Proċedura : 2019/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0153/2019

Testi mressqa :

B8-0153/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.22

Testi adottati :


<Date>{06/03/2019}6.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0153/2019</NoDocSe>
PDF 150kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas</Titre>

<DocRef>(2019/2575(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Tiziana Beghin, Dario Tamburrano, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas</Depute>

<Commission>{EFDD}f'isem il-Grupp EFDD</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8‑0153/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas

(2019/2575(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits" (COM(2016)0587) u "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni" (COM(2016)0588),

 wara li kkunsidra l-proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' Jannar 2016, dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi (COM(2016)0034),

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni[1] (Direttiva NIS),

 wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Settembru 2017, dwar l-ENISA, "l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà", u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ("l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà") (COM(2017)0477),

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi[2],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

 wara li kkunsidra l-kawża għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO (WT/DS549/6) tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri imposti miċ-Ċina fir-rigward tat-trasferiment ta' teknoloġija barranija fiċ-Ċina,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea[3],

 wara li kkunsidra n-negozjati attwali bejn l-UE u ċ-Ċina għal Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi avvanzi reċenti fl-ICT, inkluż it-telekomunikazzjonijiet tal-ħames ġenerazzjoni (5G), wittew toroq ġodda għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni u għal użu ta' oġġetti u servizzi, u għall-interazzjoni fost l-apparati u fost iċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u atturi soċjoekonomiċi oħrajn, u b'hekk għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea;

B. billi ċ-ċibersigurtà fl-ICT, il-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva, ir-rispett għad-drittijiet individwali u s-salvagwardja mit-theddid ċibernetiku estern huma prekundizzjonijiet biex tiġi żgurata s-sovranità teknoloġika taċ-ċittadini tal-UE u fl-aħħar mill-aħħar jiksbu l-prosperità fl-UE u jappoġġaw id-demokrazija fiha;

C. billi r-riċerka u l-ittestjar tal-5G bilkemm qed ilaħħqu mal-pressjoni internazzjonali għat-tnedija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-5G, filwaqt li għadd ta' studji xjentifiċi qajmu tħassib u inċertezzi fir-rigward tas-sigurtà tagħha u s-sikurezza tagħha, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji tat-tniġġis elettromanjetiku għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

D. billi l-iżgurar taċ-ċibersigurtà għal netwerks tal-5G huwa sfida ġdida u kumplessa minħabba n-natura virtwalizzata u deċentralizzata tal-5G u l-katina ta' valur frammentata u ferm speċjalizzata tagħha, mill-produzzjoni sad-dispaċċ, l-installazzjoni, il-konfigurazzjoni, l-operazzjonijiet, il-manutenzjoni u l-aġġornamenti tas-softwer; billi l-UE teħtieġ li timla l-vojt fil-qasam taċ-ċibersigurtà fl-infrastruttura kritika tagħha fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija, tat-trasport, tas-saħħa, tad-difiża u tas-sigurtà, fost oħrajn;

E. billi l-iżgurar ta' netwerks 5G sikuri u siguri huwa kompitu li ma jistax jitwettaq minn manifatturi individwali jew operaturi tas-sistema, iżda jeħtieġ azzjoni koordinata effettiva mill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti kollha;

F. billi l-UE għandha l-potenzjal li tmexxi l-iżvilupp tat-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà billi tappoġġja lill-intrapriżi Ewropej f'dan is-settur u tippromwovi l-bidliet kollha fil-katina tal-valur li jistgħu jnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq it-teknoloġija barranija;

G. billi l-UE qed tiżviluppa sett ta' miżuri biex tiżgura ċ-ċibersigurtà, inklużi d-Direttiva NIS u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, li jenħtieġ li jiġu implimentati u mmonitorjati kontinwament b'mod rapidu sabiex jiġi żgurat li jibqgħu effettivi matul l-aġġornamenti u r-reviżjonijiet kollha meħtieġa;

H. billi preżenza akbar ta' fornituri Ċiniżi u ta' fornituri oħra ta' teknoloġija ta' pajjiżi terzi saret evidenti fis-suq 5G tal-UE, b'mod partikolari intrapriżi tal-istat jew negozji li m'għandhomx trasparenza;

I. billi r-reċiproċità hija waħda mill-modi l-aktar effikaċi biex isir progress lejn kundizzjonijiet ekwi globali;

J. billi kumpaniji barranin iridu jiffaċċjaw id-diskrepanza attwali fl-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data bejn ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u rekwiżiti differenti skont il-liġijiet nazzjonali;

K. billi l-UE u ċ-Ċina ilhom mill-2013 jinnegozjaw Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment; billi l-ftehim propost jgħin biex jissolvew kwistjonijiet ta' aċċess għas-swieq, jistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-investimenti, u jistabbilixxi standards bażiċi tax-xogħol u tal-ambjent;

L. billi ħarġet evidenza, għalkemm inkonklużiva, fir-rigward ta' nuqqas ta' sigurtà fit-tagħmir ipprovdut minn fornituri minn pajjiżi terzi, inkluża ċ-Ċina, li tista' tipperikola d-drittijiet individwali għall-privatezza u l-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva fl-UE;

1. Jenfasizza li t-tnedija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-5G għandhom jitwettqu skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, fejn l-atturi soċjoekonomiċi kollha jantiċipaw l-impatti potenzjali fuq is-sikurezza u s-sigurtà u jieħdu prekawzjonijiet proporzjonati, inkluż l-iżvelar fil-pront ta' fatturi li jistgħu jipperikolaw is-saħħa pubblika jew l-ambjent;

2. Jenfasizza li l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-5G u tat-teknoloġiji li hija tippermetti, mill-Internet tal-Oġġetti sal-intelliġenza artifiċjali, għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa, u li għandhom jittieħdu miżuri sabiex it-tranżizzjoni lejn is-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits isseħħ b'mod ġust u ugwali għal kulħadd u bbażata fuq ir-responsabbiltà etika;

3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni għall-bejjiegħa tal-UE biex jiżviluppaw prodotti, servizzi u teknoloġiji ġodda, u biex jappoġġjaw l-intraprenditorija tal-UE fit-tnedija u l-kummerċjalizzazzjoni ta' 5G sikura u sigura, filwaqt li jiġi żgurat li l-potenzjal tagħha jkun aċċessibbli għan-negozji kollha fl-ekonomija diġitali tal-UE, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

4. Ifakkar li ċ-ċibersigurtà hija waħda mill-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-UE bħalissa u li l-falliment f'dan il-qasam jista' jikser id-drittijiet tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi u tal-produtturi tal-UE, jimmina serjament il-fiduċja taċ-ċittadini fil-prodotti u s-servizzi tal-ICT, u fl-aħħar mill-aħħar jikkawża dannu ekonomiku serju; jitlob netwerk li huwa sigur b'mod awtomatiku u prestabbilit;

5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' ċibersigurtà tal-UE, u biex jgħaqqdu l-miżuri tal-UE u dawk nazzjonali sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju ta' nuqqas ta' sigurtà u ksur ta' data tul il-katina tal-valur kollha; iqis li tali miżuri jistgħu jinkludu ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-UE, rekwiżiti ta' konfigurazzjoni u proċeduri u prattiki operattivi, kif ukoll il-promozzjoni ta' iġjene ċibernetika u edukazzjoni diġitali;

6. Jemmen li l-aġenzija taċ-ċibersigurtà tal-UE (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni - ENISA) għandha rwol kruċjali fl-analiżi ta' theddid possibbli li jirriżultaw minn bejjiegħa barranin, inkluża ċ-Ċina, u li tikkoordina approċċ komuni bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati t-theddid u l-attakki fuq iċ-ċibersigurtà;

7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u biex jagħtu spinta lill-ġestjoni tal-materja prima matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, kif ukoll lir-riċiklaġġ tal-iskart, sabiex jittejjeb l-aċċess tal-UE għall-materja prima kritika, li huma fundamentali għal prodotti ta' teknoloġija avvanzata u innovazzjonijiet emerġenti;

8. Iqis li huwa urġenti li jiġi indirizzat it-theddid possibbli għas-sigurtà teknoloġika mill-penetrazzjoni attwali tas-suq tal-UE ta' bejjiegħa barranin, inkluża ċ-Ċina, billi jittieħed approċċ komuni dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data bejn l-Istati Membri;

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw u jissorveljaw is-sigurtà ta' dawk is-sistemi tal-ICT fejn it-teknoloġiji ta' pajjiżi terzi huma preżenti b'mod qawwi, anki billi jwettqu testijiet tal-istress;

10. Jenfasizza li l-fornituri minn pajjiżi terzi m'għandhomx jiġu diskriminati minħabba l-pajjiż ta' oriġini tagħhom, iżda għandhom jitqiesu t-trasparenza ta' dawn il-kumpaniji, l-istandards taċ-ċibersigurtà tagħhom u l-eżistenza ta' kundizzjonijiet reċiproċi għall-kumpaniji Ewropej fil-pajjiż ta' oriġini, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

11. Jenfasizza li taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom il-fornituri u l-operaturi Ċiniżi jew ta' pajjiżi terzi oħra jipperikolaw id-drittijiet individwali garantiti mil-liġi tal-UE, anke meta jkunu jeżistu rekwiżiti differenti skont il-liġi nazzjonali fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

12. Jitlob lill-Kunsill biex jikkunsidra b'mod favorevoli l-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar il-proposta riveduta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-proċedura li tirrestrinġi l-aċċess ta' prodotti barranin għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE fejn hemm nuqqas ta' aċċess reċiproka;

13. Ifakkar fl-importanza li jkomplu jitjiebu n-negozjati dwar il-kooperazzjoni regolatorja dwar it-teknoloġija diġitali ma' pajjiżi terzi u li jiġi żgurat impenn akbar min-naħa tagħhom fil-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

[2] ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0121.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza