Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0508/2018

Testi mressqa :

B8-0508/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0498/2018
22.10.2018
PE624.204v01-00
 
B8-0508/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Sandra Kalniete, David McAllister, Eduard Kukan, Anders Sellström, Michèle Alliot‑Marie f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))  
B8‑0508/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija,  

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja wara l-għajbien tal-ġurnalista Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Ottubru 2018 tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 dwar l-għajbien tal-ġurnalista Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Ottubru 2018 dwar il-mewt ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar il-mewt ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi ma deherx aktar minn meta żahar il-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018;

B.  billi l-Prosekutur Pubbliku tal-Arabja Sawdija ddikjara fid-19 ta' Ottubru 2018 li l-"investigazzjonijiet preliminari mwettqa mill-Prosekuzzjoni Pubblika fil-kawża tal-għajbien taċ-ċittadin Jamal bin Ahmad Khashoggi żvelaw li d-diskussjonijiet li seħħew bejnu u bejn il-persuni li ltaqgħu miegħu meta żahar il-konsulat tar-Renju f'Istanbul wasslu għal argument jaħraq u għal ġlieda maċ-ċittadin Jamal Khashoggi, li wasslet għall-mewt tiegħu";

C.  billi l-Prosekutur Pubbliku tal-Arabja Sawdija barra minn hekk stqarr li "l-investigazzjonijiet tiegħu f'dan il-każ qed ikomplu fir-rigward ta' 18-il individwu, li huma kollha ċittadini tal-Arabja Sawdija, sabiex isiru magħrufa l-fatti kollha u jiġu ddikjarati, u jinżammu responsabbli dawk kollha involuti f'dan il-każ u jitressqu quddiem il-ġustizzja";

D.  billi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija ddikjara fil-21 ta' Ottubru li "din kienet operazzjoni mhux awtorizzata, fejn individwi spiċċaw eċċedew l-awtorità u r-responsabbiltajiet li kellhom", u li "aħna determinati li nikkastigaw lil dawk kollha responsabbli għal dan il-qtil";

E.  billi l-Viċi President/HR iddikjara li "d-dettalji li qed joħorġu dwar iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta' Jamal Khashoggi huma inkwetanti ħafna";

F.  billi l-Kanċilliera Ġermaniża stqarret fil-21 ta' Ottubru li l-Ġermanja kienet ser tissospendi temporanjament l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija, minħabba ċ-ċirkustanzi mhux spjegati tal-mewt ta' Jamal Khashoggi;

G.  billi n-Nazzjonijiet Uniti kienu ħeġġew lit-Turkija u lill-Arabja Sawdija biex jagħmlu investigazzjoni konġunta dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, li għadha għaddejja; billi hemm ftehim bejn l-Arabja Sawdija u t-Turkija li jippermetti lill-investigaturi jidħlu f'bini tal-Arabja Sawdija f'Istanbul;

H.  billi sew l-Arabja Sawdija u sew it-Turkija huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, u għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u vjolazzjonijiet gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestigaw allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u li jressqu quddiem il-ġustizzja lill-persuni li jkunu suspettati li wettquhom;

I.  billi l-ministri tal-affarijiet barranin tal-G7 iddikjaraw li "dawk li huma responsabbli għall-għajbien tiegħu jridu jagħtu kont";

J.  billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kien wasal biex jinnegozja Memorandum ta' Ftehim mal-Arabja Sawdija;

1.  Huwa xxukkjat dwar il-mewt tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi; jikkundanna l-qtil ta' Jamal Khashoggi bl-aktar mod qawwi possibbli; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u lil ħbiebu;

2.  Jieħu nota tal-istqarrija tal-Prosekutur Pubbliku tal-Arabja Sawdija li tiddeskrivi s-sejbiet preliminari; jenfasizza li huma meħtieġa u mistennija sforzi ulterjuri sabiex issir magħrufa l-verità b'mod komprensiv, trasparenti u kredibbli; jitlob li l-investigazzjoni ssir bir-reqqa sakemm jiġu stabbiliti b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-persuni involuti u jintrefgħu r-responsabbiltajiet kif xierqa u jseħħ proċess ġust għal kull reat imwettaq;

3.  Jinkoraġġixxi aktar sforzi konġunti Sawdi-Torok biex tiġi stabbilita l-verità dwar x'ġara lil Jamal Khashoggi; jitlob lill-awtoritajiet Sawdi jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet Torok;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdi biex jipprovdu informazzjoni dwar il-preżenza u l-attivitajiet tal-grupp ta' 15-il raġel fil-konsulat Sawdi fit-2 ta' Ottubru 2018, kif ippruvat mill-awtoritajiet Torok;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha li għandhom dwar iż-żjara tas-Sur Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Torok jiżvelaw jekk għandhomx kwalunkwe reġistrazzjoni awdjo jew vidjow li turi li s-Sur Khashoggi ġie ttorturat u assassinat fil-bini tal-konsulat Sawdi, kif kien ġie rrappurtat fil-Washington Post;

7.  Jinnota li ċittadin Sawdi msemmi mill-midja Torka li hija favur il-gvern, bħala wieħed mill-irġiel suspettati bil-qtil ta' Jamal Khashoggi, ġie rrappurtat li miet f'inċident bil-karozza f'Riyadh;

8.  Jenfasizza l-importanza tad-difiża tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa ħielsa u tal-protezzjoni tal-ġurnalisti;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija u lill-Gvern tat-Turkija.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza