Proċedura : 2019/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0173/2019

Testi mressqa :

B8-0173/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0211

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0173/2019</NoDocSe>
PDF 140kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE</Titre>

<DocRef>(2019/2614(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Nils Torvalds, Sophia in ’t Veld, Jean Arthuis</Depute>

<Commission>{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0171/2019

B8‑0173/2019

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE

(2019/2614(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B. billi l-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu, f'isem il-gruppi politiċi, f'diversi okkażjonijiet matul is-snin infurmaw lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Grupp tal-Euro u tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' diversità tas-sessi fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iżda anke fl-istituzzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji l-oħra tal-UE;

C. billi, f'ittra tal-5 ta' Marzu 2019, il-President tal-Parlament Ewropew, wara laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, talab li l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, jimplimentaw miżuri konkreti biex jiggarantixxu l-bilanċ bejn is-sessi u jiżguraw li jfasslu listi mqassra bbilanċjati bejn is-sessi għall-proċeduri tal-għażla kollha;

D. billi, fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu mill-2011 sal-2020;

E. billi l-Parlament jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;

F. billi Membru wieħed biss minn sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huwa mara; billi żewġ Membri biss minn 25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma mara;

G. billi l-Presidenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) huma rġiel; billi Direttur Eżekuttiv wieħed biss mit-tliet Diretturi Eżekuttivi tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) huwa mara;

H. billi l-President tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għadu kif ġie sostitwit minn raġel, fatt li ħalla lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni bħala l-uniku korp tal-UE fil-qasam usa' tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-UE li huwa ppresedut minn mara;

I. billi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma mmexxija minn irġiel;

J. billi disa' Kummissarji Ewropej biss minn 28 huma nisa;

K. billi seba' Membri tal-Bureau tal-Parlament Ewropew minn 20 huma nisa; billi 11-il President tal-Kumitat tal-Parlament minn 23 huma nisa;

1. Jisħaq li d-diversità tas-sessi fil-bordijiet u fil-gvernijiet tiżgura kompetenza usa' u perspettivi aktar miftuħa, u li r-reklutaġġ ta' rġiel biss jew ta' nisa biss jillimita l-għażla u għandu r-riskju li jitlef kandidati potenzjalment eċċellenti;

2. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet tal-UE s'issa naqsu milli jippromwovu d-diversità tas-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħatriet ta' livell għoli f'affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji; jistenna li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu malajr id-diversità tas-sessi fl-ogħla pożizzjonijiet;

3. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jressqu listi mqassra li jinkludu mill-inqas kandidat mara waħda u kandidat raġel wieħed għal kull proċedura ta' nomina fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE;

4. Jissottolinja li fil-ġejjieni, il-Parlament se joġġezzjona għall-kandidati kollha, nisa jew irġiel, li ma jkunux ġewx inklużi f'lista mqassra bbilanċjata bejn is-sessi;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza