Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0179/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0179/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

12.3.2019 - (2019/2580(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotygaf'isem il-Grupp ECR
<<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0177/2019

Proċedura : 2019/2580(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0179/2019
Testi mressqa :
B8-0179/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0179/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

(2019/2580(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018 li tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tniedi proposti għal reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jappellaw għal mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ Sergei Magnitsky[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi,[5],

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-30 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa intitolat "Sergei Magnitsky and beyond – fighting impunity by targeted sanctions" (Sergei Magnitsky u lil hinn minnu – il-ġlieda kontra l-impunità permezz ta' sanzjonijiet immirati),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fl-2003 u rieżaminati u aġġornati fl-2005, l-2009, l-2012 u l-2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' April 2018 intitolat "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' individwi responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – l-impatt, ix-xejriet u l-prospetti fil-livell tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-14 ta' Novembru 2018 għal Kummissjoni Ewropea għall-Projbizzjoni fuq id-Dħul minħabba Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kemm fil-konfront ta' pajjiżi terzi kif ukoll fil-konfront ta' individwi, gruppi u entitajiet mhux statali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Netherlandiż, bl-appoġġ tal-Ġermanja u ta' Franza, ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar reġim immirat ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE, li jkun japplika fid-dinja kollha; billi fl-10 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tniedi proposti għal reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti adottaw "liġijiet Magnitsky" li jippermettu lill-gvernijiet tagħhom jimponu sanzjonijiet immirati, bħall-projbizzjonijiet ta' viża u l-iffriżar ta' assi, fuq min iwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew jibbenefika minn tali ksur; billi l-Parlament appella kemm-il darba biex tiġi stabbilita sistema ekwivalenti fuq skala tal-UE;

C.  billi l-"liġijiet Magnitsky" huma msemmija għal Sergei Magnitsky, l-espert Russu fil-qasam tat-taxxa u l-kontabilità li nqatel fl-2009 waqt li kien taħt arrest preventiv fir-Russja; billi s-Sur Magnitsky kien wettaq investigazzjonijiet dwar frodi massiva ta' rimborż tat-taxxa kontra l-baġit tal-Istat Russu, liema frodi ġiet kommessa bl-abbuż ta' strumenti ta' investiment li kienu jappartjenu għall-kumpanija ta' klijent tas-Sur Magnitsky, is-Sur William Browder, minn kriminali li bbenefikaw mill-kollużjoni ta' uffiċjali korrotti tal-pulizija u tat-taxxa;

D.  billi s-sanzjonijiet immirati ma joħolqux tbatija ekonomika għall-persuni ordinarji u, minflok, jiffukaw fuq l-obbligu ta' rendikont individwali tal-persuni li jinstab li jkunu direttament responsabbli għall-azzjonijiet impunjati; billi, fil-Kanada u fi bnadi oħra, ħafna persuni li kienu xettiċi rigward is-sanzjonijiet spiċċaw biex ikkonvinċew ruħhom li l-fatt li tali individwi jitħallew jidħlu f'pajjiżna u jitħallew jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet tagħna, b'mod partikolari l-banek tagħna, ma jfisser xejn ħlief li nkunu kompliċi tal-azzjonijiet kundannabbli tagħhom jew ngħinuhom igawdu l-frott tar-reati tagħhom; billi, fi kliem il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, dawn il-persuni "mhux merħba bihom" fil-pajjiżi tagħna;

E.  billi tali liġijiet jistgħu jkunu strument għall-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni, meqjusa bħala theddid għall-istat tad-dritt; billi l-enfasi tal-leġiżlazzjoni Magnitsky fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tkun tipprovdi bażi legali għall-ħolqien ta' lista sewda bil-persuni involuti f'każijiet ta' korruzzjoni; billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus hija għan li jidher b'mod prominenti – l-istess bħar-rispons għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem – fl-atti legali ta' dawk il-pajjiżi li diġà adottawhom;

F.  billi xi korpi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' reati kriminali; billi, f'tali każijiet, politika ta' sanzjonijiet immirati fuq skala tal-UE tkun effikaċi ħafna;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, qabel tmiem il-leġiżlatura attwali, tistabbilixxi proposta leġiżlattiva għal reġim, fuq skala tal-UE, ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jippermetti l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet ta' viża u sanzjonijiet immirati, bħall-imblukkar tal-proprjetà u l-interessi fil-proprjetà fil-ġurisdizzjoni tal-UE, fuq uffiċjali pubbliċi individwali jew persuni li jaġixxu f'kapaċità uffiċjali u fuq atturi u entitajiet statali u mhux statali li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jemmen bis-sħiħ li tali reġim ikun żieda prezzjuża għas-sett ta' għodod eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija u li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-ġlieda tagħha kontra l-impunità u l-korruzzjoni, meqjusa bħala theddid għall-istat tad-dritt, u fl-appoġġ tagħha għall-vittmi ta' abbuż u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;

3.  Jisħaq fuq il-punt li r-reġim għandu jippermetti li jittieħdu miżuri restrittivi, b'mod partikolari l-iffriżar ta' assi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fl-UE, fil-konfront ta' individwi jew entitajiet li jkunu responsabbli għal każijiet ta' ksur jew ta' abbuż gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew ikunu involuti fihom, jew jagħtu assistenza, finanzjament jew kontribut għall-ippjanar, l-organizzazzjoni jew it-twettiq ta' tali każijiet; iħeġġeġ, f'dan is-sens, biex tiġi stabbilita definizzjoni ċara tal-ambitu tal-ksur bil-għan li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni attwali;

4.  Jinsisti li d-deċiżjonijiet dwar jekk individwi jew entitajiet jiġux inklużi f'lista, jew jitneħħewx minnha, għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u distinti u marbuta direttament mar-reat li jkun sar bil-għan li jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju bir-reqqa;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jinterpretaw l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet b'mod uniformi u konsistenti; jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw bejniethom fl-identifikazzjoni xierqa tal-persuni fil-mira, fosthom billi jużaw il-mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni u billi jaqsmu l-informazzjoni dwar il-persuni inklużi fil-listi ta' sanzjonijiet u r-raġunijiet li għalihom jemmnu li dawn il-persuni huma responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-punt li t-traffikanti tal-bnedmin li japprofittaw minn flussi migratorji għandhom jiġu ssanzjonati taħt tali reġim;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw "liġijiet Magnitsky"; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha joħorġu projbizzjonijiet ta' viża fil-konfront ta' individwi elenkati fil-"liġijiet Magnitsky" adottati preċedentement bħala sinjal ta' solidarjetà ma' dawn il-pajjiżi tal-UE u jqiegħdu lill-UE fuq l-istess livell ta' sħabha trans-Atlantiċi, jiġifieri l-Istati Uniti u l-Kanada, fejn leġiżlazzjoni simili diġà hija fis-seħħ;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi u entitajiet adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b'mod partikolari l-iffriżar ta' assi għall-individwi elenkati u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorji rispettivi tagħhom bħala riżultat ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jisħaq fuq il-punt li l-prosekuzzjoni kriminali tal-awturi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' ġurisdizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali għandha tibqa' l-objettiv primarju tal-isforzi kollha fil-ġlieda tal-UE u l-Istati Membri tagħha kontra l-impunità; jistieden lill-Kunsill jinkludi l-ksur transfruntier fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-reġim;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda kontra l-iskemi ta' evitar tat-taxxa u ta' evażjoni tat-taxxa, jagħlqu r-rifuġji fiskali fl-UE u jappoġġjaw riformi ġudizzjarji f'pajjiżi fejn il-ġudikatura tonqos milli tikkoopera fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u, bħala miżuri preventivi, ma jkunux kompliċi tal-atti kundannabbli ta' uffiċjali korrotti u reġimi kriminali f'pajjiżi barra mill-UE billi jħalluhom jużaw l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi tagħna u jgħinuhom igawdu l-qligħ illeċitu tagħhom;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u l-monitoraġġ ta' dan ir-reġim ladarba jkun fis-seħħ, kif ukoll tiddedika attenzjoni partikolari għall-komunikazzjoni pubblika dwar il-listi, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;

11.  Jappoġġja l-isforzi tal-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jistabbilixxu tali reġim u jħeġġeġ id-diskussjoni dwar il-proposta għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv indipendenti possibbli fil-livell tal-UE;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza