Proċedura : 2019/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0154/2019

Testi mressqa :

B8-0154/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.22

Testi adottati :

P8_TA(2019)0156

<Date>{06/03/2019}6.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0154/2019</NoDocSe>
PDF 149kWORD 54k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas</Titre>

<DocRef>(2019/2575(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Caroline Nagtegaal</Depute>

<Commission>{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0154/2019

B8‑0154/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas

(2019/2575(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni[2],

 wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Settembru 2017, dwar l-ENISA, "l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà", u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ("l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà") (COM(2017)0477),

 wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),

 wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2019 dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina[4],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "5G għall-Ewropea: pjan ta' azzjoni" (COM(2016)0588),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G[5],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-infrastruttura tal-5G se żżid il-konnettività fl-ekonomija diġitali għal livell kompletament ġdid; billi l-5G hi element ewlieni fil-bini tas-Soċjetà tal-Gigabits, b'mod partikolari f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija u s-saħħa, u s-settur tad-difiża u s-sigurtà, u tirrappreżenta l-istandard għall-futur tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni mobbli;

B. billi l-vulnerabbiltajiet fin-netwerks 5G jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kompromessi s-sistemi tal-IT, u dan jista' jikkawża ħsara serja ħafna lill-ekonomiji fil-livell Ewropej u f'dak nazzjonali; billi huwa meħtieġ approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji;

C. billi r-rwol li dejjem jikber ta' fornituri tat-teknoloġija minn pajjiżi terzi fis-suq tal-5G tal-UE wassal għal diskussjoni serja fi ħdan l-Istati Membri, speċjalment fil-kuntest tal-Liġi dwar l-Intelligence Nazzjonali taċ-Ċina, li ilha minn Ġunju 2017 li daħlet fis-seħħ;

D. billi l-ambitu u l-parametri ta' dak li l-awtoritajiet Ċiniżi jsejħu "xogħol ta' intelligence" mhumiex definiti b'mod ċar fil-Liġi tal-Intelligence Nazzjonali taċ-Ċina; billi din il-liġi tagħti lill-awtoritajiet raġunijiet legali ġodda għas-sorveljanza u l-investigazzjoni ta' individwi u istituzzjonijiet barranin u domestiċi, inklużi ċittadini tal-UE u istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali Ċiniża;

E. billi l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Ċiniżi jirċievu sussidji mill-Istat, li jistgħu jkomplu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-Liġi dwar l-Intelligence Nazzjonali,

F. billi r-Regolament dwar iskrinjar tal-investiment dirett barrani, li għandu jidħol fis-seħħ sa tmiem l-2020, isaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jiskrinjaw l-investiment barrani abbażi ta' kriterji tas-sigurtà u ordni pubbliku, u jistabbilixxi mekkaniżmu ta' kooperazzjoni li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji għas-sigurtà, inklużi r-riskji għaċ-ċibersigurtà, li jippreżenta l-investiment barranin;

G. billi d-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni (Id-Direttiva NIS) kellha tiġi trasposta qabel id-9 ta' Mejju 2018; billi din id-direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura essenzjali tal-Ewropa u tiżgura li jiġu rrappurtati inċidenti ċibernetiċi sinifikanti; billi d-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tirrikjedi li l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jieħdu miżuri biex jiġġestixxu r-riskji għas-sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u li jinnotifikaw lill-awtoritajiet u, f'każijiet partikolari, lill-utenti, dwar inċidenti sinifikanti tas-sigurtà;

H. billi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jipprevedi d-disponibbiltà ta' spettru tar-radju 5G sa tmiem l-2020 fl-UE; billi l-Istati Membri jagħmlu rkantijiet indipendenti tal-frekwenzi tal-ispettru bħala parti mill-introduzzjoni tal-5G, u potenzjalment jippermettu lill-kumpaniji minn pajjiżi terzi jiksbu pożizzjoni dominanti fis-suq f'diversi Stati Membri, u konsegwentement fl-UE kollha kemm hi; billi ċ-Ċina għandha strateġija ambizzjuża tal-Intelliġenza Artifiċjali, li għaliha d-data hi riżorsa kruċjali;

1. Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jinbnew il-kapaċitajiet u l-ħiliet fl-UE għall-infrastruttura diġitali, filwaqt li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE; ifakkar fl-importanza tan-netwerks tal-5G, u għaldaqstant itenni l-impenn tiegħu favur il-pjan ta' azzjoni tal-5G;

2. Ifakkar li l-implimentazzjoni tan-netwerks tal-5G se tittejjeb permezz tal-iżgurar tad-disponibbiltà ta' spettru tar-radju xieraq fl-UE sa tmiem l-2020, kif previst mill-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; jenfasizza li l-isfida ewlenija għall-operaturi hi n-nuqqas ta' koordinazzjoni u prevedibbiltà;

3. Itenni l-ħtieġa ta' azzjoni Ewropea komuni biex jiġi indirizzat it-tħassib attwali relatati mal-fornituri tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni appoġġati mill-Gvern Ċiniż, sabiex tiżdied ir-reżiljenza diġitali u s-salvagwardji validi fil-futur imfassla biex jipproteġu s-suq uniku; jitlob sadanittant li jiżdied il-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE;

4. Jitlob li ssir investigazzjoni dwar ir-riskji possibbli għas-sigurtà assoċjati mal-użu ta' teknoloġija magħmula minn pajjiżi terzi, u li l-5G titqies bħala infrastruttura kritika biex il-kumpaniji kollha jkollhom jikkonformaw ma' standards ogħla tas-sigurtà;

5. Jilqa' u jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-element ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri taħt il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tar-Regolament tal-Iskrinjar IDB;

6. Jissottolinja li r-Regolament tal-Iskrinjar IDB jipproteġi infrastruttura kritika; ifakkar li l-kumpaniji li jagħmlu l-kummerċ fl-UE jgawdu mill-benefiċċji tas-suq uniku iżda jeħtiġilhom jikkonformaw mal-istandards tal-UE u mal-qafas legali tagħha;

7. Jinnota b'interess li l-għadd ta' Stati Membri b'mekkaniżmu ta' skrinjar żdied minn meta l-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba r-Regolament tal-Iskrinjar IDB fl-2017;

8. Jappoġġa lill-Kummissjoni fid-diversi azzjonijiet meħuda diġà biex tiżdied l-adozzjoni ta' miżuri li jindirizzaw it-theddid għaċ-ċibersigurtà u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta ta' miżuri xierqa ta' ġestjoni tar-riskji, inklużi sanzjonijiet kontra fornituri li ma jirrispettaw l-obbligi tagħhom;

9. Jilqa' u jappoġġa l-ftehim milħuq dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, sabiex jingħata appoġġ aħjar lill-Istati Membri meta jindirizzaw it-theddid u l-attakki taċ-ċibersigurtà;

10. Jilqa' u jappoġġa l-proposti dwar iċ-ċentri ta' kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà u dwar netwerk ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni, li tfasslu biex jgħinu lill-UE żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà li huma meħtieġa biex jiġi żgurat is-suq uniku diġitali tagħha;

11. Jilqa', f'dan il-kuntest, il-programm Ewropa Diġitali, li jimponi rekwiżiti ta' sigurtà kif ukoll sorveljanza mill-Kummissjoni fuq entitajiet stabbiliti fl-UE iżda kkontrollati minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari għal azzjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà;

12. Ifakkar li ċibersigurtà effettiva tirrikjedi standards għolja ta' sigurtà; jitlob netwerk li jkun sigur b'mod awtomatiku u prestabbilit; iħeġġeġ lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jesploraw il-mezzi kollha disponibbli biex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà, jekk xieraq billi jimplimentaw ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà;

13. Ifakkar il-fatt li l-kompetizzjoni hija essenzjali f'settur innovattiv bħal dan; ifakkar il-fatt li l-kompetizzjoni tiżgura li l-kumpaniji jkunu kompetituri serji b'riżorsi li kapaċi jissodisfaw id-domanda tas-suq;

14. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw għalkollox id-Direttiva NIS u lill-Kummissjoni biex tissorvelja din il-fażi mill-qrib sabiex id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jiġu infurzati kif xieraq u l-Ewropej ikunu mħarsa aħjar mit-theddid estern għas-sigurtà;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tqis it-talbiet ta' hawn fuq fid-diskussjonijiet dwar strateġija UE-Ċina, sabiex ikun żgurat li l-UE tibqa' kompetittiva u li tagħmel l-infrastruttura diġitali tagħha sigura;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

[2] ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0121.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

[5] ĠU J C 307, 30.8.2018, p. 144.

[6] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

[7] ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza