzjoni tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem hija insostenibbli u inerentement kontradittorja; jitlob lill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tissospendi s-sħubija tal-pajjiż;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Majestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Ereditarju Mohammad bin Salman Al Saud u lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza