Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0198/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0198/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tibdil fil-klima

11.3.2019 - (2019/2582(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Bas Eickhoutf'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019

Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0198/2019
Testi mressqa :
B8-0198/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0198/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polinja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-Regola 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jirrikonoxxi li r-riskji serji tat-tibdil fil-klima jinsabu fil-qalba tat-tħassib taċ-ċittadini tagħna; jappoġġja d-dimostrazzjonijiet, b'mod partikolari fil-forma ta' mixjiet għall-klima u strajks fl-iskejjel, biex jitqajjem għarfien dwar dawn ir-riskji marbuta mal-klima; jirrikonoxxi li n-nies madwar l-Ewropa kollha, b'mod partikolari l-ġenerazzjoni żagħżugħa, it-tfal tal-iskola u l-istudenti, jinsabu inkwetati ħafna dwar in-nuqqas ta' sforz li qed jagħmlu l-gvernijiet fl-Ewropa biex jiżguraw futur sostenibbli; jilqa' s-sejħiet minn dawn l-attivisti għal ambizzjoni tal-klima akbar u jitlob lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll lill-UE biex jieħdu azzjoni konkreta u rapida sabiex ma jinqabiżx il-limitu tal-klima ta' 1.5°C;

2.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u relatat mal-klima fl-Unjoni kien jammonta għal madwar EUR 12.8 biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu mill-anqas jilħqu EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1.8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE jistgħu jiżdiedu għal EUR 1 triljun u li sal-2100 id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum il-ġurnata; ikompli jisħaq li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza tal-ilma serja;

3.  Jenfasizza li r-rapport speċjali dwar it-Tisħin Globali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1.5°C jirrappreżenta l-valutazzjoni xjentifika l-aktar komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

4.  Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1.5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika l-kisba ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet serra (GHG) globalment sa mhux aktar tard mill-2067, u li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra se jitnaqqsu għal massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità tajba biex iżżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5 C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

5.  Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) attwali bla kundizzjonijiet jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2 C, u minflok dan se jirriżulta fi stima ta' żieda ta' 3,2 C[2] fit-temperatura sal-2100; jenfasizza l-bżonn urġenti għall-Partijiet kollha għall-UNFCC biex iżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;

6.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għall-kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tenfasizza l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'gassijiet serra netti żero ġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ħolqien ta' impjiegi u ekonomija fl-Ewropa, u fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu mifrux li jinvolvi l-istituzzjonijieti tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, is-settur tan-negozju, organizzazzjonijiet mhux governattivi, bliet u komunitajiet, kif ukoll ċittadini;

7.  Japprova l-objettiv ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqblu dwar strateġija biex jiksbu dan l-għan bħala parti mid-dibattitu futur tal-Ewropa, fis-summit tal-UE speċjali f'Sibiu ta' Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-ambizzjoni meħtieġa sabiex jinkiseb dan il-għan;

8.  Jemmen li l-Ewropa tista' twitti t-triq għal emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra billi naqilbu l-investimenti għal soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, u naġixxu f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali, it-trasport, l-agrikoltura u r-riċerka, filwaqt li niżguraw il-ħolqien tal-impjiegi u l-ġustizzja soċjali għal tranżizzjoni ġusta;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu

9.  Jinnota li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-objettiv fit-tul tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li tnejn minnhom biss jippermettu lill-Ewropa biex tikseb emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livelli kollha, minn dak lokali u reġjonali għal nazzjonali u Ewropew, u l-involviment tal-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stipulat fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ ta' investiment għal perkorsi netti żero;

10.  Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentata fl-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'madwar 80 % biss sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tas-snin disgħin; jinnota bi tħassib li din l-ambizzjoni tinsab fil-medda aktar baxxa li t-tisħin globali jinżamm taħt 2 C u għalhekk mhijiex konformi mal-objettiv ta' Pariġi li tinżamm sew taħt 2 C, lanqas l-għan ulterjuri li tinżamm taħt 1.5 C;

11.  Jisħaq li t-tranżizzjoni ta' enerġija nadifa se tistimula l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u ġġib benefiċċji soċjetali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej; jindika li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE huwa mistenni li jiżdied aktar f'xenarji ta' emissjonijiet żero milli f'xenarji bi tnaqqis iżgħar tal-emissjonijiet; iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar li jqum flus u mhux biss iwassal għal telf kbir ħafna ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom peress li xi wħud huma mistennija li jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;

12.  Jinnota bi tħassib li bħalissa, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero din tonqos għal 20 % sal-2050, li jkollha impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-karburanti fossili bejn l-2031 u l-2050 ikun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;

13.  Jenfasizza li tnaqqis fit-tniġġis tal-arja taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero jnaqqas l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b'aktar minn 40 %; jinnota li taħt tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;

14.  Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi mmirati biex jinkisbu emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal dawn, u jikkunsidra li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni taħt il-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors għal gassijiet b'effett ta' serranetti żero għal qabel l-2050;

15.  Jiddeplora n-nuqqas ta' perkors ta' emissjonijiet netti żero billi jassumi sistema tal-enerġija bbażata kompletament fuq is-sorsi rinnovabbli sal-2050; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tippreżenta malajr kemm jista' jkun xenarju komplementari għal sorsi rinnovabbli 100 % sal-2050;

16.  Jinnota li l-perkorsi jinvolvu l-użu ta' numru ta' teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jew ġbir u użu tal-karbonju (CCU) u ġbir dirett tal-arja, li għad iridu juru l-affidabbiltà tagħhom; jikkunsidra, madankollu, li l-istrateġija nett żero tal-UE għandha tipprijoritizza tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u azzjonijiet li jikkonservaw u jtejbu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE, u għandhom jimmiraw biss għall-użu ta' teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju fejn ma jkun hemm l-ebda għażla disponibbli ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet jew tneħħija tal-karbonju naturali; jemmen li huwa meħtieġ tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li tiddependi fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1.5°C;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

17.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm emissjonijiet netti żero mingħajr telf nett ta' impjiegi u jieħu nota pożittiva tal-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji intensivi fl-enerġija; jenfasizza li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni - l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; jikkunsidra, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa ħiliet tal-awditu mġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet għal Ewropa newtrali fil-klima sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u sabiex jiġu appoġġjati l-aktar reġjuni vulnerabbli li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq attivitajiet marbuta ma' setturi jew teknoloġiji li mistennija jonqsu jew se jkollhom jinbidlu fil-futur, u biex jiġu appoġġjati persuni fl-għoti ta' ħiliet mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità li jibqgħu validi fil-futur fl-istess reġjuni;

18.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni jeħtieġ li tkun ġusta għall-partijiet kollha tas-soċjetà; jinnota li dan jirrikjedi fehim ta' tranżizzjoni ġusta li jinkorpora l-impatti negattivi u pożittivi assoċjati ma' azzjoni klimatika aċċellerata, bħat-telf ta' impjiegi u opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, kif ukoll l-impatti li jirriżultaw mid-dewmien fit-teħid ta' azzjoni klimatika;

19.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li se jkun hemm bżonn li jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, mat-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni jiġu offruti opportunitajiet ġusti u indaqs;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu għal progress soċjali u ġustizzja soċjali; jisħaq, b'mod partikolari, il-ħtieġa urġenti li jiġu żgurati kontributi ġusti mill-akbar pajjiżi li jniġġsu, inkluż billi jiġi indirizzat l-evitar tat-taxxa u ppjanar tat-taxxa b'saħħtu mill-korporazzjonijiet; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx;

21.  Jenfasizza d-diversi kobenefiċċji li se jkollha soċjetà newtrali għall-klima fuq is-saħħa pubblika, kemm f'termini ta' ffrankar fuq l-ispiża tal-kura u piż eħfef fuq l-assigurazzjoni u s-sistemi tas-saħħa pubblika, kif ukoll fuq il-benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa ta' titjib fil-bijodiversità, tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi niġġiesa;

22.  Ifakkar li attwalment madwar 50 sa 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar enerġetiku[4]; jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq il-persuni bi dħul baxx u żżid aktar il-faqar enerġetiku; jirrikonoxxi l-fatt li l-politika dwar l-enerġija trid tinkorpora dimensjoni soċjali u tiżgura li ħadd ma jitħalla barra; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

23.  Jemmen li ż-żgħażagħ qed ikollhom dejjem aktar sensibilizzazzjoni soċjali u ambjentali akuta, li għandha s-setgħa li tittrasforma lis-soċjetajiet tagħna bil-għan li jkun hemm futur reżiljenti għall-klima, u li l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effettivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jirfdu l-bidla kulturali li se tappoġġja l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;

24.  Jenfasizza li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej huma essenzjali biex l-Ewropa tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jitlob il-livelli kollha ta' gvern nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimplimentaw miżuri konkreti biex jistimulaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-iskambju tal-aħjar prattiki fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero;

Miri intermedji

25.  Jirrikonoxxi li d-deċennju ta' bejn l-2020 u l-2030 se jkun tal-akbar importanza jekk l-UE trid tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw mira ta' terminu medju b'saħħitha għall-2030, peress li dan huwa meħtieġ biex iġib biżżejjed stabbiltà tal-investiment fis-suq, biex jikkontrolla bis-sħiħ il-potenzjal ta' innovazzjoni teknoloġija u biex iżid l-opportunitajiet għan-negozji tal-Ewropa biex isiru mexxejja tas-suq globali;

26.  Jisħaq li sabiex jintlaħqu emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero sal-2050 bl-aktar mod kosteffikaċi, il-livell ta' ambizzjoni tal-2030 ser ikun jeħtieġ li jiżdied konsiderevolment; jemmen li huwa tal-akbar importanza għall-Unjoni li tibgħat messaġġ ċar, matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York sa mhux aktar tard minn Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha lejn il-Ftehim ta' Pariġi;

27.  Jappoġġja aġġornament tal-NDC tal-Unjoni, b'mira mifruxa mal-ekonomija ta' mill-inqas tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra domestiċi sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex jaqbel dwar pożizzjoni komuni sabiex l-Unjoni tista' żżid il-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tagħha kif xieraq fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

28.  Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn waqt ir-rieżamijiet tal-2022-2024 tal-pakkett klimatiku tal-2030 u leġiżlazzjoni rilevanti oħra, tippreżenta proposti leġiżlattivi li jżidu l-livell tal-ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira ta' emissjonijiet netti żero' jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-2030 tillimita l-għażliet futuri, inkluża d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; iqis li dawn ir-rieżamijiet huma pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

29.  Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata l-istabbiltà u l-viżibbiltà għall-investituri, se jkun ukoll ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet interim ulterjuri sal-2040;

30.  Iqis li huwa meħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero tiġi riveduta regolarment; iqis li tali rieżami għandu jkun infurmat mir-rendikont globali li jsir kull ħames snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi u li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;

Kontribut settorjali

31.  Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità tal-klima fir-rigward tas-setturi kollha; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dan ir-rigward;

32.  Jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ integrat, transsettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u setturi oħra assoċjati u jinkisbu benefiċċji minn effiċjenzi akbar; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero; jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà akbar, titjib fl-effiċjenza tas-sistema, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha, u fl-aħħar mill-aħħar tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija industrijali tal-UE ambizzjuża li tqis il-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta tagħna u tappoġġja t-tranżizzjoni ġusta tas-setturi kollha, inklużi l-industriji intensivi fl-enerġija, lejn emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero; jaqbel mal-oqsma strateġiċi identifikati mill-Kummissjoni fejn hija meħtieġa azzjoni konġunta;

34.  Jemmen li l-UE għandha tissostitwixxi l-miżuri eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'politiki li jinternalizzaw l-ispejjeż kollha marbuta mal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex teżamina l-effettività, u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' mekkaniżmi ta' aġġustament fit-taxxa għall-fruntiera tal-karbonju kemm għall-importazzjonijiet kif ukoll għall-esportazzjonijiet, u biex tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun;

35.  Jemmen li l-prosperità, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin; ifakkar li billi jkunu parti mill-ewwel ekonomija ewlenija li tagħżel in-newtralità tal-klima, in-negozji Ewropej se jkunu jistgħu jiksbu l-vantaġġ tal-innovatur fis-swieq internazzjonali biex isiru l-mexxej globali fil-produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li d-dewmien fit-teħid ta' azzjoni jew it-teħid ta' azzjoni insuffiċjenti biex jinkisbu emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050 se jirriżulta fi spejjeż ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment inġustifikabbli u se jxekkel b'mod effettiv il-kompetittività futura tas-settur industrijali tal-Ewropa;

36.  Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw lilhom infushom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'emissjonijiet żero u l-enerġija rinnovabbli; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tibqa' l-ekonomija ewlenija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika; jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

37.  Jinnota li r-rapport għall-2018 tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa jenfasizza l-esponiment għoli kontinwu tal-UE għal prezzijiet tal-karburanti fossili volatili u li qed jogħlew u li l-ispejjeż futuri tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija li jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-karburanti fossili u jonqsu għas-sorsi rinnovabbli; jisħaq li fl-2017 l-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota li r-rapport jistma li ż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);

38.  Ifakkar li 71 % tal-enerġija kollha tintuża għat-tisħin tal-post biss; jaqbel mal-Kummissjoni li d-djar effiċjenti fl-enerġija se jsiru n-norma f'UE newtrali għall-klima, filwaqt li jipprovdu saħħa u kumdità aħjar għall-Ewropej kollha;

39.  Jikkunsidra li żviluppi u soluzzjonijiet teknoloġiċi, effiċjenza fl-enerġija kemm fil-provvista kif ukoll fid-domanda u enerġija rinnovabbli sostennibbli fit-trasport, fil-bini, fit-tisħin u fit-tkessiħ, u fis-setturi tal-enerġija, u prinċipji tal-ekonomija ċirkolari kollha se jkunu importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji speċifiċi għat-teknoloġija;

40.  Jenfasizza li l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali għandhom jiġu indirizzati fuq skala ferm akbar; jindika li skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1.5°C, l-industrija jeħtieġ li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha b'65-90 % sal-2050, meta mqabbel mal-2010;

41.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-enerġija u bbażata fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward, billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha;

42.  Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-protezzjoni ambjentali, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib tal-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet tan-negozju u impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata b'mod sħiħ permezz tal-katina tal-enerġija bħala l-bażi għal mogħdija lejn mira b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;

43.  Jenfasizza li l-perkorsi tat-tisħin globali ta' 1.5 C bl-ebda eċċess jew b'eċċess limitat analizzati fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali ta' 1.5 C jattribwixxu rwoli differenti ħafna lill-użu ta' CCS/CCU, li jvarjaw minn żero sa 300 GtCO2 kumulattiv maħżuna sal-2050; jemmen li l-ħżin tas-CO2 ma għandux jiġi implimentat fis-setturi li fihom jeżistu alternattivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet suffiċjenti, kif huwa l-każ fis-settur tal-enerġija; jirrikonoxxi r-rwol li s-CCU jista' jkollu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet f'xi proċessi industrijali, iżda jinnota bi tħassib li bosta teknoloġiji tas-CCu mhumiex jwasslu tnaqqis tal-emissjonijiet permanenti bħalissa;

44.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[5] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena, u li huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw total ta' massimu ta' EUR 112 biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika b'riżultat tad-Direttiva; jitlob li jiġu rregolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u l-ismartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati biex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat il-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija u Enerġija Nadifa bla dewmien, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tista' tinkiseb l-aktar produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini, bl-għan li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija newtrali fil-kabnoju u xierqa filwaqt li jitnaqqas il-faqar tal-enerġija; iqis li huwa essenzjali jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri, inkluż billi jħeġġeġ aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;

46.  Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki attwali mhux se jkun biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena sistema ta' trasport sostenibbli fl-UE li tiddependi fuq tliet pilastri ewlenin: evitar, bidla modali u titjib fl-effiċjenza; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tal-UE tad-diossidu tal-karbonju; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, għalhekk, biex jieħdu passi deċiżivi sabiex jippermettu aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi evitat teħid miżjud ta' vetturi antiki li jniġġsu ħafna fi Stati Membri b'introjtu baxx; jitlob li l-bejgħ ta' karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief b'magni bil-kombustjoni interna fl-UE jispiċċa sa mhux aktar tard mill-2035; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti fl-istabbiliment ta' sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

47.  Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità tal-klima għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi jridu jikkontribiwxxu s-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri globali attwali u l-miżuri previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rispettivament, anki jekk jiġu implimentati b'mod sħiħ, ma jissodisfawx it-tnaqqis tal-emissjonijiet meħtieġ, u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti konsistenti mal-objettiv mifrux mal-ekonomija ta' emissjonijiet żero; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u l-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; ifakkar li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali huma previsti li jiżdiedu anke b'250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi Aġenda Ferrovjarja Ewropea komprensiva malajr kemm jista' jkun, inkluż ir-realizzazzjoni rapida ta' netwerk tal-ferrovija ġol-UE interoperabbli u l-mobilizizazzjoni ta' investimenti mtejba, b'mod partikolari għall-aġġornar tal-linji eżistenti, it-tegħlib ta' konnessjonijiet neqsin, u l-iżgurar tad-drittijiet tal-passiġġieri u bejgħ ta' biljetti globali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex tfassal politiki, investimenti u inċentivi biex tiżgura li l-vjaġġi bil-ferrovija fl-Ewropa sa 1000 km, fejn affidabbli u prattikabbli, ikunu aktar attraenti għaċ-ċittadini mill-ekwivalenti ta' trasport bl-ajru jew bit-triq;

49.  Jinnota li s-settur tal-bini tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali tal-Ewropa u 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha[6]; jitlob jinfetaħ il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, skont l-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[7] biex sal-2050 jinkiseb stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u dekarbonizzat; jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-kisba ta' bini b'rata baxxa ta' użu tal-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

50.  Jinnota li madwar 60 % tal-metan tad-dinja jiġi rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u l-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, 28 darba akbar mis-CO22[8] u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jista' jaqdi rwol importanti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u l-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha biex tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet politiċi biex jiġu indirizzati b'mod rapidu l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u biex tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju permezz ta' innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll il-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;

51.  Jitlob politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mal-objettiv li jinkisbu emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-ammont ta' bhejjem fl-UE, billi jinbeda minn żoni b'densità għolja ta' bhejjem u jispiċċa bl-azjendi industrijali; jenfasizza li l-bidliet fid-drawwiet alimentari, b'mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti tal-konsum tal-bhejjem, jistgħu jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mis-settur agrikolu;jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, huma konformi mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża l-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE huma kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss issaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-setturi affettwati;

53.  Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi r-rwol u l-isforzi tar-reġjuni, tal-ibliet u tal-irħula; jistieden lill-Kummissjoni biex tibni fuq il-ħidma tal-Patt tas-Sindki tal-UE, li jirrappreżenta 200 miljun ċittadin Ewropew, u tippermettilhom jaqdu rwol ta' katalizzaturi biex issir tranżizzjoni ulterjuri;

54.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-possibbiltà tat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra ma tqisitx fl-istrateġija tal-UE; jisħaq li l-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-idrofluworokarbur (HFC) bl-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC, li tipprojbixxi l-użu tal-HFCs fis-setturi li m'għadx għandhom bżonnhom, l-allokazzjoni ta' kwoti tal-HFC permezz ta' sistema tal-irkant, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gass Fluworurat[9] bil-projbizzjoni tal-użi kollha mhux meħtieġa tal-SF6, huma opportunitajiet ċari biex jgħinu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha tal-Ftehim ta' Pariġi;

Nimmassimizzaw il-potenzjal klimatiku tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tas-settur tal-forestrija

55.  Itenni s-sejbiet tal-IPCC, li jgħidu li l-impatti ambjentali, inkluż in-nirien fil-foresti u d-degradazzjoni ta' foresti tundra u boreali, se jiħraxu aktar kemm jiżdiedu t-temperaturi globali;

56.  Jirrikonoxxi l-potenzjal konsiderevoli tal-foresti biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz ta' sekwestru, ħżin u sostituzzjoni) u l-kisba tal-mira ta' emissjonijiet żero sa mhux aktar tard mill-2050; ifakkar l-objettiv li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020; jappoġġja l-ġestjoni tal-foresti sostenibbli f'dan ir-rigward, flimkien ma' mezzi konkreti biex tiġi inċentivata bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli;

57.  Jirrikonoxxi l-potenzjal pożittiv, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkumplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jsaħħu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; jappoġġja sforzi ewlenin dwar l-agroforestrija u l-kisbiet reali ħafna li għandhom isiru – ekoloġikament u fil-bijodiversità – permezz tal-inkorporazzjoni tas-siġar u l-veġetazzjoni varja fir-raba' li tinħadem; jenfasizza li mill-potenzjal tekniku totali tal-prattiki għal titjib fis-sekwestru tal-karbonju taż-żoni agrikoli fl-UE, l-agroforestrija għandha l-akbar potenzjal[10];

58.  Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali li jinsabu barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE għal emissjonijiet netti żero għandha tiżgura li l-azzjoni tal-UE ma jkollhiex effetti klimatiċi dannużi f'pajjiżi terzi; ifakkar l-impenn internazzjonali tal-UE biex titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020 u jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni konkreta f'dan ir-rigward, inkluż permezz ta' leġiżlazzjoni u regolament ġdid; jitlob, b'mod partikolari, lill-UE biex tissepara r-rabta bejn it-telf tal-foresti naturali u l-konsum Ewropew; jitlob, barra minn hekk, eliminazzjoni immedjata ta' bijokarburanti bbażati fuq l-ikel u l-għalf, inkluż żejt tal-palma u sojja;

59.  Jenfasizza li mill-foresti Ewropej bi status protett, 15 % biss tal-abitats tal-foresti tal-UE jinsabu f'kondizzjoni favorevoli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmasimizzati l-protezzjoni u l-irkupru tal-foresti, boskijiet u artijiet mistagħdra bħal dawk li jneħħu l-karbonju b'mod naturali;

60.  Jenfasizza l-fatt li hemm aktar karbonju maħżun fil-ħamrija milli fil-bijosfera u fl-atmosfera flimkien; jissottolinja għalhekk l-importanza li titwaqqaf id-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE, u li tiġi żgurata azzjoni tal-UE komuni biex jiġu ppreservati u mtejba l-kwalità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju;

61.  Jenfasizza r-rwol ta' prodotti tal-injam maħsud b'ħajja twila u r-rwol tagħhom fis-settur tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) għall-2030; jenfasizza li l-qafas futur għandu jikkunsidra l-kontribut ta' dawn il-prodotti, inkluż minn kategoriji ta' art agrikolu, u mhux biss foresti ġestiti u art afforestata;

62.  Jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati l-mudelli agrikoli li jappoġġjaw is-sistemi agrikoli reżiljenti għall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-infestazzjoni mill-organiżmi ta' ħsara, u li jwasslu għal titjib fis-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija, iż-żamma tal-ilma u l-agrobijodiversità;

Finanzjament u riċerka

63.  Jikkunsidra li sabiex l-Unjoni tilħaq emissjonijiet żero netti sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti pubbliċi u privati sostanzjali; jenfasizza li qafas politiku tal-enerġija u klimatiku stabbli u li jista' jiġi previst huwa importanti biex jagħti kunfidenza tal-investitur li tant hija meħtieġa u biex jippermetti lill-industriji Ewropej biex jagħmlu deċiżjonijiet tal-investiment fit-tul fl-Ewropa;

64.  Jikkunsidra li l-isfida ewlenija hija li jiġu ridiretti l-flussi tal-fluss minn investimenti tal-produzzjoni għal investimenti ekoloġiċi, u li s-sejba ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji biex tiġi indirizzata l-akbar sfida li qed taffaċċja attwalment l-umanità hija qabel kollox kwistjoni ta' rieda politika; jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandha jingħata prijorità, inklużi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

65.  Jikkunsidra li l-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021-2027, qabel l-adozzjoni tiegħu, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv tal-kisba ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra netti żero sa mhux aktar tard mill-2050, u li jrid jiġi stabbilit test standard biex jiżgura li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE tkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

66.  Jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-EU ETS u l-bidu tal-ewwel sejħa għal proposti fl-2019, sabiex jiżdiedu l-investimenti fit-turija ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju f'medda wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda wkoll tisħin distrettwali u proċessi industrijali;

67.  Jinnota li l-Istrateġija tal-Foresti tal-UE tqis il-politika tal-iżvilupp rurali tal-politika agrikola komuni bħala s-sors ewlieni ta' appoġġ għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli ta' foresti tal-UE;

68.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri[11] biex jeliminaw immedjatament is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-karburanti fossili kollha;

69.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' fond ta' tranżizzjoni ġust, speċjalment għar-reġjuni u għall-komunitajiet li l-aktar jiġu affettwati mid-dekarbonizzazzjoni;

70.  Jenfasizza li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u nazzjonali huma kruċjali biex jappoġġaw lill-Unjoni fir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

71.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima trid tkun integrata bis-sħiħ fi programmi tar-riċerka u tal-innovazzjoni u implimentata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka bħala waħda mill-prinċipji tal-finanzjament mill-UE;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

72.  Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, inkluż fis-sistema tal-ikel kollha u fis-settur tat-trasport u b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;

73.  Jinnota li l-istatistika mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU tindika li l-konsum totali tal-prodotti tal-laħam u mill-annimali per capita fl-UE28 naqas mis-snin disgħin u jekk din it-tendenza li tinsab għaddejja tiġi appoġġjata, flimkien ma' miżuri tekniċi ta' mitigazzjoni min-naħa tal-provvista, dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-produzzjoni agrikola;

74.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tikseb mhux biss sostituzzjoni tal-enerġija, iżda wkoll, sal-istess limitu, sostituzzjoni tal-prodott/materjal, jiġifieri s-sostituzzjoni ta' prodotti u materjali li huma bbażati fuq il-karburanti jew li joħolqu emissjonijiet għolja waqt il-produzzjoni bi prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

75.  Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li approċċi mtejba dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u se jnaqqsu l-ammont ta' skart;

76.  Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tagħmel kontribut sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-marka tal-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;

77.  Jikkunsidra li għandha titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jieħu nota tal-fatt li, abbażi tal-mudelli eżistenti, l-analiżi fil-fond tikkonkludi li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-produzzjoni tagħha b'xi mod jiġu kkumpensati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti li jkollhom marka tal-karbonju ogħla;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

78.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi miżjuda u djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u ta' diplomazija klimatika effettiva, bl-għan li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-ambizzjoni globali u multilaterali, u jiġu stimulati deċiżjonijiet politiċi simili li jżidu l-ambizzjoni klimatika f'reġjuni oħra u f'pajjiżi terzi; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lil pajjiżi terzi, li għandha tiġi b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandhiex tingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

79.  Jenfasizza s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU li se jsir f'Settembru 2019 bħala l-mument it-tajjeb biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini tal-NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament tal-NDC tagħha ferm minn qabel, sabiex fis-summit tkun ippreparata sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali tal-Partijiet b'appoġġ għal ambizzjoni msaħħa fil-qasam tal-klima;

80.  Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' salvagwardji ambjentali sabiex jiġi żgurat tnaqqis attwali u addizzjonali fil-gassijiet serra; jistieden lill-Kummissjoni għalgekk biex tirrakkomanda regoli internazzjonali stretti u robusti relatati mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġu evitati lakuni fl-ammontar jew fl-għadd doppju tat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

 

°

°  °

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza