Proċedura : 2019/2580(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0181/2019

Testi mressqa :

B8-0181/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0215

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8‑0181/2019</NoDocSe>
PDF 149kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem </Titre>

<DocRef>(2019/2580(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Soraya Post, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0177/2019

B8‑0181/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem

(2019/2580(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu skont l-Artikolu 135 li jitolbu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tad-19 ta' Jannar 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi[1], tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul[2], u tal-14 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja u l-każ ta' Oyub Titiev[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[5],

 wara li kkunsidra l-istudju dwar "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati kontra individwi abbażi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – impatt, tendenzi u prospetti fil-livell tal-UE), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu fis-26 ta' April 2018[6],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/900 tal-25 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma[7],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE bħala parti mill-azzjonijiet u l-politiki tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċaħda tal-impunità għall-qattiela ta' Sergei Magnitsky u tat-22 ta' Jannar 2019 dwar Sergei Magnistky u lil hinn – il-ġlieda kontra l-impunità permezz ta' sanzjonijiet immirati,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu ggwidati mid-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

B. billi l-UE hija impenjata għall-implimentazzjoni sistematika ta' sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, u fl-istess waqt timponi sanzjonijiet awtonomi fl-assenza ta' mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'każijiet fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma jkollux is-setgħa li jieħu azzjoni jew ikun imċaħħad milli jagħmel dan minħabba nuqqas ta' ftehim fost il-membri tiegħu;

C. billi s-sanzjonijiet tal-UE saru parti integrali mis-sett ta' għodod tal-UE dwar ir-relazzjonijiet esterni; billi s-sanzjonijiet matul dawn l-aħħar għoxrin sena saru parti integrali mis-sett ta' għodod tal-UE għar-relazzjonijiet esterni, b'aktar minn 40 miżura restrittiva differenti attwalment fis-seħħ kontra 34 pajjiż; billi huwa stmat li żewġ terzi tas-sanzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE ġew imposti b'appoġġ għall-għanijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

D. billi s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE huma mmirati kemm għal atturi statali kif ukoll għal atturi mhux statali, bħall-Istat Iżlamiku u l-al-Qaeda;

E. billi l-UE ġiet ikkritikata talli applikat il-politika tagħha ta' sanzjonijiet b'mod inkonsistenti f'pajjiżi terzi ma' rekords simili ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

F. billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab li titwaqqaf skema ta' sanzjonijiet globali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

G. billi l-Gvern Netherlandiż ta bidu għal diskussjoni fost l-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2018 dwar l-opportunità politika ta' reġim ta' sanzjonijiet immirati tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE; billi d-diskussjonijiet preliminari qed ikomplu fil-livell ta' grupp ta' ħidma tal-Kunsill;

H. billi l-użu ta' sanzjonijiet immirati huwa allegatament preferibbli u aktar effettiv mill-użu ta' sanzjonijiet ġenerali, peress li jevita l-konsegwenzi negattivi u l-ispejjeż umanitarji għal popolazzjoni usa', li jaffettwa direttament lill-persuni responsabbli u li jservi ta' deterrent;

1. Jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jitlob li jiġi stabbilit reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jkun flessibbli u reattiv li jkun immirat lejn l-individwi kollha f'ġerarkija partikolari li tkun responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

2. Iqis li r-reġim għandu jippermetti li jiġu mmirati individwi kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali;

3. Jenfasizza li dan il-mekkaniżmu se jsaħħaħ il-politika barranija tal-UE u jsaħħaħ mill-ġdid l-għodda eżistenti tagħha tad-drittijiet tal-bniedem fl-indirizzar u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex ikompli bil-ħidma tiegħu fuq din il-kwistjoni mingħajr dewmien;

4. Jitlob li tali reġim ikun komprensiv, u li jaġixxi b'mod koerenti u li jikkomplementa politiki eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u miżuri restrittivi oħra;

5. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jinterpretaw l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet bl-istess mod konsistenti; iqis li kwalunkwe nuqqas li jittieħdu miżuri xierqa f'sitwazzjonijiet immarkati bi ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem idgħajjef l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-politika dwar is-sanzjonijiet u l-kredibbiltà tagħha; jinsab konvint li reġim globali unifikat ta' sanzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE se jtaffi d-differenzi attwali fil-politika ta' sanzjonijiet tal-UE, isaħħaħ it-trasparenza u jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali tad-drittijiet tal-bniedem;

6. Jenfasizza li ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem għandu jikkostitwixxi bażi sottostanti għall-applikazzjoni ta' sanzjonijiet immirati individwali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jidentifikaw u jiddeskrivu b'mod ċar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem meta jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim, inkluż il-ksur transfruntier u dak relatat ma' ħsara ambjentali volontarja u irriversibbli fuq skala kbira; jenfasizza t-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem meħtieġa għall-istatus SPĠ+, l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-konvenzjonijiet ta' Ġinevra ewlenin f'dan ir-rigward;

7. Jenfasizza li sanzjonijiet immirati għandhom jinkludu projbizzjonijiet tal-viża u ffriżar tal-assi fir-rigward ta' dawk li jwettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fir-rigward ta' kwalunkwe stigatur, xewwiex, ajjutant u/jew kompliċi, u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, fejn meħtieġ,

8. Jisħaq li l-kriterji li jippermettu t-tqegħid f'lista sewda għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati għandhom ikunu legalment sodi, ċari u trasparenti u bbażati fuq provi dokumentati tajjeb u konvinċenti, fatti stabbiliti u informazzjoni vverifikata minn sorsi trasparenti, ta' reputazzjoni tajba u indipendenti; ikompli jisħaq li d-drittijiet għal proċess ġust, ir-rieżami ġudizzjarju u r-rimedju ta' dawk kollha fil-mira għandhom ikunu protetti sa l-ogħla grad; jitlob l-inklużjoni sistematika ta' parametri referenzjarji ċari u speċifiċi u metodoloġija għat-tneħħija tas-sanzjonijiet u għat-tneħħija mil-lista;

9. Jenfasizza li sanzjonijiet immirati jridu jimmiraw li jiksbu riżultati effettivi u dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt u rieżamijiet regolari ladarba jkun fis-seħħ ir-reġim, kif ukoll tissorvelja mill-qrib l-elenkar u t-tneħħija mil-listi; jinsisti li l-Parlament jeżerċita skrutinju mill-qrib f'dan ir-rigward;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi u għarfien espert adegwati għall-infurzar u l-monitoraġġ ta' dan ir-reġim ladarba dan ikun fis-seħħ, kif ukoll tiddedika attenzjoni partikolari għall-komunikazzjoni pubblika dwar l-elenkar, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi kkonċernati;

11. Jappoġġja l-isforzi tal-attivisti tas-soċjetà ċivili biex jistabbilixxu reġim bħal dan u jħeġġeġ id-diskussjoni dwar il-proposta għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv indipendenti possibbli fil-livell tal-UE;

12. Jinnota li diversi Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti adottaw strumenti biex jippermettu lill-gvernijiet tagħhom jimponu sanzjonijiet immirati fejn seħħ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

13. Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-estensjoni tal-mandat tal-Ombudsman tal-UE biex jinkludi r-reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

14. Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni multilaterali u azzjoni kkoordinata flimkien man-NU biex tiġi evitata l-evażjoni tas-sanzjonijiet u tiġi mmassimizzata l-implimentazzjoni tar-reġim skont id-dritt internazzjonali;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] ĠU C 242, 10.7.2018, p. 10.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0434.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0115.

[4] ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.

[5] Testi adottati, P8_TA(2018)0515.

[6] Studju – "Targeted sanctions against individuals on grounds of grave human rights violations – impact, trends and prospects at EU level" (Sanzjonijiet immirati kontra individwi abbażi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem – impatt, tendenzi u prospetti fil-livell tal-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni, Dipartiment Tematiku għall-Politiki tar-Relazzjonijiet Esterni, is-26 ta' April 2018,

[7] ĠU L 160I, 25.6.2018, p. 9.

[8] ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 11.

[9] ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 49.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza