Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0552/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0552/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali attwali

27.11.2018 - (2018/2900(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Pervenche Berès, Peter Simon, Jeppe Kofod f'isem il-Grupp S&D
Miguel Urbán Crespo, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL
Sven Giegold f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0551/2018

Proċedura : 2018/2900(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0552/2018
Testi mressqa :
B8-0552/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0552/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali attwali

(2018/2900(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115 u 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-unjoni tas-swieq kapitali, li wieħed mill-objettivi primarji tagħha huwa li tiżgura l-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)[1] (''ir-Regolament tal-ESMA''), li jirrikjedi li l-ESMA tikkontribwixxi għall-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-ESMA, li jagħti lill-ESMA rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-trasparenza u l-ġustizzja fis-swieq finanzjarji, fil-monitoraġġ tal-attivitajiet finanzjarji, fil-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet u twissijiet, u fil-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni temporanja ta' tali attivitajiet jekk dawn ikunu jirrappreżentaw theddida għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-ESMA, kif ukoll l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010[2] tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), li jistipulaw li, fuq talba tal-Parlament, l-ESMA tista' ''twettaq inkjesta dwar tip partikolari ta' attività finanzjarja jew tip ta' prodott jew tip ta' kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet adatti għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti konċernati'',

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-ESMA, li jistipula li l-ESMA ''għandha taqdi rwol ġenerali ta' koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fejn żviluppi avversi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew il-ħarsien tal-konsumaturi u ta' utenti oħra tas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni''.

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[3], li jagħti lill-ESMA setgħat ta' intervent biex tipprojbixxi jew tirrestrinġi b'mod temporanju l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' ċerti strumenti finanzjarji jew ċerti tipi ta' attività jew prattika finanzjarja meta (a) l-azzjoni proposta tindirizza theddida sinifikanti għall-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew tas-swieq tal-komoditajiet jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni, (b) ir-rekwiżiti regolatorji skont id-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli għall-istrument finanzjarju jew l-attività rilevanti ma jindirizzawx it-theddida, u (c) l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu azzjoni biex jindirizzaw it-theddida jew l-azzjonijiet li ttieħdu ma indirizzawhomx b'mod adegwat,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-cum-ex magħmula minn konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi mmexxija mill-organizzazzjoni tal-midja Ġermaniża mingħajr skop ta' qligħ CORRECTIV fit-18 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Kumitat ta' Inkjesta tal-Bundestag Ġermaniż li investiga l-iskandlu, li wassal għal rapport[4] f'Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi u Daniżi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015[5] u tas-6 ta' Lulju 2016[6] dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni[7],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa[8],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018[9] dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar l-iskandlu tal-cum-ex,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa konġunta tal-Kumitati ECON/TAX3 tas-26 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ftehimiet cum-ex huma kkaratterizzati mill-banek u mis-sensara finanzjarji li jinnegozjaw malajr ishma bi (''cum'') drittijiet ta' dividendi u mingħajrhom (''ex''), bil-għan li jkunu jistgħu jaħbu l-identità tas-sid attwali; billi dawn l-iskemi ppermettew liż-żewġ partijiet li jitolbu tnaqqis tat-taxxa fuq it-taxxa fuq il-qligħ kapitali li tkun tħallset darba biss;

B.  billi, għalkemm huwa diffiċli li jiġi kkalkolat l-ammont massimu tad-dannu mġarrab, minħabba li ħafna azzjonijiet bdew fl-aħħar tas-snin disgħin u ilhom preskritti għal żmien konsiderevoli, id-dannu totali tal-iskandlu tal-fajls tal-cum-ex għall-Istati Membri affettwati huwa stmat li jkun mill-inqas EUR 55 biljun, ċifra li tammonta għal madwar terz tal-baġit totali tal-UE għall-2017;

C.  billi, skont rapporti, dan it-tip ta' negozju ħareġ bih l-avukat Ġermaniż Hanno Berger, li qed jiġġieled kontra allegazzjonijiet li t-tranżazzjonijiet cum-ex li ħadem fuqhom kienu illegali; billi s-Sur Berger ġie akkużat formalment f'qorti f'Wiesbaden talli allegatament irċieva rifużjonijiet illeċiti fuq tranżazzjonijiet li kellhom valur stmat ta' EUR 15,8 biljun (USD 18-il biljun), hekk li lill-awtoritajiet tat-taxxa swewlhom EUR 106 miljun skont il-kap ta' akkuża; billi l-prosekuturi fil-Ġermanja allegatament qed jinvestigaw ir-rwol ta' tużżani ta' banek, ditti tas-senserija, kumpaniji tal-kontabilità u ditti legali involuti fin-negozju;

