Proċedura : 2019/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0162/2019

Testi mressqa :

B8-0162/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.22

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 150kWORD 54k
6.3.2019
PE635.419v01-00
 
B8-0162/2019

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas (2019/2575(RSP))


Helmut Scholz, Kostadinka Kuneva, Martina Michels, Eleonora Forenza, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulisf'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas (2019/2575(RSP))  
B8‑0162/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Ekonomija tal-Informazzjoni 2017 intitolat "Digitalisation, Trade and Development" (Id-diġitalizzazzjoni, il-kummerċ u l-iżvilupp) ippubblikat mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD/IER/2017),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp  2018 intitolat "Power, Platforms and the Free Trade Delusion" (Il-poter, il-pjattaformi u d-delużjoni tal-kummerċ ħieles) ippubblikat mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD/TDR/2018),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, l-"Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà", li jħassar ir-Regolament (UE) 526/2013, u li jikkonċerna ċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ("l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà") (COM(2017)0477),

–  dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 intitolata "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni" (COM(2016)0588),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(7),

–  wara li kkunsidra l-programm Ewropa Diġitali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu pjan għall-investimenti pubbliċi biex jiżviluppaw kapaċitajiet tal-ogħla livell fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata bħaċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija diġitali; billi diversi strateġiji tal-UE tfasslu mingħajr ma ġew implimentati bis-sħiħ;

B.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat żvilupp diġitali ġust filwaqt li jsir sforz biex l-istandards tal-għajxien jittejbu fuq skala globali;

C.  billi ftit kumpaniji privati li joperaw fis-settur diġitali u fl-informatika, prinċipalment mill-Istati Uniti u ċ-Ċina, qed ikomplu jistabbilixxu monopolji fis-suq diġitali u dan qed jagħtihom is-setgħa li joħolqu standards internazzjonali u li ma jerfgħux ir-responsabbiltajiet soċjali tagħhom;

D.  billi n-netwerk 5G se jkun waħda mit-teknoloġiji ewlenin tal-infrastruttura diġitali fil-futur, peress li jestendi l-possibbiltà li diversi apparati jiġu konnessi man-netwerks (l-internet tal-oġġetti, eċċ.), filwaqt li se jġib miegħu possibbiltajiet ġodda għall-applikazzjonijiet f'ħafna oqsma, bħat-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija, is-saħħa, il-finanzi, it-telekomunikazzjoni, l-ekonomija diġitali u l-intelliġenza artifiċjali;

E.  billi l-vulnerabbiltajiet fin-netwerks 5G jistgħu jiġu sfruttati biex jikkompromettu s-sistemi tal-informatika, b'mod li potenzjalment jikkaġuna ħsara serja ħafna liċ-ċittadini u lill-ħajja tagħhom, kif ukoll lill-ekonomija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi huwa teknikament possibbli li l-fornituri tat-teknoloġija jużaw komponenti tat-teknoloġija tan-netwerk 5G biex jiksru l-privatezza tad-data taċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet; billi jeħtieġ approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskju fejn jidħlu l-akkwist pubbliku u l-ħruġ tal-liċenzji;

F.  billi hemm biss għadd limitat ta' kumpaniji li jfornu tagħmir tekniku 5G;

G.  billi kumpaniji minn għadd ta' pajjiżi terzi jaf joħolqu problema għas-sigurtà tal-Istati Membri, peress li jista' jkollhom aċċess għad-data personali u jikkontrollaw l-infrastruttura diġitali ta' ħafna setturi u servizzi strateġiċi, u jistgħu jipprovdu wkoll aċċess għad-data lis-servizzi ta' intelligence nazzjonali;

H.  billi r-rivelazzjonijiet ta' Snowden urew li kien hemm abbuż sistematiku tan-netwerks ta' komunikazzjoni Ewropej u ksur fuq skala kbira tad-dritt taċ-ċittadini għall-privatezza tad-data fil-każ tal-programm PRISM tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali (NSA) tal-Istati Uniti u, fil-passat, min-naħa tal-Kwartieri Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Gvern (GCHQ) tar-Renju Unit;

I.  billi l-aġenziji tal-intelligence tal-gvern tal-Istati Uniti sostnew li t-tagħmir tad-ditta Huawei joħloq theddid għas-sigurtà nazzjonali, iżda ma taw l-ebda evidenza għal dan; billi Huawei hija kompetitur ekonomiku ta' diversi korporazzjonijiet kbar tal-Istati Uniti;

J.  billi, minħabba l-katina tal-provvista globali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kwalunkwe projbizzjoni fuq l-użu tat-teknoloġija Ċiniża jaf tkun ta' ħsara għall-operaturi u l-kumpaniji Ewropej, peress li tfixkel il-forniment tat-tagħmir, iżżid l-ispejjeż għall-operaturi tal-UE u l-klijenti tagħhom, iddewwem l-introduzzjoni ta' servizzi tal-ġenerazzjoni 5G li jmiss għal diversi snin u potenzjalment tagħmel ħsara lin-netwerks eżistenti;

K.  billi ċ-ċibersigurtà jeħtieġ li tiġi indirizzata f'livell multilaterali sabiex jingħata rispons b'saħħtu u kkoordinat;

L.  billi l-fornituri ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti abbażi tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom, iżda minflok għandhom jiġu ttrattati abbażi tal-impenn u l-garanziji li joffru biex jissalvagwardaw id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza tad-data u biex jimpedixxu l-ispjunaġġ u s-sabotaġġ tat-teknoloġija;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija kif ukoll pjanijiet għall-investimenti pubbliċi mmirati biex jgħinu lill-Ewropa tiddependi anqas mit-teknoloġija barranija fil-qasam taċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija diġitali;

2.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-aċċess tal-kumpaniji minn pajjiżi terzi għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u tal-5G fil-futur fuq l-għarfien espert tekniku u fuq valutazzjoni tar-riskju xierqa, kif ukoll fuq l-impenji u l-garanziji li joffru dawk il-kumpaniji biex jissalvagwardaw id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza tad-data u biex jimpedixxu l-ispjunaġġ u s-sabotaġġ tat-teknoloġija, aktar milli fuq il-pressjoni politika mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu favur sistema multilaterali ta' governanza taċ-ċibersigurtà li jkollha l-għan li tistabbilixxi qafas regolatorju u strateġiku tan-Nazzjonijiet Uniti għaċ-ċibersigurtà; jilqa' t-tnedija tal-Indiċi taċ-Ċibersigurtà Globali tan-Nazzjonijiet Uniti mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) tan-Nazzjonijiet Uniti;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni introdotti mid-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni tal-UE;

5.  Jappella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri japplikaw b'mod xieraq l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u jikkoordinaw mill-qrib f'dan ir-rigward;

6.  Jinnota li, jekk il-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) jissaħħaħ, titjieb iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u jemmen li l-ENISA tista' tiżvolġi rwol kruċjali fl-analiżi tat-theddid għaċ-ċibersigurtà;

7.  Ifakkar li l-kumpaniji kollha li jfornu t-teknoloġiji u s-servizzi fl-UE jeħtiġilhom jikkonformaw mal-liġijiet tal-UE u tal-Istati Membri u huma responsabbli għal kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà;

8.  Iqis li huwa meħtieġ li ssir valutazzjoni rigoruża u indipendenti tal-impatt ambjentali dwar l-effetti negattivi possibbli tat-teknoloġiji 5G fuq is-saħħa tal-bniedem;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(2)

ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(3)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 104.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2019)0121.

(5)

ĠU C 307, 30.8.2018, p. 144.

(6)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(7)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza