Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0583/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0583/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka

11.12.2018 - (2018/2975(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Bart Staes, Julia Reda, Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0582/2018

Proċedura : 2018/2975(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0583/2018
Testi mressqa :
B8-0583/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8‑0583/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka

(2018/2975(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni[1] għas-snin 2014, 2015 u 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[2] (ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu dwar il-kunflitti ta' interessi,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni mibgħuta mill-Partit Pirata Ċek fit-2 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-ilment uffiċjali mressaq quddiem il-Kummissjoni minn Transparency International tar-Repubblika Ċeka fid-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018, bit-titolu "L-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitt ta' interessi) fuq pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE)",

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mogħtija fl-20 ta' Novembru 2018 mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, bit-titolu "Regoli ta' Kunflitt ta' Interessi fir-Regolament Finanzjarju 2018",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dispożizzjoni fir-Regolament Finanzjarju tal-2012 dwar il-kunflitti ta' interessi ma kienetx tapplika b'mod espliċitu għall-ġestjoni kondiviża, iżda l-Istati Membri kienu obbligati jiżguraw kontroll intern effettiv inkluż l-evitar ta' kunflitti ta' interessi;

B.  billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interessi (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE[3]), inklużi interessi personali diretti jew indiretti, u għal sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interessi jew obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża, ir-regoli (eż. ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013[4]) huma diġà fis-seħħ;

C.  billi l-Kunsill adotta r-Regolament Finanzjarju l-ġdid fit-18 ta' Lulju 2018; billi l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li jipprojbixxi l-kunflitti ta' interessi, daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018;

D.  billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

(i) obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interessi fir-rigward tal-baġit tal-UE;

(ii) obbligu pożittiv fuq l-atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu milli jinħolqu kunflitti ta' interessi fil-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet li b'mod oġġettiv jistgħu jiġu perċepiti bħala kunflitt ta' interessi;

E.  billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[5] "il-kunflitt ta' interessi jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm bżonn li dan jiġi kkwalifikat billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide jew in mala fide"; billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti ta' fondi tal-UE f'każijiet li fihom ikun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u li fihom jinkixfu irregolaritajiet serji mhux skoperti, mhux irrapportati u mhux ikkoreġuti, relatati mal-kunflitt ta' interessi;

F.  billi fid-19 ta' Settembru 2018, Transparency International tar-Repubblika Ċeka ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni li fih sostniet li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babiš, kiser b'mod persistenti l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik Ċeka dwar il-kunflitti ta' interessi;

G.  billi ġie żvelat ukoll li s-Sur Babiš huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, jiġifieri l-kumpanija maniġerjali tal-Grupp Agrofert, permezz ta' żewġ fondi fiduċjarji, AB I u AB II, li ma jistgħux jitqiesu bħala trusts fil-għama u li tagħha huwa l-fundatur u fl-istess ħin il-benefiċjarju uniku;

H.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert jieħdu sehem fi proġetti sussidjati mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka, li huwa ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

I.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert irċevew somom sinifikanti mill-Fondi SIE matul il-perjodu 2014 – 2020, li jvarjaw minn EUR 42 miljun fl-2013 għal EUR 82 miljun fl-2017;

J.  billi skont id-dikjarazzjoni tal-introjtu tal-uffiċjali pubbliċi Ċeki, is-Sur Babiš irċieva introjtu ta' EUR 3,5 miljun matul l-ewwel 6 xhur tal-2018 mill-Grupp Agrofert permezz tal-fondi fiduċjarji tiegħu;

K.  billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni fir-rapporti annwali tagħha tal-2016, l-2017 u l-2018 dwar il-kwittanza tal-Kummissjoni biex tħaffef proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità mibdija f'Jannar 2016 bil-għan li tikseb informazzjoni dettaljata u preċiża dwar ir-riskju ta' kunflitt ta' interessi rigward il-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu fir-Repubblika Ċeka, u enfasizza li n-nuqqas li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi evitat kunflitt ta' interessi fl-aħħar mill-aħħar jista' jobbliga lill-awtorità kompetenti Ċeka tirtira l-akkreditazzjoni tal-aġenzija tal-pagamenti u tista' twassal ukoll għall-applikazzjoni ta' korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni;

L.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament f'Settembru 2018 iddeċieda li jindirizza din il-kwistjoni fil-qafas tal-proċedura annwali ta' kwittanza, b'mod partikolari fis-seduti ta' smigħ mal-Kummissarji l-aktar ikkonċernati mill-problema;

