Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0202/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0202/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tibdil fil-klima - viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

11.3.2019 - (2019/2582(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Peter Liese, Christian Ehlerf'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019

Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0202/2019
Testi mressqa :
B8-0202/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0202/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima - viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titlu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11), li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fit-tul tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi (O-000007/2019 – B8‑0000/2019 and O-000008/2019 – B8‑0000/2019), u l-viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (O-000016/2019 – B8‑0000/2019 and O-000017/2019 – B8‑0000/2019),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija fit-tul bit-titlu "Pjaneta nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju ġġib għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija tal-Ewropa, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, il-parlamenti nazzjonali, is-settur tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-bliet u l-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini; japprova l-objettiv ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu Futur dwar l-Ewropa, waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019;

2.  Jemmen li l-Ewropa tista' tindika t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, u tikkoordina l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta;

3.  Jaqbel mal-oqsma strateġiċi identifikati mill-Kummissjoni fejn hija meħtieġa azzjoni konġunta u jappoġġa l-effiċjenza enerġetika, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-kompetittività globali tal-industrija tal-UE;

4.  Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima introdotti f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jista' jġib inkonsistenzi u mhux għall-ilħuq mill-UE ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050; jemmen li hemm bżonn li jittieħed approċċ globali;

5.  Jaqbel mal-għan tal-UE li tikseb ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 kif stipulat fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni; jitlob lill-Istati Membri jaqblu dwar strateġija biex jintlaħaq dan l-għan fis-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, u jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'livell ta' ambizzjoni mitlub sabiex jintlaħaq dan l-għan;

ll-politika tal-enerġija

6.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju;

7.  Ifakkar li l-Unjoni rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tkabbir ekonomiku f'dawn l-aħħar deċennji kif ukoll naqqset l-emissjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-effiċjenza enerġetika u d-diffużjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

8.  Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika għas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u t-titjib fil-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' opportunitajiet kummerċjali u ta' impjieg, kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; jitlob għalhekk li l-prinċipju "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel" jintuża b'mod kosteffiċjenti bħala bażi għal toroq lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050;

9.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tkompli tixpruna l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġġib benefiċċji soċjali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej;

10.  Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

11.  Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju se teħtieġ investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena;

12.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, l-isforzi biex jitnaqqsu l-gassijiet serra sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fil-livell tal-UE, jistgħu ma jkunux mifruxa b'mod uniformi fl-UE;

13.  Jenfasizza li t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija hija kruċjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;

14.  Jemmen li s-suq tal-enerġija tal-UE jeħtieġ li jkun konness aħjar u li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-bini ta' konnessjonijiet nieqsa fl-infrastruttura fis-swieq kemm tal-gass kif ukoll tal-elettriku; jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika;

15.  Iqis li l-iżviluppi u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli sostenibbli u l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija se jkollhom rwol fundamentali;

L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

16.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju mingħajr telf nett ta' impjiegi u jieħu nota pożittiva tal-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji intensivi fl-enerġija; jenfasizza s-sejba li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni - l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; jekk tkun iffinanzjata b'mod adegwat; iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa verifika tal-ħiliet imġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u l-persuni jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġati reġjuni li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq attivitajiet marbuta ma' setturi jew teknoloġiji li huma mistennija li jonqsu jew se jkollhom jinbidlu fil-futur;

18.  Jenfasizza li aktar azzjoni u sforzi akbar lejn tranżizzjoni lejn enerġija nadifa se jkunu meħtieġa f'ċerti reġjuni tal-UE, bħalma huma r-reġjuni tal-faħam; itenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu għal allokazzjoni speċifika ta' EUR 4.8 biljun għal Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija ġdid li għandu jiġi introdott fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 sabiex tappoġġa lill-ħaddiema u lill-komunitajiet f'reġjuni bħal dawn milquta b'mod negattiv minn din it-tranżizzjoni;

19.  Jilqa' l-fatt li n-nies madwar l-Ewropa, qed isiru dejjem aktar attivi biex jiddimostraw favur il-ġustizzja klimatika; jilqa' t-talbiet ta' dawn l-attivisti biex ikun hemm ambizzjoni akbar u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-UE għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn it-talbiet;

20.  Jistieden lil-livelli kollha ta' gvern, kemm nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex idaħħlu fis-seħħ miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jistimulaw l-iskambju tal-aħjar prattiki;

Miri tal-klima u tal-enerġija

21.  Jilqa' l-miri b'saħħithom għal żmien medju adottati mill-UE għall-2030 li għandhom jibqgħu kostanti sabiex jipprovdu stabbiltà suffiċjenti għall-investiment tas-suq, jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u jsaħħu l-possibbiltajiet għan-negozji tal-Ewropa biex isiru mexxejja tas-suq globali f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi;

22.  Jenfasizza li sabiex tintlaħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni stabbli, prevedibbli u ambizzjuża tal-miri adottati tal-2030 tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-klawżoli ta' reviżjoni għall-miri tal-enerġija klimatika tal-2030, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk żieda hijiex konformi mal-perkors kosteffiċjenti lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 u jekk din hijiex ekonomikament fattibbli meta titqies il-kompetizzjoni globali;

24.  Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata ulterjorment stabbiltà miżjuda għas-swieq, se jkun ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi wkoll objettiv ta' tnaqqis fl-emissjonijiet interim ulterjuri sal-2040 li jista' jipprovdi stabilità addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;

Il-politika industrijali

25.  Itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li se jkunu meħtieġa investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inkluż f'teknoloġiji diġitali, u se tkun meħtieġa teknoloġija nadifa biex jiġi xprunat it-tkabbir u tissaħħaħ il-kompetittività, tingħata spinta lill-ħiliet futuri u jinħolqu miljuni ta' impjiegi, pereżempju f'ekonomija ċirkolari u f'bijoekonomija dejjem akbar;

26.  Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin;

27.  Jenfasizza r-rwol tal-industriji li jużaw ħafna enerġija biex jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE; iqis li ż-żamma tat-tmexxija industrijali tal-UE b'karbonju baxx u l-produzzjoni industrijali fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-investiment jeħtieġu qafas ta' politika intelliġenti u mmirat; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna enerġija b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti globalment f'kundizzjonijiet ekwi; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-industriji f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

29.  Jissottolinja li qafas ta' politika stabbli u prevedibbli dwar l-enerġija u l-klima huwa essenzjali biex tiġi pprovduta fiduċja tant meħtieġa tal-investituri u biex l-industriji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul fl-Ewropa, billi t-tul tal-ħajja tal-parti l-kbira tal-installazzjonijiet industrijali jaqbeż l-20 sena;

30.  Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, f'firxa wiesgħa ta' setturi mhux biss fil-produzzjoni elettrika, iżda wkoll fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali;

31.  Jenfasizza li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat huma għodda effettiva biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni meħtieġa fl-industrija u għalhekk għandhom jiġu adattati kif xieraq biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetittività globali tal-industriji Ewropej;

Kontribuzzjonijiet ta' setturi oħra

32.  Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, is-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, għandhom jikkontribwixxu għal dan; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti rispettivament mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ jinqsu milli jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti li tikkonforma mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi; ifakkar li hija prevista żieda tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali anke ta' 250 % sal-2050; jilqa' pożittivament il-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jikkonstata bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra; jinnota l-piż differenti fuq mezzi tat-trasport differenti; jitlob li ż-żieda fid-dħul tintuża biex jiġu promossi mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħax-xarabanks jew il-ferroviji;

33.  Jappoġġa l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti għall-inċentivar ta' bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tas-sekwestru, il-ħżin u s-sostituzzjoni) u għall-ilħuq tal-mira ta' emissjonijiet żero sal-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE u l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu fl-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;

Riċerka u innovazzjoni

34.  Jissottolinja li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali huma kruċjali biex jappoġġaw lill-Unjoni Ewropea fir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

35.  Jemmen li l-integrazzjoni industrijali għandha sseħħ b'mod adegwat fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni;

36.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport tal-Bord ta' Livell Għoli dwar il-Perkorsi ta' Dekarbonizzazzjoni (HLP)[2] dwar ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li jqiegħed lill-UE f'vantaġġ kompetittiv fit-tellieqa għad-dekarbonizzazzjoni; jinnota s-sett ta' rakkomandazzjonijiet tematiċi u trasversali prodotti mill-HLP, b'mod partikolari għall-orjentazzjoni tal-Programm Qafas il-ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027, Orizzont Ewropa;

37.  Iqis li matul l-għoxrin sena li ġejjin se jkun mitlub sforz sostanzjali ta' riċerka u innovazzjoni biex isiru disponibbli soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju għal kulħadd u li jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli, u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

38.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li ħafna ekonomiji ewlenin oħra għadhom ma bdewx jaħdmu fuq strateġiji għall-2050 u m'hemm kważi l-ebda dibattitu f'ekonomiji ewlenin oħra biex jiżdiedu l-NDCs biex dawn jikkonformaw mal-mira globali skont il-Ftehim ta' Pariġi; jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu d-diplomazija fil-qasam tal-klima u jieħdu miżuri xierqa oħrajn biex iħeġġu lil ekonomiji ewlenin oħrajn sabiex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi;

39.  Jenfasizza l-importanza ta' diplomazija u tmexxija b'saħħithom tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija fit-tisħiħ tas-sħubija u kooperazzjoni globali u multilaterali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu oqfsa komuni u azzjoni fil-fora tan-NU;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza