imressqa skont l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura
li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli ta' tqassim ġeografiku (C(2018)08872 – 2018/3002(DEA))
Bernd Lange
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli ta' tqassim ġeografiku(C(2018)08872 – 2018/3002(DEA))
B8-0080/2019
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2018)08872),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 28 ta' Jannar 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 2(3) u 10(6) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi t-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri t-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu;
B. billi r-Regolament (KE) Nru 184/2005 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani;
C. billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jkollu l-konsegwenza li r-Renju Unit isir pajjiż terz, u għalhekk, l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani għandha tqis lir-Renju Unit bħala pajjiż terz, aktar milli Stat Membru;
D. billi l-uniċi modifiki li jipprevedi r-Regolament Delegat C(2018)08872 huma li r-Renju Unit jiġi kklassifikat bħala pajjiż terz għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005;
E. billi l-pubblikazzjoni rapida tar-Regolament Delegat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tippermetti għal aktar ċertezza legali u żmien xieraq għall-implimentazzjoni qabel it-30 ta' Marzu 2019;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz ta' Regolament Delegat C(2018)08872;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.