M.  billi s-seduti ta' smigħ mal-Kummissarji li saru mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bħala parti mill-proċedura annwali ta' kwittanza ma pprovdewx lill-MPE tweġibiet suffiċjenti u ċari dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kunflitt ta' interessi tal-Prim Ministru Ċek;

N.  billi fl-1 ta' Diċembru 2018, rapporti fil-midja Ewropea, inkluż The Guardian, Le Monde, De Standaard u Süddeutsche Zeitung, żvelaw informazzjoni dwar l-opinjoni legali abbozzata mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni li tikkonferma l-kunflitt ta' interessi tas-Sur Babiš;

1.  Jinnota li r-rapport ta' kwittanza tal-2016 (adottat f'April 2018) "jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) temm l-investigazzjoni amministrattiva tiegħu dwar il-proġett Ċek "Stork Nest", "jinnota li l-fajl tal-każ tal-OLAF ġie ppubbliċizzat mill-midja Ċeka", u "jiddispjaċih li l-OLAF sab irregolaritajiet serji";

2.  Huwa serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' konformità tar-Repubblika Ċeka mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2018/1046 fir-rigward tal-kunflitt ta' interessi tal-Prim Ministru Ċek u r-rabtiet tiegħu mal-Grupp Agrofert;

3.  Jiddeplora kwalunkwe tip ta' kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li politika ta' tolleranza żero mingħajr standards doppji se tapplika fir-rigward ta' kunflitti ta' interessi ta' kwalunkwe politiku tal-UE, u li ma ssib l-ebda skuża għal dewmien meta tkun qed tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-evitar ta' kunflitti ta' interessi attiv bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha u, bħala gwardjana tat-Trattati, biex tieħu azzjoni effettiva u rapida f'każijiet bħal dawn, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interessi tar-rappreżentanti l-aktar għolja tagħhom;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għal din il-kwistjoni mingħajr dewmien, abbażi tal-opinjoni tas-Servizz Legali tagħha li jirriżulta mill-ilment minn Transparency International tar-Repubblika Ċeka, u timplimenta l-miżuri korrettivi u l-proċeduri meħtieġa biex tiġi emendata kwalunkwe sitwazzjoni illegali possibbli, inkluż miżura biex jiġi sospiż il-finanzjament kollu tal-UE lill-Grupp Agrofert sakemm jiġi investigat u solvut b'mod sħiħ il-kunflitt ta' interessi;

6.  Jistieden ukoll lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern u lill-uffiċjali tal-gvern tal-UE kollha biex japplikaw b'mod proattiv ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, speċjalment it-taqsima dwar il-kunflitti ta' interessi, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-UE jew tal-Istati Membri individwali, lid-demokrazija jew lill-interessi finanzjarji tal-UE, u biex iservu bħala eżempju ta' ħidma għall-ġid pubbliku, u mhux għall-qligħ personali;

7.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri jiżguraw li l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi ma tmur kontra l-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet ta' azzjoni dwar il-kunflitti ta' interessi jitħejjew u jiġu implimentati f'kull Stat Membru, u tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-progress tagħhom;

9.  Jieħu nota tal-opinjoni abbozzata mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni dwar il-kunflitt ta' interessi possibbli tal-Prim Ministru Ċek attwali, is-Sur Babiš, fir-rwol tiegħu ta' Ministru tal-Finanzi fl-2014; jitlob li l-Kummissjoni tinvestiga b'mod sħiħ il-legalità tas-sussidji kollha tal-UE mħallsa lill-Grupp Agrofert minn mindu s-Sur Babiš ingħaqad mal-Gvern Ċek, filwaqt li tqis ir-Regolament Finanzjarju preċedenti applikabbli qabel it-2 ta' Awwissu 2018 u t-taqsima fih dwar il-kunflitti ta' interessi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit id-dokumenti kollha konnessi mal-każ ta' kunflitti ta' interessi possibbli tal-Prim Ministru Ċek kif ukoll tal-Ministru tal-Agrikoltura;

11.  Jitlob lill-Kunsill u lin-negozjaturi proprji tiegħu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) biex jinsistu fuq trasparenza sħiħa ta' kwalunkwe konnessjoni li s-Sur Babiš għandu mal-Grupp Agrofert u jiżguraw li dawn ma jinterferixxux mar-rwol tiegħu bħala Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, u biex jieħdu l-miżuri meħtieġa u xierqa kollha biex jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta' interessi fin-negozjati tal-baġits tal-UE futuri u tal-QFP, f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1046;

12.  Jitlob li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu jinkludi l-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interessi u r-rappurtar dwar azzjonijiet meħuda f'dan ir-rigward fir-rapport annwali tal-kwittanza lill-Kummissjoni;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza