MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tibdil fil-klima
11.3.2019 - (2019/2582(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Eleonora Evi, Dario Tamburrano, Rosa D’Amato, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicinif'isem il-Grupp EFDD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC, l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), u t-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-5 rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,
– wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet orali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fit-tul mill-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi (O-000008/2019 – B8‑0000/2019 u O-000007/2019 – B8‑0000/2019),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-COP24 f'Katowice rriżultat fl-adozzjoni tal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice li tipprevedi ċarezza legali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;
1. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom ma' impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja l-fatt li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u tal-klima fl-Unjoni ammonta għal madwar EUR 12,8 biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu jammontaw għal mill-inqas EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1,8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE jistgħu jitilgħu sa EUR 1 triljun u li sal-2100 id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum il-ġurnata; jenfasizza wkoll li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza tal-ilma serja;
2. Ifakkar fis-sejbiet tal-Ewrobarometru ta' Novembru 2018 li juru li 93 % tal-Ewropej iqisu li t-tibdil fil-klima huwa kkawżat mill-attività tal-bniedem, u li 85 % jaqblu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-użu tal-enerġija b'mod aktar effiċjenti jistgħu joħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa; jinnota li t-tibdil fil-klima huwa kwistjoni ta' prijorità għolja għall-persuni fl-Ewropa;
3. Jissottolinja li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali b'1,5°C jirrappreżenta l-aktar valutazzjoni komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;
4. Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika l-kisba ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) globalment sa mhux aktar tard mill-2067, u li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra jiġu limitati għal massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità sikura biex iżżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5 C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;
5. Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport 2018 tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet tal-Ambjent, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) attwali mingħajr kundizzjonijiet jaqbżu bil-bosta l-limitu tat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm inqas minn 2°C u minflok se jirriżultaw f'żieda fit-temperatura stmata ta' 3.2°C[2] sal-2100; jenfasizza l-bżonn urġenti tal-Partijiet kollha biex l-UNFCCC iżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;
6. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra ġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija Ewropea, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali, lis-settur tan-negozji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-ibliet u lill-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini;
7. Japprova l-objettiv ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu dwar strateġija biex jilħqu dan l-għan bħala parti mid-dibattitu futur dwar l-Ewropa, waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-ambizzjoni meħtieġa sabiex jilħqu dan l-għan;
8. Jemmen li l-Ewropa tista' tindika t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, u tikkoordina l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta;
9. Jaqbel mal-oqsma strateġiċi identifikati mill-Kummissjoni fejn hija meħtieġa azzjoni konġunta u jappoġġa l-effiċjenza enerġetika, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-kompetittività globali tal-industrija tal-UE;
10. Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima introdotti f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jista' jġib inkonsistenzi u ma jwassalx biex l-UE tilħaq ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra (GHG) sal-2050; Jemmen li hemm bżonn li jittieħed approċċ globali;
Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu
11. Jinnota li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-objettiv fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; Jinnota li tnejn biss minn dawn il-perkorsi jippermettu lill-Unjoni tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livelli kollha, minn dak lokali u reġjonali sa dak nazzjonali u Ewropew, u l-involviment tal-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi l-fatt li l-kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u fil-livell lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stipulat fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ ta' investiment għal perkorsi netti żero;
12. Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentati fl-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'madwar 80 % biss sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; Jinnota bi tħassib li din l-ambizzjoni tinsab fil-medda l-baxxa taż-żamma tat-tisħin globali taħt iż-2°C u għalhekk la hija konformi mal-objettiv ta' Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal ferm anqas minn 2°C, u lanqas mal-għan ulterjuri li tinżamm taħt il-1,5°C;
13. Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tkompli tixpruna l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġġib benefiċċji soċjali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej; Jirrimarka li skont l-istimi tal-Kummissjoni il-PDG tal-UE huwa mistenni li jiżdied aktar taħt xenarji b'emissjonijiet żero milli taħt xenarji bi tnaqqis tal-emissjonijiet aktar baxx, filwaqt li fiż-żewġ każijiet l-effetti ma jinfirxux b'mod uniformi madwar l-UE b'riżultat tad-differenzi bejn l-Istati Membri, fost l-oħrajn fir-rigward tal-PDG per capita u l-intensità tal-karbonju tat-taħlita tal-enerġija; Iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar li jqum flus u mhux biss iwassal għal telf kbir ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom peress li xi wħud huma mistennija li jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;
14. Jinnota bi tħassib li llum il-ġurnata, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; Jenfasizza li taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero din tonqos għal 20 % sal-2050, filwaqt li tħalli impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; Jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili bejn l-2031 u l-2050 jkun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;
15. Jenfasizza li tnaqqis fit-tniġġis tal-arja taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero jnaqqas l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b'aktar minn 40 %; Jinnota li taħt tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;
16. Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi bil-għan li jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet serra sal-2050 u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal dawn, u jqis l-objettiv ta' nofs is-seklu bħala l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi; Jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors biex jinkisbu l-emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra qabel l-2050;
17. Jinnota li dawk il-perkorsi jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-qbid u l-ħżin jew l-użu tal-karbonju u l-qbid dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; Iqis madankollu li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE għandha tagħti prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jippreservaw u jtejbu l-bwar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandu jkollha l-għan uniku li tuża t-teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju biss meta ma tkun disponibbli l-ebda għażla ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet; Jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C;
18. Jinnota bi tħassib li x-xenarji kollha ma jeskludux il-fjuwils fossili kompletament mit-taħlita tal-enerġija;
L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta
19. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm emissjonijiet netti żero mingħajr telf nett ta' impjiegi u jinnota b'mod pożittiv il-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industrija li tuża l-enerġija b'mod intensiv; Jenfasizza li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni - l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa verifika tal-ħiliet imġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex tiżgura tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u tappoġġja l-aktar reġjuni vulnerabbli li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq attivitajiet marbuta mas-setturi jew mat-teknoloġiji li huma mistennija li jonqsu jew li fil-futur se jkollhom jiġu ttrasformati u biex tappoġġja lill-persuni fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità li jibqgħu validi fil-futur fl-istess reġjuni;
20. Jenfasizza li t-tranżizzjoni jeħtieġ li tkun ġusta għall-partijiet kollha tas-soċjetà; Jinnota li dan jirrikjedi fehim ta' tranżizzjoni ġusta li jinkorpora l-impatti negattivi u pożittivi assoċjati ma' azzjoni klimatika aċċellerata, bħat-telf ta' impjiegi u opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, kif ukoll l-impatti li jirriżultaw mid-dewmien fit-teħid ta' azzjoni klimatika;
21. Jenfasizza d-diversi kobenefiċċji li se jkollha soċjetà newtrali għall-klima fuq is-saħħa pubblika, kemm fir-rigward tal-iffrankar fuq l-ispiża tal-kura u ta' piż inqas fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika, kif ukoll fuq il-benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa tat-titjib fil-bijodiversità, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi niġġiesa;
22. Jemmen li t-tranżizzjoni tal-Ewropa dwar il-klima trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; Jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; Iqis għalhekk li fil-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima tal-UE u nazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-impatti soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li se jkun hemm bżonn li jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, mat-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni jiġu offruti opportunitajiet ġusti u indaqs;
23. Ifakkar li attwalment madwar 50 sa 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu f'riskju ta' faqar enerġetiku[4]; Jenfasizza li t-tranżizzjoni enerġetika tista' tħalli effett sproporzjonat fuq il-persuni b'introjtu baxx u tkompli żżid il-faqar enerġetiku; Jirrikonoxxi l-fatt li l-politika dwar l-enerġija trid tinkorpora d-dimensjoni soċjali u tiżgura li ħadd ma jitħalla barra; Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet li jħarsu 'l quddiem sabiex jiġu żgurati tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;
24. Jemmen li ż-żgħażagħ qed ikollhom dejjem aktar sensibilizzazzjoni soċjali u ambjentali b'saħħitha, li għandha s-setgħa li tittrasforma lis-soċjetajiet tagħna fid-dawl ta' futur reżiljenti għall-klima, u li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effettivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jirfdu l-bidla kulturali li se tappoġġja l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;
25. Jilqa' l-fatt li persuni madwar l-Ewropa qed isiru dejjem aktar attivi fil-manifestazzjonijiet favur il-ġustizzja klimatika, b'mod partikolari permezz ta' strajkijiet fl-iskejjel; Jilqa' t-talbiet ta' dawn l-attivisti biex ikun hemm ambizzjoni akbar u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-UE għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn it-talbiet;
26. Jenfasizza li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej huma essenzjali biex l-Ewropa tkun tista' tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; Jitlob lil-livelli kollha ta' gvern nazzjonali, reġjonali u lokali jistabbilixxu miżuri konkreti li jistimolaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-iskambju tal-aħjar prattiki fit-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija newtrali għall-klima;
Miri intermedji
27. Jirrikonoxxi l-fatt li d-deċennju ta' bejn l-2020 u l-2030 se jkun l-aktar wieħed importanti jekk l-UE trid tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw mira b'saħħitha fuq terminu medju għall-2030, peress li dan huwa meħtieġ biex jagħti stabbiltà suffiċjenti għall-investimenti fis-suq u biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u jissaħħu l-possibbiltajiet għan-negozji tal-Ewropa biex isiru mexxejja tas-suq globali fil-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi;
28. Jenfasizza li sabiex jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, se jkun meħtieġ li l-livell ta' ambizzjoni għall-2030 jiżdied u jiġi allinjat max-xenarji ta' emissjonijiet netti żero għall-2050; Jemmen li huwa tal-ogħla importanza li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar, l-aktar tard waqt is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York f'Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha lejn il-Ftehim ta' Pariġi;
29. Jappoġġja l-aġġornament tal-NDC tal-Unjoni b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-Unjoni sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; Jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE jappoġġjaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni kif xieraq fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;
30. Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mir-rieżamijiet tal-2022-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, tressaq proposti leġiżlattivi li jgħollu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira ta' emissjonijiet netti żero; Jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-2030 tillimita l-għażliet futuri, possibbilment inkluża d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; Iqis li dawn ir-rieżamijiet huma pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;
31. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata ulterjorment stabbiltà miżjuda għas-swieq, se jkun ta' benefiċċju ukoll għall-UE li tistabbilixxi objettiv ta' tnaqqis fl-emissjonijiet interim ulterjuri sal-2040 li jista' jipprovdi stabilità addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;
32. Iqis li huwa meħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero tiġi rieżaminata b'mod regolari; Iqis li tali rieżami għandu jkun infurmat mir-rendikont globali li jsir kull 5 snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi, u jqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;
Kontribut settorjali
33. Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima fir-rigward tas-setturi kollha; Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dan ir-rigward;
34. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti tal-gassijiet b'effett ta' serra;
35. Jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ integrat, transsettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u setturi oħra assoċjati u jinkisbu benefiċċji minn effiċjenzi akbar; Jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà akbar, titjib fl-effiċjenza tas-sistema, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha, u fl-aħħar mill-aħħar tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;
36. Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv biex jinkiseb it-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE; Iqis li ż-żamma tat-tmexxija industrijali tal-UE b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u tal-produzzjoni industrijali fl-UE, filwaqt li tiġi ppreservata l-kompetittività tal-industriji Ewropej u jiġi evitat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-karbonju jeħtieġu oqfsa ta' politika intelliġenti u mmirati; Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva b'emissjonijiet netti żero;
37. Itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li se jkunu meħtieġa investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inkluż f'teknoloġiji diġitali u fit-teknoloġija nadifa, biex tiġi xprunata l-prosperità u tissaħħaħ il-kompetittività, tingħata spinta lill-ħiliet futuri u jinħolqu miljuni ta' impjiegi, pereżempju f'ekonomija ċirkolari u f'bijoekonomija dejjem akbar;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti fuq livell globali b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; Iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ta' miżuri addizzjonali biex tipproteġi lill-industriji fir-riskju tar-rilokazzjoni tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-karbonju;
39. Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin; Ifakkar li billi tkun l-ewwel ekonomija ewlenija li tagħżel in-newtralità tal-klima, in-negozji Ewropej se jkunu jistgħu jiksbu l-vantaġġ tal-innovatur fis-swieq nazzjonali biex issir il-mexxejja globali fil-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; Jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni jew it-teħid ta' azzjoni insuffiċjenti biex jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050 se jirriżulta fi spejjeż ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment inġustifikabbli u se jxekkel b'mod effettiv il-kompetittività futura tas-settur industrali tal-Ewropa;
40. Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw lilhom infushom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'emissjonijiet żero u l-enerġija rinnovabbli; Jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tibqa' l-ekonomija ewlenija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika; Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
41. Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni għall-2018 dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa jenfasizza l-esponiment għoli kontinwu tal-UE għal prezzijiet tal-fjuwils fossili volatili u li qed jogħlew u li l-ispejjeż futuri tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija li jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; Jenfasizza li fl-2017 l-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota li, skont l-istimi tar-rapport, iż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);
42. Ifakkar li 71 % tal-enerġija kollha tintuża għat-tisħin tal-post biss; Jaqbel mal-Kummissjoni li d-djar effiċjenti fl-enerġija se jsiru n-norma f'UE newtrali għall-klima, filwaqt li jipprovdu saħħa u kumdità aħjar għall-Ewropej kollha;
43. Jitlob li jiġu stabbiliti skema jew mekkaniżmu tal-UE bil-għan li jimmarkaw b'mod ċar u jippromwovu prodotti newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jintegraw il-pilastri attwali tal-qafas tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;
44. Iqis li l-iżviluppi u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi, l-effiċjenza enerġetika kemm fil-provvista kif ukoll fid-domanda u l-enerġija rinnovabbli sostenibbli fis-setturi tat-trasport, tal-bini, tat-tisħin u tat-tkessiħ, u tal-enerġija u l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari lkoll se jkunu kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; Jissottolinja f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji newtrali għat-teknoloġija;
45. Jenfasizza li l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali għandhom jiġu indirizzati fuq skala ferm akbar; Jirrimarka li skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, jeħtieġ li l-industrija tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha b'65–90 % sal-2050, meta mqabbla mal-2010;
46. Jitlob li tiġi stabbilita sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata għalkollox fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; Jenfasizza li l-perkorsi kollha jassumu dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2050, tnaqqis drastiku tal-fjuwils fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;
47. Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-protezzjoni ambjentali, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib tal-kwalità tad-djar; Jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet tan-negozju u impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-introduzzjoni tal-prinċpju l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ tul il-katina tal-enerġija u titqies bħala l-bażi għal kwalunkwe perkors lejn il-mira ta' emissjonijiet netti żero sal-2050;
48. Jirrikonoxxi r-rwol tal-qbid u tal-ħżin tal-karbonju (CCS) fit-tnaqqis tal-emissjonijiet netti, kif stipulat fil-maġġoranza tax-xenarji b'1,5 C fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5 C u l-ħtieġa li tkompli tiġi esplorata l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-qbid u tal-użu (CCU) u CCS ambjentalment sikuri sabiex jinkisbu tnaqqis nett tal-emissjonijiet, u l-evitar jew il-ħżin permanenti tas-CO2 fil-proċessi industrijali; Jinnota bi tħassib li attwalment, il-maġġoranza tat-teknoloġiji tas-CCU mhumiex qed jiksbu tnaqqis tal-emissjonijiet permanenti; Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw biss appoġġ għal dawk it-teknoloġiji li jagħtu riżultati verifikabbli;
49. Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[5] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena u li huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw total ta' massimu ta' EUR 112 biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestiku b'riżultat tad-Direttiva; Jitlob li jiġu regolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u l-ismartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati sabiex jiġi rifless l-iżvilupp teknoloġiku;
50. Jirrimarka li l-elettrifikazzjoni tas-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport tista' tnaqqas b'mod effettiv l-emissjonijiet u l-impatt ambjentali tagħhom biss jekk iż-żieda konsegwenti fid-domanda tal-enerġija tiġi ssodisfata b'żieda korrispondenti fil-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli;
51. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-Unjoni tal-Enerġija u l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien, u li tiġi żgurata integrazzjoni ulterjuri tas-suq Ewropew tal-enerġija sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effikaċi, jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tista' tinkiseb il-parti l-kbira tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini, bil-għan li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija newtrali fil-karbonju u sostenibbli filwaqt li jitnaqqas il-faqar enerġetiku;
52. Jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija tul l-awtoġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin tal-elettriku u tal-parteċipazzjoni fl-iskemi tar-rispons tad-domanda u tal-effiċjenza fl-enerġija se tkun kruċjali fit-tranżizzjoni lejn emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob, għalhekk, li l-involviment attiv taċ-ċittadini jiġi integrat bis-sħiħ fil-perkors għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, b'mod partikolari fin-naħa tad-domanda;
53. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki attwali mhux se jkunu biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; Jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tal-UE tad-diossidu tal-karbonju; Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu passi deċiżivi biex jagħtu aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi lill-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw użu akbar ta' vetturi qodma li jniġġsu ħafna fl-Istati Membri b'introjtu baxx; Jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti biex jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
54. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità tal-klima għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi jridu jikkontribwixxu s-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali; Jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rispettivament, anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ, ma jiksbux it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti konsistenti mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero; Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u l-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; Ifakkar li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali huma previsti li jiżdiedu anke b'250 % sal-2050; Jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra;
55. Jinnota li madwar 60 % tal-metan tad-dinja jiġi rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u l-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; Ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, 28 darba akbar mis-CO2[6] u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jista' jaqdi rwol importanti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u l-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kkonċernati, li jista' jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-UE, u li tippromwovi t-tnaqqis tal-metan fuq livell internazzjonali;
56. Jinnota li s-settur tal-bini tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali tal-Ewropa u 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha[7]; Jitlob li jiġi utilizzat il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, f'konformità mal-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[8] li jinkiseb stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; Jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini jikkostitwixxi potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; Iqis ukoll li l-kisba ta' bini b'enerġija baxxa, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;
57. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet politiċi biex jiġu indirizzati b'mod rapidu l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u biex tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament u lill-Kunsill għal dan il-għan; Jissottolinja l-fatt li l-agrikoltura hija u se tkun dejjem aktar wieħed mis-sorsi ewlenin li jifdal tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-Unjoni fl-2015, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż kif ukoll l-emissjonijiet mit-tibdil indirett fl-użu tal-art; Jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju b'innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll bil-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;
58. Jitlob politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima; Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, huma konformi mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;
59. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża l-politika kummerċjali; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE huma kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan ma jsaħħaħx biss l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima, iżda jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-setturi affettwati;
60. Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tippromwovi r-rwol u l-isforzi tar-reġjuni, tal-ibliet u tal-ibliet żgħar; Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma tal-Patt tas-Sindki tal-UE, li jirrappreżenta 200 miljun ċittadin Ewropew, u tippermettilhom jaqdu rwol ta' katalizzaturi biex issir tranżizzjoni ulterjuri;
61. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-possibbiltà tat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra ma tqisitx fl-istrateġija tal-Kummissjoni; Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-idrofluworokarbur (HFC) bl-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC, li tipprojbixxi l-użu tal-HFCs fis-setturi li m'għadx għandhom bżonnhom, l-allokazzjoni ta' kwoti tal-HFC permezz ta' sistema tal-irkant, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gass Fluworurat[9] bil-projbizzjoni tal-użi kollha mhux meħtieġa tal-SF6, huma opportunitajiet ċari biex jgħinu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha tal-Ftehim ta' Pariġi;
Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-foresti fil-kuntest ta' bijoekonomija sostenibbli
62. Jappoġġja l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti biextiġi inċentivata bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, minħabba l-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tal-effetti ta' sekwestru, ħżin u sostituzzjoni) u l-ilħuq tal-objettiv ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu jimplimentaw u jiffinanzjaw miżuri tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;
63. Jirrakkomanda li sforz sinifikanti għandu jkun iffukat fuq l-agroforestrija u l-kisbiet tassew reali li għandhom jinkisbu - ekoloġikament u fil-bijodiversità - fl-inkorporazzjoni tas-siġar u tal-veġetazzjoni varja f'art agrikola operattiva;
64. Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; Jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkomplementati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jtejbu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; Jappoġġja għalhekk l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u marġinalment produttiva, l-agroforestrija u l-minimizzazzjoni tal-konverżjoni taż-żoni forestali għal użi oħra tal-art;
65. Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom ukoll impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali li jinsabu barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero għandha tiżgura li l-azzjoni tal-UE ma jkollhiex effetti klimatiċi dannużi fil-pajjiżi terzi;; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippromwovu regoli internazzjonali sodi fil-qafas tal-Ġabra ta' Regoli ta' Pariġi, speċjalment fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-kontabbiltà kif ukoll għadd doppju ta' miżuri ta' afforestazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-isforzi klimatiċi globali;
66. Iqis li l-Istrateġija fit-tul ma tqisx kif xieraq is-setturi tal-produzzjoni primarja tal-ekonomija, u li s-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura u l-komunitajiet rispettivi tagħhom jiffaċċjaw riskju ogħla b'mod sproporzjonat ta' konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima; Jirrakkomanda li l-istrateġija għandha tagħti indikazzjoni ċara tal-perkors li dawn is-setturi jeħtieġ li jieħdu biex iżidu r-reżiljenza tagħhom, itejbu l-prevenzjoni tar-riskju u jsostnu l-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistema li l-ekonomija tiddependi fuqhom;
67. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmassimizzati l-protezzjoni u r-restawr tal-imsaġar u tal-artijiet mistagħdra bħala tneħħija naturali tal-karbonju;
68. Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; Jissottolinja, għalhekk, l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni tal-UE komuni biex jiġu ppreservati u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju;
69. Jenfasizza li mill-potenzjal tekniku totali tal-prattiki għal titjib fis-sekwestru tal-karbonju taż-żona agrikola fl-UE, l-agroforestrija għandha l-akbar potenzjal[10];
70. Jenfasizza r-rwol ta' prodotti tal-injam maħsud b'ħajja twila u r-rwol tagħhom fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF) għall-2030; Jenfasizza li l-qafas futur għandu jqis il-kontribut ta' dawn il-prodotti, fosthom mill-kategoriji tal-art agrikola, u mhux biss tal-art forestali u afforestata ġestita;
71. Jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati l-mudelli agrikoli li jappoġġjaw is-sistemi agrikoli reżiljenti għall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-infestazzjoni mill-organiżmi ta' ħsara u li jipprovdu titjib fis-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija, iż-żamma tal-ilma u l-agrobijodiversità;
Finanzjament u riċerka
72. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda anke fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; Jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;
73. Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra se teħtieġ investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena; Jissottolinja li qafas ta' politiki stabbli u prevedibbli dwar l-enerġija u l-klima huwa essenzjali biex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-investituri li hija meħtieġa ħafna u l-industriji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul fl-Ewropa; Jenfasizza, għalhekk, li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandu jingħata prijorità, inklużi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;
74. Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard biex in-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;
75. Jinnota li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tqis il-politika ta' żvilupp rurali tal-politika agrikola komuni (PAK) bħala s-sors ewlieni ta' appoġġ għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-UE u li l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tenfasizza r-rwol tal-PAK biex tappoġġja l-bijoekonomija kemm finanzjarjament kif ukoll billi tipprovdi l-materja prima;
76. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena; Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri[11] jeliminaw minnufih b'mod gradwali s-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-fjuwils fossili kollha;
77. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq fond ta' tranżizzjoni ġusta, speċjalment għar-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam, flimkien ma' kunsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament tal-klima eżistenti; Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun hemm aċċettazzjoni pubblika wiesgħa tal-istrateġija fit-tul, fid-dawl tat-trasformazzjonijiet meħtieġa f'xi setturi;
78. Jissottolinja li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali huma kruċjali biex jappoġġaw lill-Unjoni fir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
79. Jissottolinja li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima trid tkun integrata bis-sħiħ fil-programmi tar-riċerka u tal-innovazzjoni u implimentati fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka bħala wieħed mill-prinċipji tal-finanzjament mill-UE;
80. Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport tal-Bord ta' Livell Għoli dwar il-Perkorsi ta' Dekarbonizzazzjoni (HLP)[12] dwar ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li dan iqiegħed lill-UE f'vantaġġ kompetittiv fit-tellieqa għad-dekarbonizzazzjoni; Jinnota s-sett ta' rakkomandazzjonijiet tematiċi u trasversali prodotti mill-HLP, b'mod partikolari fir-rigward tal-orjentazzjoni tal-Programm Qafas il-ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027, Orizzont Ewropa;
81. Iqis li matul l-għoxrin sena li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi sostanzjali ta' riċerka u innovazzjoni biex isiru disponibbli soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju għal kulħadd u li jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra;
82. Jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu li Orizzont Ewropa jrid jikkontribwixxi b'mill-inqas 35 % tan-nefqa tiegħu b'appoġġ għall-objettivi klimatiċi kif xieraq u bħala parti mill-objettiv ġenerali tal-Unjoni favur l-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi;
Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari
83. Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, inkluż fis-sistema tal-ikel kollha, fis-settur tat-trasport u, b'mod partikolari, fis-settur tal-avjazzjoni; Jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; Jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;
84. Jinnota li, għalkemm il-konsum tax-xaħmijiet saturati u tal-laħam aħmar fl-Unjoni jibqa' ferm ogħla mill-valuri nutrizzjonali rrakkomandati, l-istatistika mill-FAO tindika li l-konsum totali tal-prodotti tal-laħam u mill-annimali per capita fl-UE28 naqas mis-snin disgħin; Ifakkar li l-aċċellerazzjoni ta' din ix-xejra li għaddejja bħalissa hija essenzjali biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tan-nitroġenu mill-industrija tal-ikel u mill-agrikoltura;
85. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija, iżda anke, bl-istess mod, sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, jiġifieri s-sostituzzjoni tal-prodotti u l-materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu emissjonijiet kbar matul il-produzzjoni permezz ta' prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;
86. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; Jenfasizza li huwa possibbli li jinkiseb iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; Jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; Jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; Jissottolinja li approċċi mtejba fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari, kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari, se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u jnaqqsu l-ammont ta' skart;
87. Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-impronta tal-materjali li jintużaw u l-impatt ambjentali ġenerali; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;
88. Iqis li għandha titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; Jieħu nota tal-fatt li abbażi tal-mudelli eżistenti, l-analiżi fil-fond tikkonkludi li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-produzzjoni tagħha b'xi mod jiġu kkumpensati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti li jkollhom marka tal-karbonju ogħla; Jenfasizza l-konklużjoni li sal-2016, l-UE diġà kienet tat kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss tal-kummerċ u l-effiċjenza mtejba tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;
L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima
89. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u ta' diplomazija klimatika effettiva bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni klimatika f'reġjuni u pajjiżi terzi oħra; Jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lill-pajjiżi terzi, li għandha tkun b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma tingħaddx darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;
90. Jenfasizza l-importanza ta' diplomazija u tmexxija b'saħħithom tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-ambizzjoni globali u multilaterali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur żvilupp sostenibbli; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu oqfsa komuni u azzjoni fi ħdan il-fora tan-NU;
91. Jenfasizza li s-Summit tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li se jsir f'Settembru 2019 se jkun il-mument ideali biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar fir-rigward tal-NDCs; Iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament tal-NDC tagħha ferm minn qabel, sabiex fis-Summit tkun ippreparata sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali tal-Partijiet b'appoġġ għal ambizzjoni msaħħa fil-qasam tal-klima;
92. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra mill-Ewropa biex issegwi aktar tnaqqis tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti mtejba ta' kompetizzjoni fuq livell globali; Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali biex jiġi żgurat tnaqqis reali u addizzjonali fil-gassijiet b'effett ta' serra; Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippromwovi regoli internazzjonali stretti u b'saħħithom relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex tipprevjeni diskrepanzi fil-kontabbiltà jew l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;
°
° °
93. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P8_TA-PROV(2018)0430.
- [2] Programm għall-Ambjent tan-NU, "Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2018", p. 10
- [3] Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
- [4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf
- [5] Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
- [6] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210
- [7] https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings
- [8] Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
- [9] Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).
- [10] Joris Aertsens, Leo De Nocker1, Anne Gobin, 2011: "Valuing the carbon sequestration potential for European agriculture" (Valutazzjoni tal-potenzjal ta' sekwestru tal-karbonju għall-agrikoltura Ewropea)
- [11] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001 final, paġni 10-11.
- [12] "Final Report of the High-Level Panel of the European Decarbonisation Pathways Initiative" (Rapport Finali tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Perkorsi ta' Dekarbonizzazzjoni), Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Novembru 2018.