MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tkabbir taż-żona tas-sajd permessa fl-ibħra territorjali Libjani
22.10.2018
Innocenzo Leontini
B8-0510/2018
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tkabbir taż-żona tas-sajd permessa fl-ibħra territorjali Libjani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tas-sajd, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tal-politika komuni u l-finalizzazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi;
B. billi ż-żona ċentrali tal-Mediterran hija l-akbar żona ta' tranżitu għat-tonn u li n-nuqqas ta' possibilità ta' aċċess għal din iż-żona jikkawża konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ħafna għas-settur Ewropew tas-sajd tat-tonn;
C. billi l-UE diġà ppreżentat lil-Libja pakkett ta' kważi EUR 70 miljun għas-sostenn bilaterali, maqsum fi 23 proġett relatati ma' diversi setturi, prinċipalment permezz tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat (SEV) u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP);
D. billi l-ħtif ta' bastimenti tas-sajd Ewropej min-naħa tal-awtoritajiet Libjani huwa komuni;
1. iqis li l-Unjoni Ewropea, fl-ambitu tar-rapporti bilaterali tagħha u fid-dawl tas-sostenn ekonomiku kostanti offrut lil-Libja, għandha titlob għat-tkabbir taż-żona tas-sajd permessa fl-ibħra territorjali Libjani;
2. jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinnegozja ftehim mal-awtoritajiet Libjani sabiex is-sajjieda Ewropej jitħallew jidħlu, legalment u b'mod sikur, fiż-żona tas-sajd Libjana.