MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
22.10.2018 - (2018/2891(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Nikolaos Chountis, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Ángela Vallina f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, Artikolu 1(2), tal-Karta tan-NU tal-1945, u l-għan iddikjarat tiegħu ta' "l-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta' relazzjonijiet ta' ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom, u jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw b'mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu b'mod ħieles għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' nonintervent stabbilit fil-Karta tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-UE tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2015, li fiha l-firmatarji tennew mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex titħares l-ugwaljanza sovrana tal-Istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Avukat Ġenerali tal-Venezwela, Tarek William Saab, indika li skont ir-riżultati tal-awtopsja, huwa ċar li Fernando Alban għamel suwiċidju; billi l-konklużjonijiet tal-awtopsja jiżvelaw li l-evidenza kollha miġbura tikkoinċidi mal-ipoteżi ta' suwiċidju, bil-kawża tal-mewt tkun l-impatt wara l-waqgħa minn għoli ta' għaxar sulari; billi ma kien hemm l-ebda evidenza ta' abbuż fiżiku fuq il-ġisem qabel il-waqgħa, u b'hekk jiġu kkonfermati r-riżultati tal-investigazzjoni mill-Ministeru Pubbliku tal-Venezwela; billi matul l-investigazzjoni dwar Fernando Alban, inkixfu aktar minn 2 000 konverżazzjoni li jirriflettu l-approċċ konspiratur tiegħu fir-rigward tal-attentat qtil tal-President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, Nicolás Maduro;
B. billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija Stat demokratiku u soċjali li tiddefendi l-liġi u l-ġustizzja, b'separazzjoni sħiħa tas-setgħat; billi l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Venezwela huma l-uniċi entitajiet kompetenti u responsabbli għat-twettiq ta' kwalunkwe azzjoni b'rabta ma' investigazzjonijiet kriminali fit-territorju tal-Venezwela;
C. billi t-trattati jistabbilixxu li l-Unjoni Ewropea, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, trid tikkontribwixxi għar-rispett reċiproku fost il-popli u għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
1. Jiddispjaċih dwar il-mewt tas-Sur Fernando Alban u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu; jesprimi r-rispett tiegħu għas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; jirrifjuta, għalhekk, kull interferenza fil-proċeduri ġudizzjarji li għaddejjin bħalissa fil-livell nazzjonali;
2. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu l-investigazzjonijiet uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Venezwela, li ċċaraw u kkonfermaw il-fatti;
3. Itenni r-rispett sħiħ tiegħu għall-prinċipju ta' nonintervent fl-affarijiet domestiċi tal-istati skont id-dritt internazzjonali; jiddeplora bil-qawwa kwalunkwe interferenza mill-UE jew minn xi pajjiż ieħor fl-affarijiet interni tal-pajjiżi terzi; jiddispjaċih, f'konformità ma' dan il-prinċipju, dwar is-sanzjonijiet kontra l-Venezwela;
4. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu u solidarjetà mal-poplu tal-Venezwela, il-proċess Bolivarjan u l-President elett Nicolás Maduro; huwa kontra l-attakki kollha fuq id-demokrazija u s-sovranità tal-Venezwela;
5. Jiddeplora r-rwol tal-maġġoranza tal-midja internazzjonali fit-tixrid ta' xnigħat u l-użu ta' immaġnijiet foloz bil-għan li tiġi ġġenerata atmosfera ta' vjolenza u destabbilizzazzjoni li timmina l-Gvern tal-Venezwela; ifakkar li l-libertà tal-informazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem, u jitlob lill-midja internazzjonali taġixxi b'mod responsabbli u tkopri l-avvenimenti b'mod ġust, preċiż u bbilanċjat, li bħalissa mhuwiex il-każ;
6. Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerka Latina; jilqa' l-kisbiet sinifikanti tal-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerka Tagħna (ALBA) u tas-CELAC fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura u l-integrazzjoni finanzjarja;
7. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Venezwela u mal-oppożizzjoni demokratika għall-istabbiltà u l-paċi fil-Venezwela;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament tal-Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, kif ukoll lill-korpi reġjonali Latino-Amerikani, inklużi l-Unasur, l-ALBA u s-CELAC.