Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0079/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0079/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni ta' appoġġ għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

23.1.2019 - (2018/2882(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Karima Delli f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Proċedura : 2018/2882(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0079/2019
Testi mressqa :
B8-0079/2019
Testi adottati :

B8‑0079/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni ta' appoġġ għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

(2018/2882(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni għall-appoġġ tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (O-000016/2014 – B7-0104/2014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2006 dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni intitolata "NAIADES – Programm ta' Azzjoni Integrat għat-Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni" (COM(2006)0006),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni: NAIADES, Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2013 intitolata "Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – NAIADES II" (COM(2013)0623),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar NAIADES II – NAIADES II – Programm ta' azzjoni biex jappoġġja t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni[2],

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2018 intitolat "Rapport ta' progress ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni NAIADES II għall-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (li jkopri l-perjodu 2014-2017)" (SWD(2018) 0428),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 intitolata "Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ilmijiet navigabbli interni jippermettu li żoni agrikoli ewlenin, ċentri industrijali, bliet u portijiet importanti tal-UE jkunu konnessi bejniethom, u b'hekk jagħtu kontribut konsiderevoli għall-għanijiet tal-UE ta' dekarbonizzazzjoni, tkabbir sostenibbli u koeżjoni territorjali;

B.  billi hemm ħtieġa ta' bidla modali mit-trasport bit-triq għat-tbaħħir intern sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 (COP21), u billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għandu biżżejjed kapaċità biex jassorbi volumi ferm ogħla ta' merkanzija u ta' passiġġieri bil-għan li jtaffi l-konġestjoni tas-sistema Ewropea tat-trasport bit-triq;

C.  billi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa essenzjali biex ikomplu jitnaqqsu aktar l-effetti negattivi tat-trasport permezz ta' użu aktar effiċjenti tal-art u tal-enerġija u tnaqqis tal-istorbju u tal-għadd ta' inċidenti;

D.  billi jekk irridu niksbu prestazzjoni ambjentali mtejba jkun jeħtieġ li l-flotta tal-ilmijiet navigabbli interni tiġi modernizzata u adattata biex tirrifletti l-progress tekniku, u b'hekk jiġi żgurat il-vantaġġ kompetittiv tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fit-trasport multimodali;

E.  billi s'issa r-riżorsi finanzjarji li ġew iddedikati lis-settur tal-ilmijiet navigabbli interni kienu limitati, u billi l-aċċess għall-finanzi għadu diffiċli għal settur li jikkonsisti primarjament minn negozji żgħar;

1.  Jappoġġja l-azzjonijiet speċifiċi meħuda s'issa u jilqa' l-azzjonijiet ulterjuri ppjanati fil-programm ta' azzjoni NAIADES II għall-perjodu 2014-2020;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna u ġġedded il-programm NAIADES sal-2020 biex tiżgura li l-potenzjal tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni bħala mod ta' trasport sikur, sostenibbli u effettiv fis-sistema tat-trasport multimodali jkun jista' jiġi sfruttat bis-sħiħ permezz ta' strateġija fit-tul tal-UE mmirata lejn il-kisba ta' bidla modali ta' suċċess;

3.  Jissottolinja li, meta jkunu qed jiġu abbozzati inizjattivi fil-qasam tat-trasport, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jrid jitqies fil-qafas ta' approċċ olistiku u fit-tul fi ħdan il-politika tat-trasport intermodali u sostenibbli tal-UE;

4.  Jenfasizza li n-navigazzjoni interna turistika hija settur li qed jiffjorixxi u li l-kompetittività ta' industriji importanti tal-UE tiddependi mill-affidabbiltà u l-kosteffettività tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għall-provvista tagħhom ta' prodotti; jappella, għaldaqstant, biex ikun hemm politiki proattivi mmirati lejn l-appoġġ għal settur sostenibbli tal-ilmijiet navigabbli interni, b'mod partikolari fid-dawl tal-isfidi diġitali, teknoloġiċi u ambjentali fil-loġistika u l-mobbiltà;

5.  Jinnota li, sal-2050, 80 % tal-popolazzjoni tal-UE se tkun qed tgħix f'żoni urbani, fattur li se jżid id-domanda għat-trasport pubbliku u loġistika mtejba fl-ibliet, u li l-estensjoni tal-infrastruttura tal-art eżistenti spiss tkun ta' sfida u tkun tiswa ħafna flus; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw in-navigazzjoni interna fil-politiki urbani u tal-portijiet u jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha għat-trasport ta' merkanzija u ta' passiġġieri, peress li ħafna bliet tal-UE jinsabu qrib ilmijiet navigabbli, bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u jitnaqqsu l-livelli ta' konġestjoni;

6.  Jissottolinja li l-programmi ta' azzjoni preċedenti ma laħqux l-għanijiet tagħhom minħabba nuqqas ta' riżorsi dedikati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta' azzjoni NAIADES III jirċievi finanzjament adegwat u dedikat biex ikun jista' jilħaq l-għanijiet tiegħu, bl-appoġġ ta' strateġija ta' politika strutturata tajjeb b'għanijiet fuq perjodu qasir u medju li jistgħu jintlaħqu u pjan direzzjonali konkret li jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-riżorsi għall-implimentazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod regolari twettaq riċerka dwar is-suq u tiġġenera previżjonijiet ħalli jkun jista' jiġi analizzat aħjar iċ-ċaqliq tax-xejriet għall-merkanzija u l-passiġġieri fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u ħalli t-tfassil tal-politika jkun jista' jissejjes fuq l-evidenza u r-reazzjoni għal xejriet emerġenti u swieq ġodda tkun tista' titjieb;

8.  Jissottolinja l-importanza li jitneħħew il-konġestjonijiet biex jinkisbu ilmijiet navigabbli ta' kwalità għolja bħala kundizzjoni għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tat-tbaħħir intern u tal-portijiet interni fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità, fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, lill-finanzjament maħsub biex jirriabilita, jadatta, jammeljora u jawtomatizza l-infrastruttura tal-passaġġi navigabbli, tax-xtabi tal-kanali, tal-pontijiet, tax-xtut u tal-portijiet u jtejjeb it-taqsimiet transkonfinali tan-netwerk ewlieni;

9.  Jenfasizza, minbarra l-obbligi tal-Istati Membri li jikkompletaw in-netwerk ewlieni sal-2030, ir-responsabbiltà tagħhom li jżidu l-prestazzjoni, l-affidabbiltà, id-disponibbiltà u r-reżiljenza għall-klima tal-infrastruttura eżistenti permezz tar-riabilitazzjoni, sabiex jiġi żgurat ir-rwol tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni bħala mod ta' trasport affidabbli u sabiex jiġi promoss l-użu intelliġenti ta' riżorsi finanzjarji skarsi;

10.  Jilqa' x-xogħol ippjanat u li qed jitwettaq fil-kurituri tal-Atlantiku, tal-Baltiku-Adrijatiku, tal-Mediterran, tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku, tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran, tal-Orjent-Mediterran tal-Lvant, tar-Renu-Alpi u tar-Renu-Danubju, u l-fatt li, b'mod ġenerali, aktar Stati Membri qed jinvestu fl-iżvilupp tal-ilmijiet navigabbli interni u l-portijiet; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tappoġġja l-implimentazzjoni ta' proġetti fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T);

11.  Jirrimarka li huwa fundamentali li jkun hemm biżżejjed kapaċità ta' xtabi tal-kanali biex it-trasport fiż-żoni interni tal-pajjiżi jkun effettiv u sostenibbli u jindika li tali xtabi għandhom rwol importanti fil-ġestjoni sikura tar-regolazzjoni tal-ilma u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirriserva biżżejjed għotjiet għar-riabilitazzjoni, l-ammeljorament u t-tiġdid tagħhom;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod ġenerali tagħti prijorità lill-għotjiet għal proġetti relatati mal-ilmijiet navigabbli interni, peress li l-esperjenza tal-passat fejn jidħlu proġetti b'finanzjament imħallat uriet li s-sħab privati kienu involuti biss fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi baqgħu responsabbli għall-finanzjament, minħabba n-natura pubblika u multifunzjonali tal-ilmijiet navigabbli;

13.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni għandha rwol importanti fit-titjib tal-effiċjenza, is-sikurezza u l-prestazzjoni ambjentali tan-navigazzjoni interna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta' implimentazzjoni għaż-Żona Diġitali ta' Ilmijiet Navigabbli Interni ("Digital Inland Waterway Area" jew DINA) u qafas regolatorju xieraq għal trasport konness u awtomatizzat bl-ilma, inkluża r-reviżjoni tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), filwaqt li tqis l-inizjattivi eżistenti bħas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Portijiet tar-Renu (RPIS) u toħloq bażi legali soda fil-livell tal-UE għall-iskambju ta' data transkonfinali b'relazzjoni mal-informazzjoni dwar il-passaġġi navigabbli, il-vjaġġi, il-merkanzija u t-traffiku b'punt uniku ta' aċċess;

14.  Jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni tas-servizzi diġitali tal-ilmijiet navigabbli interni fil-fluss tad-data ta' modi oħra ta' trasport sabiex jiġu ffaċilitati servizzi multimodali "minn bieb sa bieb" mingħajr xkiel, peress li l-kombinazzjoni tal-internet fiżiku u s-sinkromodalità ssaħħaħ ir-raggruppament ta' volumi f'kurituri bejn il-portijiet marittimi u ż-żoni interni tal-pajjiżi u twassal għal użu aktar bilanċjat tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-art u għal tnaqqis tal-livelli ta' konġestjoni u ta' effetti esterni negattivi oħra;

15.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 (COP21), ir-reżiljenza u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport għandhom jinkisbu permezz ta' bidla aċċelerata lejn trasport b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenza fir-riżorsi u propulsjoni nadifa; jirrimarka li din it-tranżizzjoni tirrikjedi standards u finanzjament korrispondenti sabiex jiġu stimulati l-ġestjoni innovattiva tal-ilmijiet navigabbli, l-użu usa' ta' bastimenti nodfa u l-modifika retroattiva fejn possibbli, kif ukoll l-użu tal-infrastruttura meħtieġa għar-riforniment tal-karburant;

16.  Jirrakkomanda li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn grilji tal-enerġija nodfa u netwerks ta' ilmijiet navigabbli sabiex isir l-aħjar użu mill-enerġija idroelettrika ġġenerata fl-ilmijiet navigabbli, l-enerġija mir-riħ fil-portijiet u sorsi oħra ta' enerġija nadifa fiċ-ċentri ta' mobbiltà maġenb l-ilma għall-provvista tat-trasport, id-djar u l-industriji filwaqt li jiġu mminimizzati l-ispejjeż tad-distribuzzjoni;

17.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut finanzjament xieraq għal teknoloġija ġdida, għall-innovazzjoni u għal infrastruttura u servizzi tat-trasport sostenibbli fil-kuntest tal-programmi attwali u futuri tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, Orizzont Ewropa, is-suq uniku, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni sabiex jiġi stimulat l-użu tal-innovazzjoni u tiżdied il-prestazzjoni ambjentali u diġitali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi flussi ta' finanzjament dedikati biex dan l-għan jintlaħaq;

18.  Jinnota li r-riċerka teknoloġika dedikata għandha tiġi kkomplementata b'riċerka soċjoekonomika u prenormattiva sabiex titrawwem l-innovazzjoni fir-regolamentazzjoni u fil-finanzjament u tingħata spinta lill-involviment tal-parteċipanti tas-suq u b'hekk tiġi żgurata l-adozzjoni wiesgħa mis-suq;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex jistimulaw u jappoġġjaw it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li jqisu l-programmi ta' azzjoni NAIADES attwali u l-Programm ta' Azzjoni Ewropew futur għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, u jistedinhom jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet reġjonali, lokali u tal-portijiet biex jagħmlu l-istess;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza