Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0177/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0177/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

11.3.2019 - (2019/2580(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Margrete Auken, Jordi Solé, Martin Häusling, Molly Scott Cato, Klaus Buchner, Florent Marcellesi, Reinhard Bütikofer, Bodil Valero, Tilly Metzf'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0177/2019

Proċedura : 2019/2580(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0177/2019
Testi mressqa :
B8-0177/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0177/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

(2019/2580(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jappellaw għal mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-rakkomandazzjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja[1],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 25 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' proċess ġust ta' individwi jew entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi tal-UE jew minn miżuri tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) wara l-laqgħa tal-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Barranin f'Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta' Jannar 2019 dwar Sergei Magnitsky u każijiet simili – il-ġlieda kontra l-impunità b'sanzjonijiet immirati,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati kontra individwi abbażi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – impatt, xejriet u prospetti fil-livell tal-UE), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu fis-26 ta' April 2018[2],

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Gvern Netherlandiż ta' Novembru 2018 b'appoġġ għal Reġim ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-14 ta' Novembru 2018 minn diversi gruppi tas-soċjetà ċivili għal Kummissjoni Ewropea għall-Projbizzjoni ta' Dħul minħabba Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-miżuri restrittivi tal-UE – magħrufa aktar bħala sanzjonijiet – matul dawn l-aħħar għoxrin sena saru parti integrali mis-sett ta' għodod dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-UE, b'aktar minn 40 miżura restrittivi differenti attwalment fis-seħħ kontra 34 pajjiż u ħafna minnhom jimplimentaw direttament ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

B.  billi, minbarra s-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, dan l-aħħar l-UE introduċiet miżuri restrittivi orizzontali kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll miżuri speċifiċi biex tiġġieled it-terroriżmu;

C.  billi s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE huma mmirati kemm għal atturi statali kif ukoll għal atturi mhux statali, bħad-Da'esh u l-al-Qaeda;

D.  billi huwa stmat li żewġ terzi tas-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE ġew imposti b'appoġġ għall-għanijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

E.  billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab li jitwaqqaf reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem (inizjalment magħruf ukoll bħala "Lista Magnitsky Globali tal-UE");

F.  billi r-reġimi ta' sanzjonijiet speċifiċi għad-drittijiet tal-bniedem ġew adottati fi ftit pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Estonja, il-Litwanja u r-Renju Unit; billi l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti ma tipprevedi l-ebda tip ta' proċess ta' rieżami ġudizzjarju;

G.  billi l-Gvern Netherlandiż ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar l-opportunità politika ta' reġim ta' sanzjonijiet immirat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi d-diskussjonijiet preliminari qed ikomplu fil-livell ta' grupp ta' ħidma tal-Kunsill;

1.  Jitlob li jiġi stabbilit malajr reġim ta' sanzjonijiet awtonomu, flessibbli u reattiv madwar l-UE kollha li jkun jippermetti li jiġu mmirati dawk l-individwi responsabbli għal ksur u abbużi gravi madwar id-dinja tad-drittijiet tal-bniedem, jew li jkunu involuti fihom;

2.  Jemmen bis-sħiħ li reġim bħal dan ikun żieda ta' valur għas-sett ta' għodod eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija, u jkun isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fl-appoġġ tagħha għall-vittmi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;

3.  Jinsab konvint mill-effikaċja potenzjali ta' reġim bħal dan u tal-kapaċità tiegħu li jinfluwenza l-imġiba tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll tal-effett dissważiv potenzjali tiegħu u l-valur simboliku billi jżid l-attenzjoni fuq dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-attivisti tal-oppożizzjoni demokratika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-periklu;

4.  Josserva b'ottimiżmu kawt id-diskussjonijiet preliminari li saru fil-livell tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-servizzi tagħha jieħdu approċċ kostruttiv u proattiv għal dan il-proċess u jistenniha tirrapporta lura b'mod regolari dwar il-progress ta' dawn id-diskussjonijiet;

5.  Jisħaq li r-reġim għandu jippermetti li jittieħdu miżuri restrittivi, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE, kontra individwi jew entitajiet li jkunu responsabbli jew involuti, jew li jassistu, jiffinanzjaw, jew jikkontribwixxu għall-ippjanar, it-tmexxija jew il-kummissjoni ta' ksur jew abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill jinkludi l-ksur transfruntier fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim;

6.  Jinsisti fuq l-importanza li r-reġim ikun konsistenti u komplementari mal-politiki eżistenti tal-UE u mal-miżuri restrittivi eżistenti orizzontali u speċifiċi għall-pajjiż; jinsisti, f'dan ir-rigward, li r-reġim il-ġdid ma għandux jissostitwixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri attwali speċifiċi għall-pajjiż; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe reġim futur jeħtieġ li jkun kompletament komplementari u konsistenti mal-qafas internazzjonali eżistenti dwar is-sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

7.  Jissottolinja l-ħtieġa li r-reġim ikun legalment sod u f'konformità sħiħa mal-ogħla standards possibbli f'termini tal-protezzjoni u l-osservanza tad-drittijiet ta' proċess ġust tal-individwi jew l-entitajiet ikkonċernati; jinsisti, f'dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet biex individwi jiġu elenkati u mneħħija minn listi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u distinti sabiex jiġi garantit rieżami ġudizzjarju bir-reqqa;

8.  Jisħaq fuq il-punt li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ġurisdizzjonijiet domestiċi jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv primarju tal-isforzi kollha fil-ġlieda tal-UE u l-Istati Membri tagħha kontra l-impunità; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-responsabbiltà fundamentali li għandhom l-Istati biex iżommu responsabbli lill-awturi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Iwissi li l-leġittimità politika tar-reġim se tiddependi l-aktar mill-kapaċità tal-Kunsill li jadotta listi strettament fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, għall-kuntrarju ta' konsiderazzjonijiet ġeostrateġiċi jew ta' natura oħra; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, iqis li japplika l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-finijiet tat-tfassil ta' dawn il-listi;

10.  Iqis li r-reġim għandu jippermetti li jiġu mmirati individwi kemm minn atturi jew entitajiet statali kif ukoll minn atturi jew entitajiet mhux statali;

11.  Jistenna li l-listi futuri taħt ir-reġim ikunu bbażati fuq evidenza konkreta u esklużivament fuq informazzjoni minn sors miftuħ, inkluża dik mogħtija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistenna li jkun hemm rabta ċara u diretta bejn l-elenkar ta' individwu u r-reat tiegħu;

12.  Iqis li r-reġim il-ġdid għandu jiffoka fuq dawk l-awturi b'rabta diretta u immedjata mar-reat, bħal individwi mill-forzi tas-sigurtà jew mill-ġudikatura, iżda għandu jippermetti wkoll li, fejn rilevanti, jiġu elenkati l-individwi mill-ogħla livell tal-linja ta' kmand;

13.  Jemmen li għandha tingħata prijorità lil firxa żgħira ta' ksur, bħall-involviment dirett f'atti ta' tortura, għajbien sfurzat, traffikar tal-bnedmin u priġunerija politika; jitlob li dan ir-reġim ta' sanzjonijiet ikopri wkoll lill-individwi involuti f'operazzjonijiet kummerċjali li jikkontribwixxu direttament għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħal dak li jirriżulta minn ftehimiet ta' armi li jwasslu għal kunflitti, ħtif tal-art mifrux jew ekoċidju;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ladarba jkun ġie stabbilit, ir-reġim ta' sanzjonijiet jiġi implimentat u infurzat b'mod xieraq; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni, min-naħa tagħhom, jiddedikaw riżorsi u għarfien espert adegwati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-reġim li għadu kemm twaqqaf, u jiddedikaw attenzjoni partikolari għall-komunikazzjoni pubblika dwar il-listi, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;

15.  Jitlob li l-mandat tal-Ombudsman Ewropew jiġi estiż għal reġimi ta' sanzjonijiet tal-UE, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew inkella li jitwaqqaf ombudsman dedikat għas-sanzjonijiet tal-UE;

16.  Jinsisti li l-Parlament jeżerċita skrutinju mill-qrib tal-azzjonijiet tal-Kunsill taħt dan ir-reġim futur, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni u l-modifiki tal-kriterji għall-elenkar u l-modifika ta' dawn il-listi;

17.  Jagħti ġieħ lill-isforzi bla waqfien tal-attivisti tas-soċjetà ċivili favur l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati lejn awturi individwali; jirrakkomanda li jitwaqqaf kumitat konsultattiv fil-livell tal-UE, magħmul minn esperti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li jkun jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin tal-Kunsill dwar reġim futur ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiddaħħal kooperazzjoni mill-qrib ma' dan il-kumitat fi kwalunkwe reġim futur;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza