MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus
11.3.2019 - (2019/2612(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Markus Ferber, Dariusz Rosati, Roberta Metsola, Emil Radevf'isem il-Grupp PPE
Pervenche Berès, Peter Simon, Birgit Sippel, Ana Gomesf'isem il-Grupp S&D
Petr Ježek, Nils Torvaldsf'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Sven Giegoldf'isem il-Grupp Verts/ALE
Matt Carthy, Martina Anderson, Lynn Boylan, Luke Ming Flanagan, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Patrick Le Hyaric, Liadh Ní Riada, Martin Schirdewan, Marie‑Christine Vergiatf'isem il-Grupp GUE/NGL
Laura Agea, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corraof'isem il-Grupp EFDD
B8‑0176/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) .../... tat-13 ta'Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), u b'mod partikolari l-Artikoli (2) u 64(5) tagħha[1], u kif emendata mid-Direttiva UE 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), b'mod partikolari l-Artikolu 1(5)[2],
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu"[3],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018, "Metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849" (SWD(2018)0362), li inter alia jiddefinixxi l-pajjiżi terzi ta' Prijorità 1 u ta' Prijorità 2,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Frar 2019 mill-President tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) lill-Kummissarju Jourova dwar l-att delegat dwar pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra s-sistemi ta' finanzjament,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-5 ta' Marzu 2019 mill-President tat-TAX3 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-lista tal-Kummissjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fis-6 ta' Marzu 2019 bejn il-Kummissarju Jourova u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament (ECON) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 6964/1/19 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) tat-13 ta' Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (C(2019)1326),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-regolament delegat, l-anness tiegħu u r-regolamenti delegati emendatorji huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir u b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom l-entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jeħtiġilhom jieħdu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti;
B. billi att iddelegat adottat skont l-Artikolu 9 tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw;
C. billi l-Parlament ċaħad tnejn minn ħames regolamenti delegati li jemendaw (C(2016)07495 u C(2017)01951) fuq il-bażi li l-proċess tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir ma kienx awtonomu biżżejjed;
D. billi l-Parlament jappoġġa l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' metodoloġija ġdida li ma tiddependix biss fuq sorsi ta' informazzjoni esterni biex tidentifika ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fl-indirizzar tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
E. billi l-għan tal-lista huwa li tipproteġi l-integrità tas-sistema finanzjarja u tas-suq intern tal-Unjoni; billi l-inklużjoni ta' pajjiż fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir ma twassalx għall-impożizzjoni ta' kwalunkwe sanzjoni ekonomika jew diplomatika, iżda, minflok, tirrikjedi li entitajiet marbutin b'obbligu bħall-banek, il-każinòs u l-aġenziji immobiljari japplikaw miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fuq tranżazzjonijiet li jinvolvu lil dawn il-pajjiżi, u li jiżguraw li s-sistema finanzjarja tal-UE tkun mgħammra biex tipprevjeni riskji ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu minn pajjiżi terzi;
F. billi l-pajjiżi jistgħu jitneħħew mil-lista jekk huma jirrimedjaw in-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;
G. billi fit-13 ta' Frar 2019 il-Kummissjoni adottat l-att delegat tagħha, inkluża lista ta' 23 pajjiż u territorju: l-Afganistan, is-Samoa Amerikana, il-Bahamas, il-Botswana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guam, l-Iran, l-Iraq, il-Libja, in-Niġerja, il-Panama, il-Pakistan, Puerto Rico, is-Samoa, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, is-Sirja, Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u l-Jemen;
H. billi l-Kunsill, fid-Dikjarazzjoni tiegħu tas-7 ta' Marzu 2019, iddikjara li oġġezzjona għall-att delegat peress li l-proposta ma ġietx stabbilita bi proċess trasparenti u reżiljenti li attivament jagħti l-inċentiv lill-pajjiżi milquta biex jieħdu azzjoni deċiżiva waqt li wkoll jirrispetta d-dritt li dawn jesprimu fehmiethom;
I. billi l-metodoloġija l-ġdida ġiet stabbilita f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018, li japplika l-kriterji riveduti għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir;
J. billi l-Kummissjoni bdiet tikkonsulta lill-pajjiżi terzi elenkati fl-att delegat sa mit-23 ta' Jannar 2019, u ltaqgħet ma' dawk il-pajjiżi kollha li talbu aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom;
K. billi fis-7 ta' Marzu 2019 il-Kunsill irrifjuta l-att delegat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni;
1. Jilqa' l-fatt li fit-13 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni adottat lista ġdida ta' 23 pajjiż terz b'nuqqasijiet strateġiċi fl-oqfsa tagħhom tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
2. Jiddispjaċih li l-Kunsill oġġezzjona għall-att delegat propost mill-Kummissjoni;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis it-tħassib kollu espress u tfassal att delegat ġdid malajr kemm jista' jkun;
4. Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni biex tadotta lista awtonoma bbażata fuq kriterji stretti maqbula mill-koleġiżlaturi; jenfasizza l-importanza għall-Unjoni li jkun hemm lista awtonoma ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u jilqa' l-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi b'riskju kbir skont ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;
5. Ifakkar li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif emendat bil-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus jobbliga lill-Kummissjoni biex b'mod indipendenti tivvaluta n-nuqqasijiet strateġiċi f'diversi oqsma;
6. Iqis li sabiex tiġi salvagwardjata l-integrità tal-lista ta' pajjiżi b'riskju kbir, il-proċess ta' skrinjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandu jitwettaq abbażi tal-metodoloġija waħedha, u ma għandux jiġi affettwat minn kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tan-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;
7. Jinnota li l-lobbying u l-pressjoni diplomatika mill-pajjiżi inklużi fil-lista kienu u se jkunu parti mill-proċess ta' identifikazzjoni ta' pajjiżi b'riskju kbir; jissottolinja li tali pressjoni m'għandhiex iddgħajjef il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jindirizzaw il-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu marbut mal-UE b'mod effikaċi u awtonomu;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet tagħha tal-pajjiżi inklużi fil-lista sabiex tiżgura l-iskrutinju pubbliku b'tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jiġu abbużati;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess trasparenti b'punti ta' riferiment ċari u konkreti għal pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista;
10. Jinnota li l-valutazzjoni tal-Federazzjoni Russa għadha għaddejja; jistenna li l-Kummissjoni tinkludi l-aħħar rivelazzjonijiet "Troika Laundromat" fil-valutazzjoni tagħha; ifakkar li l-ħidma tal-kumitati ECON, LIBE u TAX3 matul din il-leġiżlatura qajmet tħassib dwar l-oqfsa kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-Federazzjoni Russa;
11. Jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-Istati Membri biex iżżid is-sjieda tal-Kunsill fuq il-metodoloġija proposta tal-Kummissjoni;
12. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jittrasponu r-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
13. Jitlob li jiġu ddedikati aktar riżorsi umani u finanzjarji lill-unità rilevanti fid-Direttorat Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni, jiġifieri d-DĠ għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (DĠ JUST);
14. Jistieden lill-Kummissjoni tavvanza b'mod sostanzjali fil-fażi ta' valutazzjoni għall-pajjiżi terzi ta' Prijorità 2;
15. Ifakkar li l-att delegat tal-UE huwa proċess separat mil-lista tal-FATF u għandu jibqa' esklussivament kwistjoni tal-UE;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.