D.  billi l-fajls cum-ex juru kriminalità finanzjarja professjonali u organizzata fuq skala mingħajr preċedent fl-Ewropa, u li dawk involuti allegatament ħadu vantaġġ minn lakuni tat-taxxa transfruntiera u minn prattiki ta' negozju legali biex l-azzjonisti jkollhom pretiża ta' sjieda doppja tal-istess ishma;

E.  billi ġie rrappurtat li dawn il-prattiki kriminali jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji Ġermaniżi u ta' Stati Membri oħra tal-UE, inklużi diversi banek kummerċjali kbar u magħrufin;

F.  billi, fl-2016, ġie żvelat li l-awtorità tat-taxxa Daniża naqset milli taġixxi wara bosta twissijiet li kumpaniji barranin kienu qed jabbużaw mir-regoli tat-taxxa tad-Danimarka u ffalsifikaw dokumenti sabiex japplikaw b'mod frodulenti għal rifużjonijiet tat-taxxa fuq id-dividendi, abbuż li kien stmat li sewa lill-awtorità tat-taxxa Daniża aktar minn EUR 1,5 biljun[10];

G.  billi, skont rapporti, il-Gvern Ġermaniż kien ilu snin jaf b'dawn il-prattiki frodulenti tat-taxxa, iżda informa lill-Istati Membri l-oħra biss fl-2015; billi ġie rrappurtat li l-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż qal li kien konxju minn 418-il każ differenti ta' frodi tat-taxxa cum-ex, b'valur kumplessiv ta' EUR 5,7 biljun;

H.  billi r-rapport finali tar-Raba' Kumitat ta' Inkjesta tal-Bundestag ikkonkluda, flimkien mal-qrati Ġermaniżi, li prattiki tat-taxxa bħal tranżazzjonijiet cum-ex li jinvolvu bejgħ bin-nieqes huma illegali, u li l-Assoċjazzjoni tal-Banek Ġermaniżi kienet kompliet għarrqet il-problema minflok ma għenet biex issolviha;

I.  billi l-influwenza tal-lobby tan-negozju, kif jidher f'dan il-każ u f'każijiet oħra, għandha għeruq fondi fl-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, hekk li huwa rappurtat li l-gruppi konsultattivi li jagħtu pariri lill-Bank Ċentrali Ewropew huma ddominati minn rappreżentanti tas-settur bankarju[11], u li l-akbar ditti tal-kontabilità huma inkorporati fit-tfassil tal-politiki tal-UE[12];

J.  billi l-investigazzjoni mill-konsorzju ta' ġurnalisti Ewropej tidentifika l-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Italja u Franza bħala huma s-swieq ewlenin li allegatament huma fil-mira għal prattiki ta' negozju cum-ex, segwiti min-Norveġja, il-Finlandja, il-Polonja, id-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka, u billi dawn il-prattiki potenzjalment jinvolvu għadd mhux magħruf ta' Stati Membri tal-UE kif ukoll ta' pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżvizzera, pereżempju);

K.  billi l-istituzzjonijiet pubbliċi ma setgħux jew ma ridux iwettqu investigazzjonijiet fil-fond rigward l-informazzjoni kondiviża mill-prosekuturi pubbliċi minn Stati Membri oħra dwar l-iskandlu cum-ex;

L.  billi l-arbitraġġ tad-dividendi mikxuf mill-iskandlu cum-ex jirrileva l-fatt li istituzzjonijiet finanzjarji, hedge funds negozjanti tal-ekwità, avukati u ditti internazzjonali kbar tat-taxxa, li wħud minnhom huma atturi kbar u importanti fis-suq kapitali Ewropew, ippromovew dawn il-prattiki b'mod attiv;

M.  billi veikoli bi skop speċjali (SPVs) jinsabu fiċ-ċentru tal-iskandlu, peress li l-bankiera tal-investiment u l-hedge funds kienu jistrutturaw SPVs li sussegwentement inbiegħu lil investituri minn operaturi tas-suq, b'self mill-banek, u b'hekk jimmultiplikaw il-volum tan-negozju b'sa 20 darba;

N.  billi l-fatt li l-investituri barranin huma intitolati jitolbu rifużjoni tat-taxxi minn ras il-għajn fuq dividendi jirrappreżenta parti ċentrali fl-iskandlu;

O.  billi, f'Diċembru 2017, il-Kummissjoni ressqet linji gwida ġodda dwar it-taxxi minn ras il-għajn biex tissimplifika l-proċeduri għall-investituri transfruntiera fl-UE, u ħeġġet lill-Istati Membri biex jadottaw sistemi ta' ħelsien mit-taxxi minn ras il-għajn; billi dan il-Kodiċi ta' Kondotta ġdid dwar it-Taxxa minn Ras il-Għajn[13], li bilkemm isemmi r-riskju ta' frodi u jissuġġerixxi li dan jiġi solvut b'sistemi tal-IT jew eżenzjoni f'ras il-għajn, iħaffef il-proċessi nazzjonali għall-approvazzjoni ta' talbiet għar-rifużjoni tat-taxxi minn ras il-għajn;

P.  billi l-Kummissjoni tirrileva li l-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid dwar it-Taxxa minn Ras il-Għajn jelimina r-riskju ta' aġir frodulenti bħal applikazzjonijiet għal rifużjoni doppja u talbiet mhux ġustifikati għal rifużjonijiet jew applikazzjonijiet għall-eżenzjoni; billi, madankollu, fil-kuntest tal-iskandlu cum-ex jidher evidenti li l-eżenzjoni f'ras il-għajn tqawwi r-riskju ta' nontassazzjoni doppja jew ta' tassazzjoni żero;

Q.  billi l-użu ta' taxxi minn ras il-għajn hija għodda fundamentali li l-Istati Membri jistgħu jużawha, u għandhom jużawha, biex b'mod unilaterali jikkontrobattu l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti;

R.  billi rriżulta li r-rwol tal-informaturi f'dawn l-aħħar 25 sena kien sinifikanti fl-iżvelar ta' informazzjoni sensittiva fil-punt fokali tal-interess pubbliku;

S.  billi l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar ir-Reati Finanzjarji, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) espliċitament ikopri kwalunkwe żvilupp rilevanti fi ħdan il-kompiti tal-Kumitat li jitfaċċa matul il-mandat tiegħu;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-frodi tat-taxxa, is-serq ta' flus il-kontribwenti Ewropej u l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jikkaratterizzaw l-iskemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi mikxufa fl-iskandlu cum-ex, li mminaw il-bażijiet tat-taxxa ta' diversi Stati Membri, u b'hekk ċaħħdu liċ-ċittadini minn beni pubbliċi u minn provvisti soċjali li tassew kellhom bżonnhom;

2.  Jirrileva li, skont id-Direttiva tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus[14], "reati fiskali" relatati ma' taxxi diretti u indiretti huma inklużi fid-definizzjoni wiesgħa ta' "attività kriminali" u jitqiesu reati predikati għall-ħasil tal-flus;

3.  Jinnota bi tħassib li l-iskandlu cum-ex heżżeż il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi tat-taxxa tal-UE u f'dawk nazzjonali, u jenfasizza kemm huwa kruċjali li titreġġa' lura l-fiduċja tal-pubbliku u li jiġi żgurat li kwalunkwe dannu kkawżat ma jiġix ripetut;

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej

4.  Jitlob li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u -Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jagħmlu inkjesta skont l-Artikolu 22 tar-regolamenti tal-ESMA u tal-EBA dwar l-użu ta' arranġamenti finanzjarji kumplessi għall-evażjoni u l-evitar tat-taxxa aggressiv, inklużi l-forom kollha ta' arbitraġġ tad-dividendi, sabiex jivvalutaw it-theddida li dawn jistgħu joħolqu għall-integrità tas-swieq finanzjarji u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

5.  Jirrakkomanda li l-inkjesta tistabbilixxi fejn kien hemm nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u fis-sorveljanza mis-superviżuri finanzjarji, mill-boroż u mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri kollha, biex b'hekk dawn l-iskemi ta' serq tat-taxxa setgħu jibqgħu għaddejjin snin sħaħ minkejja li kienu ġew identifikati;

6.  Jirrakkomanda li l-inkjesta tanalizza, tkejjel, tiddeskrivi u tidentifika r-rwol ta' parteċipanti differenti fis-suq – banek, kumpaniji ta' investiment, maniġers tal-assi, assiguraturi, hedgers, depożitarji u kustodji – u s-sehem tagħhom tul il-katina tal-valur iġġenerata minn dawn it-tranżazzjonijiet;

7.  Jirrakkomanda li l-inkjesta tistabbilixxi n-natura legali tal-fondi li ntużaw għal dan il-għan, tintraċċa l-oriġini tagħhom u s-sidien benefiċjarji aħħarin, u teżamina l-liċenzji tal-parteċipanti fis-suq involuti f'dawn il-prattiki ta' negozju frodulenti;

8.  Jissuġġerixxi li l-inkjesta tinkludi rakkomandazzjonijiet għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti, u li r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-inkjesta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

9.  Jappella lill-Kunsill biex jiskatta l-Artikolu 18 tar-regolamenti tal-ESMA u tal-EBA biex jiggarantixxi rispons Ewropew rapidu u kkoordinat, bl-impenn tal-ESMA u tal-EBA li jintervjenu fil-konfront ta' theddida kontinwa għall-integrità tas-sistema finanzjarja Ewropea, minħabba n-natura eminentement transfruntiera ta' dawn l-arranġamenti;

10.  Jitlob li ssir investigazzjoni pan-Ewropea kkoordinata dwar l-iskandlu, li tiżgura skambju ta' informazzjoni u, fejn dan ikun f'loku, ħidma investigattiva konġunta, bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati responsabbli għall-infurzar tal-liġi u għall-prosekuzzjoni;

11.  Jitlob li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej jingħataw mandat biex jeżaminaw prattiki ta' evitar tat-taxxa, peress li dawn jikkostitwixxu riskju għall-istabbiltà finanzjarja u għall-integrità tas-suq intern;

Inkjesti u sanzjonijiet

12.  Jitlob li l-Istati Membri identifikati bħala s-swieq ewlenin allegatament fil-mira għal prattiki ta' negozju tal-arbitraġġ ta' dividendi, jiġifieri l-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Italja, Franza, il-Finlandja, il-Polonja, in-Netherlands, l-Awstrija, in-Norveġja u r-Repubblika Ċeka, ikomplu jinvestigaw frodi potenzjali u prattiki oħra mwettqa minn istituzzjonijiet finanzjarji, avukati, kontabilisti u konsulenti tat-taxxa fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinvestigaw u janalizzaw bir-reqqa l-prattiki ta' ħlas tad-dividendi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, biex jidentifikaw il-lakuni fil-liġijiet tat-taxxa tagħhom li jiġġeneraw opportunitajiet għall-isfruttament minn dawk li jagħmlu frodi tat-taxxa u jevitaw it-taxxa, ħalli janalizzaw id-dimensjoni transfruntiera potenzjali ta' dawn il-prattiki u jtemmu kull prattika dannuża tat-taxxa;

14.  Iħeġġeġ lill-qrati tal-awdituri nazzjonali biex jagħmlu awditi tal-proċeduri ta' rifużjoni tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' dividendi u ta' ishma sabiex jidentifikaw id-danni possibbli mġarrba bħala riżultat tal-iskandlu cum-ex u l-lakuni li hemm fil-livell nazzjonali;

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiftħu investigazzjonijiet kriminali, jiffriżaw temporanjament assi suspettużi, jiftħu inkjesta dwar il-bordijiet ta' ġestjoni potenzjalment involuti f'dan l-iskandlu, jimponu penali u sanzjonijiet xierqa fuq il-partijiet involuti, u jieħdu l-passi meħtieġa biex jirkupraw l-assi kollha misruqa mit-teżor pubbliku;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi ggarantit l-irkupru tal-assi kollha misruqa mit-teżor pubbliku;

17.  Huwa tal-fehma li kemm l-awturi kif ukoll il-faċilitaturi ta' dawn ir-reati, li jinkludu mhux biss konsulenti tat-taxxa iżda wkoll avukati, kontabilisti u banek, għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien u jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tintemm l-impunità tal-kullar abjad u li jiġi żgurat infurzar aħjar tar-regolamenti finanzjarji;

It-tassazzjoni

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrevedu u jaġġornaw il-ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi biex jingħalqu l-lakuni li jinċentivaw il-prattiki ta' negozjar ibbażati fuq it-taxxa bil-għan li jiġu evitati t-taxxi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-ftehimiet kollha dwar it-tassazzjoni li huma potenzjalment dannużi u kwalunkwe lakuna possibbli fir-regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni komuni tal-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom, biex tipproponi miżuri ta' politika aġġornati ġodda biex jiiġu indirizzati prattiki ta' arbitraġġ ta' dividendi, u biex jittiħedu l-passi meħtieġa biex il-kummerċjanti ma jitħallewx jisfruttaw lakuni fil-liġi fiskali;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni ma tkomplix tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw sistemi ta' ħelsien mit-taxxi minn ras il-għajn;

21.  Jitlob lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jikkunsidraw projbizzjoni fuq strumenti, attivitajiet jew prattiki finanzjarji xprunati mit-taxxa, b'mod partikolari fuq l-arbitraġġ tad-dividendi, jekk l-awturi tagħhom jonqsu milli jagħtu prova li dawn l-arranġamenti finanzjarji kumplessi għandhom skop ekonomiku sostantiv li mhuwiex l-evitar tat-taxxa;

22.  Jappella biex ir-rwol ta' vetturi bi skopijiet speċjali (SPVs) u entitajiet bi skopijiet speċjali (SPEs) jiġu investigati u biex il-Kummissjoni tikkunsidra li tillimita l-użu ta' dawn l-istrumenti, filwaqt li tqis li sehem għoli tal-użu tagħhom fi flussi ta' investiment dirett barrani nstab li huwa indikatur ta' ppjanar fiskali aggressiv[15];

23.  Jinnota li s-Senat Franċiż, fi sforz biex jiġġieled il-prattika tal-arbitraġġ tad-dividendi, ressaq emenda għall-abbozz tal-baġit li tagħmilha possibbli li jinżamm 30 % tal-valur tat-tranżazzjoni lil benefiċjarju barrani, li jiġu rimborżati a posteriori jekk juru li huma s-sid benefiċjarju aħħari; jistieden lil-leġiżlaturi Ewropej jevalwaw il-possibilità li jimplimentaw din il-miżura fil-livell tal-UE;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni

24.  Jiddispjaċih mill-fatt li jidher li dawn ir-rivelazzjonijiet ġodda jindikaw nuqqasijiet possibbli fis-sistemi attwali ta' skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tat-tassazzjoni u tal-kriminalità finanzjarja; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE li jikkooperaw b'mod sinċier, leali u fil-pront; jistieden lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali jisfruttaw il-potenzjal kollu tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni kif previst fl-emendi konsekuttivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni[16];

25.  Jiddispjaċih li d-Direttiva tal-Kunsill 2018/822/UE tal-25 ta' Mejju 2018 (DAC6) li ġiet adottata reċentement[17] ma kinitx se tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet cum-ex, peress li dawn ma kinux se jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet li għandhom jiġu rrappurtati, u jitlob li d-DAC6 tiġi emendata sabiex tirrikjedi l-iżvelar obbligatorju ta' skemi ta' arbitraġġ ta' dividendi, inkluż l-għoti ta' rifużjonijiet tat-taxxa fuq il-qligħ fuq id-dividendi u l-kapital;

26.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri jinnominaw Punti Uniċi ta' Kuntatt (SPoCs) bi qbil mat-Taskforce Internazzjonali Konġunta tal-OECD dwar l-Intelligence u l-Kollaborazzjoni Komuni, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom, bil-ħsieb li taċċerta ruħha li informazzjoni dwar każijiet b'rilevanza transfruntiera tiġi kondiviża malajr u b'mod effiċjenti bejn l-Istati Membri;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet fiskali permezz tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, kif ukoll jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) permezz tal-FIU.net, u b'hekk itejbu t-trasparenza, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-koordinazzjoni, kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta leġiżlattiva għal Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE, ċentru Ewropew għal xogħol investigattiv konġunt u mekkaniżmu ta' twissija bikrija;

28.  Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Ċentru tal-UE għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika Fiskali (EUTPCCC) fi ħdan l-istruttura tal-Kummissjoni[18], li jiżgura kooperazzjoni effettiva u rapida bejn l-Istati Membri u jiffaċilita t-twissija bikrija f'każijiet bħall-iskandlu cum-ex; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw din is-sejħa u lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal tali mekkaniżmu;

Regolamentazzjoni aħjar tas-swieq finanzjarji

29.  Jenfasizza li l-faċilitaturi u l-promoturi tal-frodi tat-taxxa għandhom jinżammu legalment koresponsabbli meta jfasslu tranżazzjonijiet cum-ex u pjanijiet ta' taxxa aggressivi komparabbli; jirrimarka li meta dawn jieħdu sehem fi frodi, huma għandhom ikunu sistematikament responsabbli kemm għal sanzjonijiet kriminali kif ukoll għal miżuri dixxiplinari;

30.  Jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħtieġa għal qafas Ewropew għal tassazzjoni fuq id-dħul kapitali li jnaqqas l-inċentivi li jiddestabbilizzaw il-flussi finanzjarji transfruntiera, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali fost l-Istati Membri u jimminaw il-bażijiet tat-taxxa li jiggarantixxu s-sostenibilità tal-istati soċjali Ewropej;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu sehem fil-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa biex jilħqu ftehim malajr kemm jista' jkun dwar Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF); jenfasizza li, kieku ġiet stabbilita TTF, dan it-tip ta' prattika kienet tkun skuraġġita u ma kinitx tkun daqshekk profittabbli għal dawk li jwettqu frodi tat-taxxa;

Żieda fir-riżorsi għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja

32.  Jiddispjaċih mill-fatt li l-kriżi finanzjarja rriżultat fi tnaqqis ġeneralizzat ta' riżorsi u ta' persunal fl-amministrazzjonijiet fiskali tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jinvestu u jimmodernizzaw l-għodod disponibbli għall-awtoritajiet fiskali u tal-UIF u jiddedikaw ir-riżorsi umani meħtieġa għal dan il-kompitu, sabiex itejbu s-sorveljanza u jnaqqsu l-ħin u l-lakuni ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-persuni taxxabbli, bil-ħsieb li jiġi żgurat kemm jista' jkun li talbiet għal rifużjonijiet tat-taxxa ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati u rimborżati mingħajr prova li t-taxxi jkunu fil-fatt tħallsu;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-ESMA u lill-EBA jżidu b'mod sostanzjali r-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja;

Aċċellerazzjoni tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni oħra tal-UE

34.  Jiddeplora l-fatt li diversi fajls leġiżlattivi, bħal dawk dwar ir-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż u l-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK), immirati biex jiżguraw koerenza akbar fost ir-regoli tat-taxxa, trasparenza akbar u skambju ta' informazzjoni, huma attwalment imblukkati mill-Istati Membri fil-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri jilħqu ftehim rapidu dwar dawn il-fajls; jitlob ukoll li tintemm ir-regola dwar l-unanimità fil-Kunsill għal kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-informaturi li jiżvelaw informazzjoni dwar il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, pereżempju fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE; jistieden lil kull min għandu informazzjoni ta' valur għall-interess pubbliku biex jirrappurtaha, internament jew esternament, lill-awtoritajiet nazzjonali, jew fejn ikun meħtieġ, lill-pubbliku; u jitlob li l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018)0218) tiġi adottata malajr filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet adottati mill-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew;

36.  Ifakkar li l-ħlas tat-taxxi huwa kemm kontribuzzjoni korporattiva essenzjali għas-soċjetà kif ukoll għodda għal governanza tajba, u għalhekk huwa rekwiżit għal mġiba responsabbli fin-negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi prattiki fiskali dannużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR);

37.  Ifakkar li kemm l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll il-konsulenti tat-taxxa, il-kontabilisti u l-avukati, jitqiesu bħala "entitajiet marbutin b'obbligu" skont id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, u għalhekk huma marbuta li jikkonformaw ma' sett ta' dmirijiet biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrappurtaw attivitajiet ta' ħasil tal-flus;

38.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 biex temenda, fost regolamenti oħra, ir-regolament li jistabbilixxi l-EBA sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-EBA is-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus tas-settur finanzjarju (COM(2018)0646); jenfasizza li, skont il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-BĊE għandu l-kompitu li jwettaq azzjonijiet ta' intervent bikri kif stabbilit fid-dritt rilevanti tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-BĊE għandu jkollu rwol ta' twissija tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għandu jikkoordina kwalunkwe azzjoni rigward suspetti ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus f'banek jew gruppi taħt superviżjoni;

Segwitu istituzzjonali

39.  Jistieden lill-Kumitat Speċjali TAX3 jwettaq il-valutazzjoni tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet cum-ex u jinkludi r-riżultati u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti fir-rapport finali tiegħu;

40.  Itenni li għandu jiġi stabbilit mill-aktar fis sottokumitat permanenti dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, wara r-rakkomandazzjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja fit-13 ta' Diċembru 2017[19];

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza